QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI
GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI ĠODDA
FIS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd 29 ta’ Ġunju 2025
Għeżież ħuti,
Illum qed nagħmlu l-festa ta’ żewġ aħwa fil-fidi, Pietru u Pawlu, li fihom nilmħu pilastri tal-Knisja u nqimuhom bħala Patruni tad-Djoċesi u tal-belt ta’ Ruma.
L-istorja ta’ dawn iż-żewġ Appostli tisfida mill-qrib lilna wkoll, Komunità tad-dixxipli tal-Mulej pellegrina f’dan iż-żmien tagħna. B’mod partikulari, meta nħarsu lejn ix-xhieda tagħhom, nixtieq nisħaq fuq żewġ aspetti: il-komunjoni ekkleżjali u l-vitalità tal-fidi.
Qabelxejn, il-komunjoni ekkleżjali. Il-liturġija ta’ din is-Solennità, fil-fatt, turina kif Pietru u Pawlu ġew imsejħa jgħixu destin waħdieni, dak tal-martirju, li seħibhom għal dejjem ma’ Kristu. Fl-Ewwel Qari nsibu lil Pietru li, fil-ħabs, qed jistenna s-sentenza tiġi esegwita (ara Atti 12:1-11); fit-Tieni, l-Appostlu Pawlu, huwa wkoll fil-ktajjen, f’għamla ta’ testment jistqarr li d-demm tiegħu wasal biex jixtered u jiġi offrut li Alla (ara 2 Tim 4:6-8,17-18). Kemm Pietru u kemm Pawlu, allura, jagħtu ħajjithom għall-kawża tal-Vanġelu.
Madankollu, din il-komunjoni fl-istqarrija waħda tal-fidi mhijiex xi konkwista paċifika. Iż-żewġ Appostli jaslu għaliha bħala destinazzjoni li fiha jaslu wara mixja twila, li fiha kull wieħed minnhom ħaddan il-fidi u għex l-appostolat b’mod differenti. Il-fraternità tagħhom fl-Ispirtu ma tneħħix id-diversitajiet li minnhom telqu: Xmun kien sajjied mill-Galilija, waqt li Sawlu intellettwali rigoruż mill-partit tal-Fariżej; l-ewwel wieħed iħalli kollox minnufih biex jimxi wara l-Mulej; it-tieni jippersegwita lill-Insara sakemm jiġi ttrasformat minn Kristu Rxoxt; Pietru jipprietka fuq kollox lil-Lhud; Pawlu jħossu mqanqal biex iwassal il-Bxara t-Tajba lill-ġnus.
Fost it-tnejn, kif nafu, ma jonqsux il-kunflitti dwar ir-relazzjoni mal-pagani, tant li Pawlu jafferma: “Meta Kefa ġie Antjokja, jiena waqaftlu f’wiċċu, għaliex kellu tort” (Gal 2:11). U din il-kwistjoni, kif nafu, ħa ħsiebha l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, li fih iż-żewġ Appostli reġgħu ħaduha ma’ xulxin.
Għeżież, l-istorja ta’ Pietru u Pawlu tgħallimna li l-komunjoni li għaliha l-Mulej isejħilna hi armonija ta’ ilħna u ta’ wċuħ, u ma tikkanċellax il-libertà ta’ kull persuna. Il-Patruni tagħna għaddew minn mogħdijiet differenti, kellhom ideat differenti, xi drabi kkonfrontaw u ħaduha ma’ xulxin bi frankezza evanġelika. Madankollu, dan ma żammhomx milli jgħixu l-concordia apostolorum, jiġifieri komunjoni ħajja fl-Ispirtu, sintonija għammiela fid-diversità. Kif jistqarr Santu Wistin, “jum wieħed hu kkonsagrat lill-festa taż-żewġ appostli. Imma huma wkoll kienu ħaġa waħda. Imqar jekk ħadu l-martirju f’jiem differeti, kienu ħaġa waħda” (Diskors 295, 7.7).
Dan kollu jisfidana fil-mixja tal-komunjoni ekkleżjali. Din titwieled mit-tqanqila tal-Ispirtu, tiġbor flimkien id-differenzi u toħloq pontijiet ta’ għaqda fil-varjetà tal-kariżmi, tad-doni u tal-ministeri. Importanti nitgħallmu ngħixu hekk il-komunjoni, bħala għaqda fid-differenzi, biex il-varjetà tad-doni, miġbura flimkien fl-istqarrija ta’ fidi waħda, tikkontribwixxi b’risq ix-xandir tal-Vanġelu. F’din it-triq aħna msejħin nimxu, proprju billi nħarsu lejn Pietru u Pawlu, għax ilkoll għandna bżonn ta’ fraternità bħal din. Għandha bżonnha l-Knisja, għandhom bżonnha r-relazzjonijiet bejn lajċi u presbiteri, bejn il-presbiteri u l-Isqfijiet, bejn l-Isqfijiet u l-Papa; l-istess kif għandhom bżonnha l-ħajja pastorali, id-djalogu ekumeniku u r-relazzjoni ta’ ħbiberija li l-Knisja tixtieq tibni mad-dinja. Inħabirku biex nagħmlu mid-differenzi ta’ bejnietna laboratorju ta’ għaqda u ta’ komunjoni, ta’ fraternità u ta’ rikonċiljazzjoni biex kull persuna fil-Knisja, bl-istorja personali tagħha, titgħallem timxi flimkien mal-oħrajn.
Il-qaddisin Pietru u Pawlu jisfidawna wkoll dwar il-vitalità tal-fidi tagħna. Fil-fatt, fl-esperjenza tad-dixxipulat dejjem hemm ir-riskju li naqgħu fid-drawwa, fir-ritwaliżmu, fi skemi pastorali li jirripetu ruħhom mingħajr ma jiġġeddu u mingħajr ma jilqgħu l-isfidi tal-preżent. Imma fl-istorja taż-żewġ Appostli, tnebbaħna r-rieda tagħhom li jinfetħu għall-bidliet, li jħallu jinterrogawhom il-ġrajjiet, il-laqgħat u s-sitwazzjonijiet konkreti tal-komunitajiet, li jfittxu toroq ġodda għall-evanġelizzazzjoni, ibda mill-problemi u l-mistoqsijiet li jagħmlu l-aħwa fil-fidi.
U fil-qalba tal-Vanġelu li għadna kemm smajna hemm proprju l-mistoqsija li Ġesù jagħmel lid-dixxipli tiegħu, u li jagħmel lilna wkoll illum, biex nistgħu ngħarblu jekk il-mixja tal-fidi tagħna għadx għandha fiha d-dinamiċità u l-vitalità, jekk għadhiex imqabbda l-fjamma tar-relazzjonijiet mal-Mulej: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (Mt 16:15).
Ta’ kuljum, f’kull siegħa tal-istorja, dejjem irridu nkunu għajnejna miftuħa għal din il-mistoqsija. Jekk ma rridux li l-identità Nisranija tagħna tirriduċi ruħha għal wirt tal-imgħoddi, kif tant drabi wissiena l-Papa Franġisku, importanti noħorġu mir-riskju ta’ fidi għajjiena u statika, biex nistaqsu lilna nfusna: min huwa llum għalina Ġesù Kristu? X’post għandu fil-ħajja tagħna u fl-azzjoni tal-Knisja? Kif nistgħu nagħtu xhieda ta’ din it-tama fil-ħajja ta’ kuljum u nħabbruha lil dawk li magħhom niltaqgħu?
Ħuti, it-taħriġ tad-dixxerniment, li jinbet minn dawn il-mistoqsijiet, jippermetti lill-fidi tagħna u lill-Knisja li tiġġedded kontinwament u tesperimenta toroq ġodda u prassi ġodda għax-xandir tal-Vanġelu. Dan, flimkien mal-komunjoni, għandu jkun l-ewwel xewqa tagħna. B’mod partikulari, illum nixtieq indur fuq il-Knisja li tinsab f’Ruma, għax iktar minn kulħadd hi msejħa ssir sinjal ta’ għaqda u ta’ komunjoni, Knisja mkebbsa b’fidi ħajja, Komunità ta’ dixxipli li jagħtu xhieda tal-ferħ u l-faraġ tal-Vanġelu fis-sitwazzjonijiet umani kollha.
Fil-ferħ ta’ din il-komunjoni, li l-mixja tal-qaddisin Pietru u Pawlu tistedinna nikkultivaw, insellem lill-aħwa Arċisqfijiet li llum qed jirċievu l-Pallju. Għeżież, dan is-sinjal, waqt li jfakkar fid-dmir pastorali li hu fdat f’idejkom, jesprimi l-komunjoni mal-Isqof ta’ Ruma, biex fl-għaqda tal-fidi Kattolika, kull wieħed minnkom jista’ jseddaqha fil-Knejjes lokali fdati lilkom.
Nixtieq imbagħad insellem lill-membri tas-Sinodu tal-Knisja Griega-Kattolika Ukrena: grazzi tal-preżenza tagħkom hawn u taż-żelu pastorali tagħkom. Il-Mulej jagħti l-paċi lill-poplu tagħkom!
U b’rikonoxxenza ħajja nsellem lid-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku, mibgħuta hawn minn ħija l-għażiż il-Qdusija Tiegħu Bartilmew.
Għeżież ħuti, edifikati mix-xhieda tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu, ejjew nimxu flimkien fil-fidi u fil-komunjoni, u nsejħu l-interċessjoni tagħhom fuqna lkoll, fuq il-belt ta’ Ruma, fuq il-Knisja u fuq id-dinja kollha.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard