Il-fidi tiltaqa’ mal-futur: L-10 edizzjoni ta’ Bible&Beer tesplora l-etika tal-intelliġenza artifiċjali
04/07/2025: X’jiġri meta l-għerf antik jiltaqa’ mat-teknoloġija tal-lum? Din kienet il-mistoqsija ewlenija li animat l-10 edizzjoni ta’ Bible & Beer, is-serje popolari ta’ diskussjonijiet ospitata miż-Żgħażagħ tal-Oratorju MSSP, li din id-darba ffukat fuq id-dinja dejjem tikber tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-implikazzjonijiet etiċi tagħha.

L-attivitá saret fil-beraħ, f’parti mill-parkeġġ tal-Oratorju MSSP, imżejjen qisu ġnien għall-okkażjoni, u ġiet parzjalment sponsorjata minn APS Bank. L-imwejjed kollha ġew mimlija b’firxa wiesgħa ta’ żgħażagħ, studenti u professjonisti. Kien spazju rari fejn setgħu jseħħu konversazzjonijiet sinifikanti – konversazzjonijiet li jinvolvu l-moħħ, il-qalb u l-kuxjenza.
Dr Dylan Seychell, akkademiku residenti fid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta u speċjalista fil-Computer Vision, fetaħ il-panel tad-diskussjoni. Tkellem ċar u tond dwar kif l-AI mhux biss qed tbiddel kif naħdmu u nikkomunikaw, imma wkoll kif nifhmu lilna nfusna. “M’aħniex sempliċement qegħdin nawtomatizzaw ħidmiet differenti,” qal. “Qegħdin bil-mod il-mod nibdlu l-mod kif naħsbu b’mod kritiku, kif nirrelataw, u kif nidentifikaw x’inhu veru.” Hekk kif is-sistemi tal-AI jidħlu iktar fil-ħajja ta’ kuljum, il-kwistjoni issa hi mhix biss jekk dawn is-sistemi jistgħux jaħdmu aħjar mill-bniedem, imma jekk il-bniedem hux se jibqa jaħdem, għax isir kompletament dipendenti fuq il-magni biex jiddeċiedi.

Ir-riflessjonijiet tiegħu laħqu fil-laħam il-ħaj. “Ġejt hawn naħseb li se nitkellmu biss dwar it-teknoloġija,” qalet Maria, studenta universitarja, “imma spiċċajna nitkellmu dwar x’jagħmilna umani. Kienet sfida qawwija għall-mod kif imdorrija naħseb.”
Wara dan, Kenneth Brincat, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, tkellem bla tlaqlieq kif dawn l-isfidi qed jiġu indirizzati fuq livell ta’ politika. Huwa spjega l-prinċipji ewlenin tal-Att tal-AI tal-UE, fejn is-sistemi tal-AI qed jiġu kklassifikati skont ir-riskju tagħhom — minn dawk li issa huma pprojbiti għalkollox sa għodod ta’ riskju baxx immexxija minn kodiċi ta’ kondotta volontarji. Il-messaġġ tiegħu kien ċar: il-qafas legali waħdu ma jistax jiggarantixxi l-ġustizzja jew id-dinjità jekk mhux imsieħeb b’sens ta’ responsabbiltà kondiviża. “L-AI trid isservi lill-bniedem, mhux bil-maqlub,” saħaq, u ħeġġeġ lill-udjenza taħseb lil hinn mill-konvenjenza u l-effiċjenza.
L-aħħar kelliem tas-serata, Fr Jean Gové, daħħal prospett spiritwali essenzjali fid-diskussjoni. Fr Jean, li hu filosofu tal-AI u rappreżentant tas-Santa Sede fil-Kumitat tal-AI tal-Kunsill tal-Ewropa, stedinna nħarsu lil hinn mill-funzjonalità u nistaqsu mistoqsijiet morali aktar profondi. Il-Knisja tqis l-użu tal-AI bħala etiku? X’inhi r-rwol tagħha f’futur fejn ix-xogħol jista’ jisparixxi u r-relazzjonijiet ikunu simulati mill-magni? U kif niddixxernu x’inhu tassew ta’ Alla f’dinja fejn sistemi artifiċjali jistgħu jimlew l-empatija, il-fehim, u saħansitra d-djalogu spiritwali?
It-ton kalm u riflessiv tiegħu ta bixra ġdida u sinifikattiva lid-diskussjoni. “Hekk kif l-AI issir aktar sofistikata biex timita dak li hu uman – l-emozzjonijiet, it-twemmin, il-bżonnijiet tagħna – aħna msejħin biex ninżlu iktar fil-fond fil-verità,” qal. “Mhux kull ma jidher reali huwa veru.”

Meta l-attività waslet fi tmiemha, l-atmosfera kienet mhux biss riflessiva, imma wkoll mimlija enerġija. Flok telqu, in-nies baqgħu jiddiskutu bejniethom, imqanqlin mill-isfidi li nqalgħu minn dak li kienu semgħu. “Kollox kien organizzat perfettament,” qal wieħed mill-parteċipanti. “Kelliema involvuti, ambjent milqugħ u kontenut li verament jagħmlek taħseb. Ma kienx sempliċement diskors – kienet esperjenza.”
L-għaxar edizzjoni ta’ Bible & Beer ikkonfermat dak li ħafna ilhom jissuspettaw. Iż-żgħażagħ ma jibżgħux mill-kumplessità, anzi għandhom xewqa kbira għal spazji fejn mistoqsijiet diffiċli jsibu t-tweġiba tagħhom – mistoqsijiet dwar it-tekonoloġija, il-moralità, u x’inhi l-vera tifsira ta’ li tkun uman. U meta jinħolqu spazji bħal dawn, iż-żgħażagħ mhux biss jisimgħu, imma jinteressaw ruħhom u jibqgħu jirriflettu.
Iż-żgħażagħ li ppakkjaw l-ispazju kollu maħluq għal din l-attività wera mingħajr dubju li Bible&Beer qiegħda tiftaħ tieqa fuq xi ħaġa verament vitali. U hekk kif id-dinja tkompli tevolvi, jidher ċar li din il-komunità hi determinata li minn konverżazzjoni onesta għall-oħra, tkompli tikber, tistaqsi u timxi flimkien.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti