Minn Joe Galea
Issa li għaddew xahrejn u nofs minn meta l-Papa Ljun XIV intgħażel bħala l-kap tal-Knisja Kattolika, ħafna minna saru familjari miegħu fi żmien qasir. Sar wieħed ta’ ġewwa, qisna ilna nafuh ħafna, meta fil-fatt kienu ftit fostna li semgħu bih. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni għenuna biex insegwu lill-Papa kulfejn ikun filwaqt li nkunu attenti għall-messaġġi sbieħ tiegħu. Kull Papa jkollu l-kariżma tiegħu, ikollu kwalitajiet partikulari u stil ta’ kif imexxi l-Knisja. Nistgħu ngħiduha mill-ewwel li l-kwalitajiet li huma evidenti fil-Papa preżenti jawguraw futur sabiħ għall-Knisja.
Patri li jaf sew lill-Papa
Dwar il-kwalitajiet sbieħ tal-Papa Ljun XIV u dwar il-kariżma tiegħu, jista’ jgħidilna bl-esperjenza tiegħu il-patri Agostinjan Alejandro Moral Anton. Dan il-patri, pirjol tal-Agostinjani, li għandu 70 sena, hu ħabib kbir tal-Papa Ljun XIV. Jafu sew u jista’ jkellimna dwar min hu Robert Francis Prevost u dwar il-kwalitajiet tiegħu. Meta qalulu li l-Papa se jmur għal ftit mistrieħ f’Castel Gandolfo, Patri Alejandro feraħ għax jgħid li tassew jixraqlu, għax jaħdem bla heda u b’rittmu mpressjonanti.
Patri Alejandro jgħid li meta l-Papa Ljun kien pirjol tal-Agostinjani, kien ikun l-ewwel wieħed fid-daħla tal-kappella, filgħodu kmieni, u billejl jibqa’ bid-dawl sat-tard fil-kamra tiegħu, iwieġeb il-ħafna messaġġi. Jaf dan għax kienu ġirien fil-kunvent. Issa li Robert Francis Prevost hu l-Papa, l-affarijiet ma nbidlux, għalkemm għandu ħafna responsabbiltajiet. Hu persuna konsistenti, dejjem preparat u qatt mhu nieqes mill-attenzjoni lejn l-oħrajn.
Fil-vaganza tiegħu f’Castel Gandolfo, il-Papa jitlob l-Angelus u jqaddes il-Ħadd fil-parroċċi tal-viċin. Patri Alejandro jaf ukoll li ġo Villa Barberini, fejn qed joqgħod il-Papa, se jibda jaħdem fuq l-ewwel enċiklika tiegħu. Jista’ jkun li l-enċiklika tittratta dak li tkellem dwaru fl-ewwel sigħat tal-elezzjoni tiegħu, it-tema tal-paċi, id-duttrina soċjali, l-għaqda u l-intelliġenza artifiċjali.
Gosti tal-Robert Francis Prevost
Meta staqsew lil-patri Alejandro jekk il-Papa hux se jibqa’ jilgħab it-tennis, l-isport li l-aktar iħobb, qal li l-Papa jixtieq, imma f’dawn l-aħħar xahrejn lagħab biss darba, mas-segretarju personali tiegħu. Kien wieħed mill-mumenti rari ta’ rikreazzjoni tiegħu, għax issa ma tantx isib ħin. Hemm tistennieh ħarifa mimlija, bejn il-Ġublew, l-impenji u l-appuntamenti, u vjaġġi li għandu fi ħsiebu. Jidher li l-ewwel vjaġġ se jkun fit-Turkija u forsi qabel jgħaddi l-Alġerija. Intant f’Castel Gandolfo l-Papa ġie regalat 2 karozzi disinjati għal vjaġġi bl-ajru fit-tul mingħajr il-bżonn li l-karozzi jkunu żarmati. Il-Papa jkun jista’ jitla’ u jinżel minnhom mingħajr tbatija.
Il-Papa hu ħabib tar-riformi li jkun hemm bżonn isiru. Irid jagħmel tibdiliet fl-amministrazzjoni tal-Vatikan. Sadattant il-vaganza tas-sajf f’Castel Gandolfo żgur se tgħinu biex iwieżen kollox speċjalment id-deċiżjonijiet li jkollu jieħu. Il-ħin li jibqagħlu jiddedikah biex jikteb l-enċiklika li semma’ patri Alejndro.
Patri Alejandro jgħid, li l-Papa, meta għal snin kien il-pirjol tal-Agostinjani, mexxa b’mod ġust, b’lejalta’ u trasparenza. Persuna b’bilanċ eċċezzjonali. Meta ħalla l-Ordni ta-Agostinjani wara żewġ terms, kien milqugħ minn ovazzjoni ta’ 10 minuti.
Fil-ħin liberu tiegħu, il-Papa jdoqq il-pjanu. Studja l-mużika meta kien żgħir, u jaf jaqra l-mużika. Ftit jiem wara l-elezzjoni tiegħu, laqa’ għandu surmast tal-orkestra famuż Taljan u l-Papa daqq mużika xi ftit diffiċli ta’ Bartok fuq il-pjanu.
Patri Alejandro jgħid li l-Papa Ljun XIV iħobb ħafna lil Ruma u din hi ħaġa sabiħa għall-Knisja. Rajna kemm għandu Taljan tajjeb. Mar Ruma għall-ewwel darba fl-1981 biex jistudja u dam hemm 3 snin. Imbagħad reġa’ qagħad Ruma mill-2001 sal- 2013. Jaf sew lil Ruma u l-belt hi għal qalbu.
Importanza lill-komunikazzjoni
Meta staqsew lil Patri Alejandro kif jaħseb li se tkun ir-relazzjoni tiegħu man-nies tal-midja, bħall-ġurnalisti u tal-aħbarijiet, qal li l-Papa jaf sew li mingħajr komunikazzjoni, ikun komplikat għall-Knisja biex timxi ‘l quddiem. Għalih, il-komunikazzjoni hi fundamentali. Meta l-Agostinjani ma kellhomx web-page, kien hu li riedha u kkreaha hu stess.
Ħaġa oħra sabiħa li għandu l-Papa Ljun XIV hi li bħal Papa Franġisku għandu rispett kbir lejn l-anzjani. Fil-messaġġ tiegħu fil-Jum Dinji għan-Nanniet u għall-Anzjani, nhar il-Ħadd 27 ta’ Lulju, l-għada tal-festa ta’ Sant Anna u San Ġwakkin, il-Papa qal li: “It-tama hi għajn kostanti ta’ ferħ, hi x’inhi l-eta’.” Qal li l-anzjanità “hi żmien ta’ barka u ta’ grazzja. U l-anzjani huma l-ewwel xhieda tat-tama.” Stieden ukoll għall-kura tal-anzjani, speċjalment għal dawk li huma weħidhom u li kull parroċċa tagħti sapport lill-anzjani u tagħti t-tama u d-dinjita’ lil dawk minsija.
Għandu ħabta jqiegħed il-kliem tant tajjeb u jirrakkonta b’mod li tieħu gost tisimgħu. Ifakkarna fil-Papa Ġwanni Pawlu I, li dam biss Papa 33 ġurnata proprju qabel il-Papa San Ġwanni Pawlu II. Famuż il-ktieb tiegħu, ‘Illustrissimi’ fejn jitħaddet b’mod interessanti ma’ 40 personalitajiet, bħal Mark Twain, Pinocchio u oħrajn.
Eżempju ieħor tal-ħila fir-rakkonti tiegħu, hu meta fl-ewwel udjenza ġenerali f’Ruma l-Papa Ljun XIV irrefera għall-pittura ta’ Van Gogh, ‘Iż-żerriegħ fi nżul ix-xemx’ u sejħilha simbolu tat-tama. Il-Papa nnota d-diversi kuluri, l-isfar, l-aħdar, l-ikħal u l-vjola li kien iħobb juża Van Gogh. Innota li wara l-bidwi, Van Gogh pitter il-qamħ li diġa’ sar. Ix-xemx qed iddawwal l-għalqa fil-mixja tal-bidwi. Il-Papa jgħid: “Kull kelma tal-Vanġelu tkellimna dwar il-bżonn tal-opri tajba. Il-ħamrija mhix biss fil-qalb tagħna, imma fid-dinja, fil-komunita’ u fil-Knisja.” Kemm hu mod sabiħ kif il-Papa jwassal il-messaġġ tiegħu!
Dawn il-kwalitajiet tal-Papa Ljun XIV u oħrajn li għad niskopru jawguraw żmien sabiħ għall-Knisja Kattolika u għad-dinja.
