Alla hu Qaddis u Uniku, it-tieni parti

Mill-isfond tal-Bibbja (3)

Kitba ta’ Joe Galea

Ir-rivelazzjoni ta’ Abram

Ġurnata waħda mill-ħajja ta’ Abram, saret xi ħaġa li ġabet bidla kbira. Alla li hu fuq kulħadd jgħarraf lilu nnifsu lil Abram. Abram jgħaddi minn esperjenza reliġjuża u jħoss li Alla afdalu xi ħaġa. Alla għamel rivelazzjoni lil Abram. Dak Alla moħbi li kienu jemmnu fih l-Eġizzjani, is-Sumerjani, l-Assirjani u l-Kangħanin, juri min hu lil Abram. Din ir-rivelazzjoni lil Abram tinteressah, jaħseb fuqha, u jifhem li Alla tassew daħal f’ħajtu. Abram jista’ jgħid: “Il-Mulej kellimni u ġagħlni nifhem. Huwa Alla l-waħdieni, uniku, li hu fil-bidu ta’ kollox u ta’ kulħadd. Alla ta’ Abram mħux bħall-allat l-oħra; ma jrid xejn lura. Ma jridx offerti u sagrifiċċji ta’ dak li kien għażiż għalih. Li qed jagħti Alla hu rigal, għax Alla m’għandu bżonn xejn. Hu indipendenti minn kulħadd. Kien Alla li jieħu l-inizjattiva, għax mhuwiex Alla magħmul mill-bnedmin.

Abram m’għandu xejn x’jagħmel ħlief li jemmen u jkollu fiduċja fih. Il-prova tas-sagrifiċċju ta’ ibnu Izaak kienet sejħa għall-fidi t’Abram, u fl-istes ħin tagħlima minn Alla l-issa spiċċa z-zmien tas-sagrifiċċji ta’ bnedmin. Il-Kangħanin kienu mdorrija joqtlu lill-ewwel trabi tagħhom biex jiżguraw il-għajnuna ta’ l-allat. Alla ta’ Abram hu uniku; ma jitlobx sagrifiċċji bħal dawn. Anzi ried ll Abram jersaq lejh mingħajr biżgħa.

Alla ta’ Abram ma jridx allat oħra, kbar jew żgħar. Hu Alla għajjur, li ma jammettix rivali. Meta Ġakobb, li s-sefturi tiegħu kien ġiebhom mill-belt pagana ta’ Ħaran, induna li f’daru kellu allat ċkejkna u n-nisa u r-rġiel madwaru libsu s-simboli tal-allat fl-imsielet, ġabar ix-xbihat u radamhom taħt is-siġar fil-ħamrija.

Jidher li Alla ma riedx jitħallat ma allat kapriċċuzi. Hu Alla ġust, ħanin u twajjeb fl-istess ħin mal-bnedmin. Alla jisma’ bis-sabar lil Abram jittallab għan-nies ta’ Sodoma, u mqar għal numru żgħir kien lest li jaħfrilhom.

Alla mhux bħall-oħrajn

Alla ta’ Abram mhux ivvintat mill-bnedmin. Ma kienx l-istat li ħolqu, għaliex għall-ġirien tal-Lhud, Alla kien xi ħaġa fis-sema li tagħmel u tgħid dak li jridu l-mexxejja tal-art li tkun. Kienu allat li jirriflettu l-ambizzjonijiet tal-qawwija. Alla ta’ Abram hu uniku, u mill-bidu talab il-qima bħala Alla l-waħdieni. Mhemmx qima lil allat oħra. Imma għall-bidu, ma qajjimx il-mistoqsija dwar jekk hemmx allat oħra responsabbli għal xi partijiet mill-art.

Il-Lhud kienu għadhom influwenzati mill-idea ta’ ħafna allat bħalma kien twemmin qawwi f’dak iż-żmien tal-vjaġġ ta’ Abram. Bil-mod il-mod, Alla wassal lill-poplu biex jifhem is-setgħa tiegħu fuq l-allat l-oħra. ‘Il quddiem wassalhom biex jemmnu li, minbarra minnu, Alla l-ħaj, hemm biss allat bla ħajja. Dan għamlu billi l-Patrijarki fehmu lin-nies li Alla l-Għoli mhux marbut ma’ lokalità bħalma emmnu ċ-ċiviltajiet l-oħra tal-Lvant Nofsani. Tant li kienu jibdlu ‘l alla meta jġorru minn art għal oħra. Imma l-mixja ta’ Abram għallmitu jsib kull fejn jivvjaġġa lill-istess Alla, mhux marbut mal-post imma marbut mal-missirijiet tal-poplu. Il-Mulej stess kien itenni: “Jien Alla ta’ Abram, missierek: la tibżax, għax jiena miegħek. Jiena nbierkek u nkattar lil nislek minħabba Abram il-qaddej tiegħek.”

Hekk qal Alla lil Iżaak meta ħtieġlu jitlaq minn Ġerar minħabba t-tilwima dwar il-bjar tal-ilma li kellu mas-sultan Abimelek. U lil Ġakobb Alla jgħidlu: “Jiena l-Mulej, Alla ta’ Abram, missierek, u Alla ta’ Iżaak. L’art li rieqed fuqha, nagħtiha lilek u lil nislek.” Isem Alla jirrifletti kemm hu Alla uniku u maqtugħ mill-allat l-oħra.

Alla jismu ‘Jien li Jien’

‘Il quddiem Mosè jilmenta m’Alla: “Ara, jien sejjer għand ulied Iżrael, u ngħidlhom: “Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom. Jekk jgħiduli: X’jismu? X’ngħidilhom?” U Alla qal lil Mosè: “Jien li jien. Hekk tgħid lil ulied Iżrael: Jien bagħtni għandkom. Jaħwe, Alla ta’ missierijietkom, Alla ta’ Abram, Alla ta’ Iżaak, u Alla ta; Ġakobb bagħtni għandkom. Dan hu ismi għal dejjem.” Isem Alla ħu Jahweh, jew Alla, “Jien li Jien”.

Ried ifisser li m’hu maħluq jew imnissel minn ħadd. Hu minnu nnifsu, u minn dejjem u għalhekk hu fuq kulħadd. Jahweh ħafna drabi bil-Malti nittraduċuha Mulej. Alla ried li jibqa’ magħruf b’dan l-isem biex jibqgħu jiftakru fil-ġrajja kbira tal-ħelsien mill-Eġittu. Ħu l-istess Alla tal-Patrijarki, l-istess Alla ta’ Abram. Toħroġ ċara l-għira ta’ Alla għal allat oħra fil-għoti tal-Kmandamenti. “Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar l-ilsiera. Ma jkollokx Alla ieħor quddiemi; la tagħmel l-ebda naqxa u l-ebda xbieha tagħhom. Tqimħomx, għax jien, il-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur”.

Alla hu uniku, għax hu qaddis. Xi drabi hemm l-idea qawwija fil-Bibbja li Alla hu hekk qaddis li wieħed jibża’ jersaq lejh. Dan narawh f’Ġakobb li telaq minn Bir Saba u wasal fi mkien fejn waqaf għal-lejl. Qiegħed ġebla taħt rasu, u raqad. Ħolom li ra sellum li jwassal mill-art sas-sema, u l-anġli t’Alla telgħin u niżlin. Il-Mulej kien qiegħed fuqu, u qallu: “Jien il-Mulej, Alla ta’ Abram, missierek, u Alla ta’ Iżaak. Ġakobb stenbaħ u qal: “Tabilħaqq li hawn il-Mulej f’dan l-imkien u ma kontx naf.” U beża’, u qal: “Kemm ħu tal-biżgħa dan l-imkien. Dan mħux ħlief dar Alla, u bieb is-sema.” Lil Mosè, li resaq lejn is-siġra taqbad, Alla jgħidlu: “La toqrobx ‘l hawn; neħħi l-qorq tiegħek minn riġlejk, għax l-imkien li qiegħed fih hu art imqaddsa. Jien Alla ta’ Abram, Alla ta’ Iżaak, u Alla ta’ Ġakobb.”

Abram, wara li għamel iċ-ċerimonja ta’ rabta m’Alla, qasam min-nofs l-offerti u niżlu fuqhom it-tjur tal-ħtif u gerrixhom. Hi u tgħib ix-xemx, waqa’ fuq Abram ngħas qawwi u minnufih biżgħa u dalma kbira taqa’ fuqu.

Alla qaddis

Alla hu qaddis, għax jagħti l-qdusija. Hu jitlob li l-poplu tiegħu ikun qaddis, u jwiddibhom biex iħarsu ruħhom mill-ħtija. Fissrilhom x’għandhom jagħmlu biex ikunu qaddisin: iħarsu s-Sibt, jirispettaw lill-ġenituri, ma jdurux lejn allat oħra u jagħmlu l-karità. Meta jaħsdu r-raba’ ma jaslux sa xifer il-għalqa, u dak li jaqa’ ma jlaqqtuhx, imma jħalluh lill-fqir u lill-barrani. M’għandhomx jisirqu, jew ikollhom miżien ħażin, ma jgħakksux lill-proxxmu u ma jpattuhiex.

Huwa talab qdusija speċjali mill-qassisin. Meta jitolbu mal-poplu u jagħmlu sagrifiċċji ta’ tpattija jeħtieġ li jkunu ndaf f’ruħhom, kif inhu xieraq għaċ-ċelebrazzjoni. Talab il-qdusija fil-familja u r-rispett lejn il-persuna tal-membri tal-familja. Alla fiehem lill-poplu li kien Hu li refagħhom mill-iżbalji tal-Eġizzjani u tal-Kangħanin. “Tagħmlux bħalhom, imma ħarsu l-preċetti tiegħi. Jien il-Mulej Alla tagħkom! Għandkom tkunu qaddisin bħalma Jien qaddis.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading