Ħsieb minn D. Edward Vella
Bla dubju li l-kumdità li qed ngħixu llum hija bil-wisq akbar minn dik li għexu missirijietna, u anke minn dik li għexna aħna fil-passat. Il-bniedem modern bħal qisu sab mod kif itaffi diversi tbatijiet li fil-passat ma kellux għażla oħra ħlief li jaċċettahom: nieħdu eżempju s-sħana tas-sajf li qed ngħixu fiha bħalissa; l-użu tal-arja kundizzjonata żgur li għenitna ħafna biex intaffu l-effett ta’ temperaturi għoljin li joħolqu skumdita mhux żgħira. Iżda bħal kull ħaġa fil-ħajja, kollox fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu: il-kumdità li qed ngħixu, effett tal-qagħda finanzjarja tajba ta’ żmienna, fiha wkoll ir-riskju tal-mentalità ‘jien ma jien bżonn ta’ ħadd u ħadd ma hu bżonni’.
Din il-mentalità qegħda toħloq problemi kbar fi żmienna: biżżejjed wieħed isemmi l-epidemija tas-solitudni, epidemija li twassal għal sitwazzjonijiet traġiċi li sfortunatament sikwit nilmħu fi żmienna. Ħafna drabi għal dawn is-sitwazzjonijiet, jiġifieri fejn persuna tispiċċa tagħmel ħsara lilha nnifisha, ħafna jgħidu li jeħtieġ li wieħed jieħu aktar ħsieb is-saħħa mentali tiegħu u għalhekk il-bżonn dejjem aktar ta’ serviżżi fejn tidħol is-saħħa mentali. Dan huwa minnu, però il-problema vera hija li l-bniedem tal-lum donnu dejjem aktar qiegħed isir egoist, u l-mentalità ta’ ‘sewwa jien sewwa kulħadd’ u ‘ma jimpurtanti minn ħadd’ qegħda kulma jmur tikber? Jiena naħseb li l-bażi tal-problema tas-solitudni u l-mard mentali hija l-fatt li ħafna llum donnu ma għadhomx jafu jħobbu, donnu aktar ħsiebna biex inħaxxnu bwietna milli nieħdu ħsieb u nħobbu lil xulxin.
Mal-ewwel daqqa t’għajn għall-qari tal-quddiesa tal-lum, nintebħu li fih żewġ sitwazzjonijiet ta’ akkoljenza li forsi fi żmienna ma għadniex nifhmuhom. Fil-grajja ta’ Abraham, li jmur jiġri jilqa’ lil tliet stranġieri u jistedinhom jieqfu għandu, x’ħin tirrifletti fuq kliem Abraham tispiċċa biex tistaqsi l-pjaċir min qed jagħmlu u lil min? ‘“Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. Abraham bla ma ntebaħ, kien qiegħed jilaq’ l-anġlu tal-Mulej, jew anke lill-Mulej innifsu: infatti f’din id-dehera tal-għaġeb ħafna jilmħu tħabbira ta’ dak it-tagħrif dwar Alla li kellu jkun Ġesù li jirrivelahulna, jiġifieri li Alla huwa Trinità ta’ Persuni Divini. Qabel telqu dawn qalulu, ‘“Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben”.
Il-Vanġelu tal-lum jurina l-akkoljanza li tagħmel Marta ma’ Ġesù. Marta u Marija, quddiem il-persuna ta’ Ġesù għamlu għażliet differenti: Marta tagħmel dak li kien mistenni minn kull mara ta’ żmienha, jiġifieri li tieħu ħsieb id-dar u t-tisjir; Marija tagħżel li tinżel f’riġlejn Ġesù u tisimgħu. Meta Marta titlob lil Ġesù biex jgħid lil Marija tagħmel dak li kien mistenni minnha, Ġesù bi kliem ħelu jċanfarha u jgħidilha li kienet Marija li għażlet dak li hu l-aħjar. Ġesù mhux qiegħed jgħid li wieħed ma għandux jieħdu ħsieb id-dar u jsajjar, iżda qiegħed jgħid li kollox għandu jsir f’ħinu u f’waqtu: wieħed qatt ma għandu jitlef opportunità li jisma’ il-Kelma t’Alla jew jieħu sehem fil-quddiesa minħabba l-faċendi tad-dar jew xi xogħol ieħor, għax dawn jistgħu jsiru ħin ieħor.
San Pawl, fit-tieni qari tal-lum qalilna: ‘jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.’ Min iħobb verament, ikun lest li jbati għal min iħobb. Nistaqsu lilna nfusna: jien nisma l-Kelma t’Alla u nfittex li nifhimha sew għaliex nemmen li hija l-Kelma tal-Mulej biss li tgħallimni nħobb bil-verità?
Mulej, is-salm tal-lum qalilna li biex wieħed jgħammar f’darek irid ‘jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu; min ma jqassasx bi lsienu. Min ma jagħmilx deni lil ġaru, u ma jgħajjarx lil għajru…’. Nitolbuk għenna Mulej ħalli nifhmu li l-akbar sfida tal-ħajja hija li nħobbu dejjem aktar lil xulxin, u li dan nagħmluh anke meta ma huwiex faċli: hekk biss ngħixu s-sbuħija tar-rigal tal-ħajja li inti għoġbok tagħtina. Ammen
It tahwid tad dinja hu li id dinja warbet lil ALLA.