Il-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fil-Ġublew taż-Żgħażagħ.

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Tor Vergata (Ruma)
Il-Ħadd, 3 ta’ Awwissu, 2025

Għeżież,

Il-Mulej  Ġesù jinsab preżenti f’nofsna u fina: kollox f’kulħadd fl-Ewkaristija.  Magħqudin miegħu ejjew ngħollu leħinna u ngħidu grazzi kbir lill-Missier għad-don ta’ dawn il-ġranet tal-Ġublew tagħkom.  Kienet xita ta’ grazzji għall-Knisja u għad-dinja kollha!  U dan seħħ bil-parteċipazzjoni tagħkom ilkoll.  Għalhekk irrid nirringrazzjakom wieħed wieħed, waħda waħda, b’qalbi kollha.  B’mod partikolari rrid inqiegħed f’idejn il-Mulej lil Maria u lil Pascale, iż-żewġ tfajliet pellegrini, waħda Spanjola u l-oħra Eġizzjana, li ħallewna f’dal-ġranet.  Irrodd ħajr lill-isqfijiet, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, lill-edukaturi li akkumpanjawkom; u wkoll lil dawk li talbu għal dan l-avveniment u taw sehemhom spiritwalment.

F’komunjoni ma’ Kristu, il-paċi u t-tama tad-dinja, aħna qrib, aktar minn qatt qabel, taż-żgħażagħ li qed isofru danni mill-aktar serji minn idejn bnedmin oħra.  Aħna qrib iż-żgħażagħ ta’ Gaża, aħna qrib iż-żgħażagħ tal-Ukrajna, ta’ dawk li jgħixu f’kull art imdemmija bil-gwerra.  Għeżież ħuti żgħażagħ, intom sinjal li d-dinja tista’ tkun differenti: dinja ta’ fraternità u ħbiberija fejn is-soluzzjoni tal-kunflitti ma ssirx bl-użu tal-armi imma bid-djalogu.

Iva, bi Kristu dan possibbli!  B’imħabbtu, bil-maħfra tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu.  Għeżież ħbieb tiegħi, magħqudin ma’ Ġesù, bħal friegħi tad-dielja, intom tagħtu ħafna frott: melħ tal-art, dawl tad-dinja, żerriegħa tat-tama kulfejn tkunu: fil-familja, ma’ ħbiebkom, fl-iskola, fuq ix-xogħol, waqt id-divertiment.  Żerriegħa  tat-tama flimkien ma’ Kristu tama tagħna.

Wara dal-Ġublew, “il-pellegrinaġġ tat-tama” taż-żgħażagħ ikompli u se joħodna l-Asja!  Inġedded l-istedina li l-Papa Franġisku kien għamel f’Lisbona sentejn ilu: iż-żgħażagħ tad-dinja kollha se jiltaqgħu mas-Suċċessur ta’ Pietru biex jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Seoul, fil-Korea, bejn it-3 u t-8 ta’ Awwissu, 2027.  It-tema ta’ dal-Jum Dinji hi “Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja! (Ġw 16,33).  Propju t-tama li tgħammar fi qlubna ttina l-forza biex inħabbru r-rebħa ta’ Kristu Rxoxt fuq il-ħażen u fuq il-mewt; u intom, żgħażagħ pellegrini tat-tama, se tkunu xhieda ta’ dan sat-truf tad-dinja.  Allura ntikom appuntament f’Seoul: inkomplu noħolmu flimkien, nittamaw flimkien!

Nafdaw ruħna f’idejn il-protezzjoni materna tal-Verġni Marija.

(Angelus Domini ……)

Tislima tal-aħħar liż-żgħażagħ:

Tajjeb, guvintur, tfajliet, tislima tal-aħħar.

Mill-ġdid grazzi lilkom ilkoll!  Grazzi tal-mużika, grazzi lil dawk kollha li ħadmu biex jitħejjew tant affarijiet għal dil-ġimgħa, għal dal-Ġublew.  Diġà għidna li l-appuntament li jmiss se jkun fil-Korea.  Applaws lill-Korejani kollha li hawn preżenti!

Nitlob lilkom biex twasslu tislima lill-bosta żgħażagħ li ma setgħux jiġu hawn, żgħażagħ minn tant pajjiżi mnejn hu impossibbli toħroġ.  Hawn postijiet mnejn iż-żgħażagħ ma setgħux ikunu magħna għal raġunjiet li nafuhom.

Wasslu dal-ferħ, dan l-entużjażmu, lid-dinja kollha.  Intom il-melħ tal-art, id-dawl tad-dinja: wasslu din it-tislima lill-ħbiebkom kollha, liż-żgħażagħ kollha fil-ħtieġa ta’ messaġġ ta’ tama.

Grazzi lilkom ilkoll!  U l-vjaġġ it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

One thought on “Il-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fil-Ġublew taż-Żgħażagħ.”

  1. Joghgobni hafna u grazzi li twasslulna dawn l-omeliji bit-taghlim sabih li fihom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading