SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI PIETRU U PAWLU
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 29 ta’ Ġunju, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum hi festa kbira għall-Knisja ta’ Ruma, iġġenerata mit-testimonjanza tal-Appostli Pietru u Pawlu u msoqqija b’demmhom u b’dak ta’ bosta martri oħra. Fi żmienna wkoll, fid-dinja kollha, hawn insara li l-Evanġelju jagħmilhom ġenerużi u qalbiena saħansitra sa ma jħallsu b’ħajjithom. B’hekk jeżisti ekumeniżmu tad-demm, għaqda inviżibbli u profonda bejn il-Knejjes insara, li xorta waħda għad mhemmx komunjoni sħiħa bejniethom. F’dil-festa solenni għalhekk, irrid nikkonferma li s-servizz episkopali tiegħi hu servizz għall-għaqda u li d-demm tal-Qaddisin Pietru u Pawlu jimpenja l-Knisja ta’ Ruma biex tkun ta’ servizz għall-għaqda bejn il-Knejjes kollha.
Il-ġebla, li minnha Pietru jirċievi ismu, hija Kristu. Ġebla mwarrba mill-bnedmin u li Alla għamilha ġebla tax-xewka (cfr Mt 21,42). Dil-Pjazza u l-Bażiliki Papali ta’ San Pietru u San Pawl jirrakkuntawlna li din il-bidla għadha għaddejja sal-lum. Dawn il-Bażiliki jinsabu fit-truf tal-belt l-antika, “barra mill-ħitan”, kif għadhom magħrufin sal-lum. Dak li f’għajnejna jidher kbir u glorjuz, l-ewwel kien skartat u mkeċċi, għax kien kuntrast mal-mentalità mondana. Min jimxi wara Ġesù jsib li hu miexi fit-triq tal-Beatitudnijiet, fejn il-faqar fl-ispirtu, il-mitezza, il-ħniena, il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, il-ħidma għall-paċi jsibu oppożizzjoni u persekuzzjoni. Madankollu, il-glorja t’Alla tiddi fi ħbiebu u tul il-mixja tibqa’ tiffurmahom permezz ta’ konverżjoni wara oħra.
Għeżież ħuti, fuq l-oqbra tal-Appostli, imkejjen ta’ pellegrinaġġ millenarju, aħna wkoll niskopru li nistgħu nimxu minn konverżjoni għal oħra. It-testment il-Ġdid ma jaħbix l-iżbalji, il-kontradizzjonijiet, id-dnubiet ta’ dawk li aħna nqimu bħala l-akbar Appostli. Il-kobor tagħhom, infatti, kien immudellat mill-maħfra. Għal aktar minn darba, l-Irxoxt mar ifittxhom biex jerġa’ jqabbadhom triqtu. Ġesù qatt ma jsejjaħ darba biss. Hu għalhekk li lkoll dejjem nistgħu nibqgħu nittamaw, kif ifakkarna wkoll il-Ġublew.
L-għaqda tal-Knisja u bejn il-Knejjes, ħuti, titmantna bil-maħfra u l-fiduċja reċiproka. Ibda mill-familji tagħna u mill-komunitajiet tagħna. Infatti, ladarba Ġesù għandu fiduċja fina, f’Ismu aħna wkoll jista’ jkollna fiduċja f’xulxin.
L-Appostli Pietru u Pawlu, flimkien mal-Verġni Marija, jinterċedu għalina, sabiex f’did-dinja mbiċċra l-Knisja tkun dar u skola ta’ komunjoni.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Fiż-żgur qed nitlob għall-komunità tal-Liceo “Barthélémy Boganda” f’Bangui, fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, li tinsab f’luttu minħabba l-inċident traġiku li ħalla għadd sew ta’ feruti u mejta fost l-istudenti. Il-Mulej ifarraġ lill-familji u lill-komnità kollha kemm hi!
Insellem lilkom ilkoll, illum b’mod speċjali nsellem lill-fidili ta’ Ruma fil-festa tal-Qaddisin Patruni! Nixtieq infakkar b’għożża lill-kappillani u lis-saċerdoti li jaħdmu fil-parroċċi ta’ Ruma, b’ħajr u inkoraġġiment għas-servizz li jagħtu.
F’dil-festa ssir ukoll il-ġabra tal-“Obolo di San Pietro”, li hi sinjal ta’ komunjoni mal-Papa u sehem fil-ministeru appostoliku. Irrodd ħajr minn qalbi li kulmin bl-għotja jwieżen l-ewwel passi tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru.
Insellem lil dawk kollha li qed jieħdu sehem fl-avveniment “Quo Vadis?”, li jżuru l-imkejjen ta’ Ruma li jfakkru lill-Qaddisin Pietru u Pawlu. Irrodd ħajr lil kulmin organizza din l-inizjattiva b’impenn, ħaġa li tgħin biex isiru magħrufin u jingħata ġieħ lill-Qaddisin Patruni ta’ Ruma.
Insellem lill-fidili minn bosta pajjiżi li ġew jakkumpanjaw lill-Arċisqfijiet tagħhom li llum irċevew il-Pallium. Insellem lill-pellegrini mill-Ukrajna – dejjem nitlob għall-poplu tagħkom -, mill-Messiku, mill-Kroazja, mill-Polonja, mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Venezwela, mill-Brażil, lill-Kor “Santi Pietro e Paolo” mill-Indoneżja, kif ukoll lill-grupp numeruz ta’ fidili Eritrej li jgħixu fl-Ewropa; lill-gruppi minn Martina Franca, Pontedera, San Vendemiano u Corbetta; lill-ministranti minn Santa Giustina in Colle, liż-żgħażagħ minn Sommariva del Bosco.
Irrodd ħajr lill-“Pro Loco” ta’ Ruma Kapitali u l-artisti li ħejjew l-infjorata f’Via della Conciliazione u Pjazza Piju XII. Grazzi!
Insellem lill-Guanelliani Koperaturi taċ-Centro-Sud Italia, lill-Assoċjazzjoni ta’ volontarjat minn Chiari, liċ-ċiklisti minn Fermo u lil dawk minn Varese, lill-grupp sportiv Aniene 80 u lill-pellegrini tal-“Connessione Spirituale”.
Ħuti, inkomplu nitolbu sabiex jissikktu l-armi kullimkien u tibda ħidma favur il-paċi permezz tad-djalogu.
Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber