Ħsieb tad-19-il Ħadd matul is-Sena Ċ

Ħsieb minn D. Edward Vella

X’inhuma l-aktar affarijiet li tgħożż fil-ħajja tiegħek? Liema huwa t-teżor tiegħek? Kull wieħed u waħda minna f’moħħna (ħsibijietna) u f’qalbna (emozzjonijiet) għandna ġerarkija ta’ dak li hu l-aktar importanti għalina. Dan jidher l-aktar meta jeħtiġilna nagħżlu bejn ħaġa u oħra. Aħna dejjem nagħtu preferenza lil dak li huwa l-aktar importanti għalina. Fiha nnifisha din il-gerarkija ta’ dak li huwa l-aktar importanti għalina hija rivelazzjoni ta’ min aħna, u allura l-bniedem għaqli jagħmel sew li jeżamina lilu nnifsu li ma jiġrilux li jispiċċa jaħżen għalih teżor li jitmermer bil-kamla u s-sadid.

Ġesù llum jgħidilna,fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.’ Għalhekk tajjeb nistaqsu; liema hu t-teżor tiegħi, liema hi l-aktar ħaġa mportanti f’ħajti? Ma nkunux ħfief ngħidu li hu ‘Alla’; j’Alla hu hekk, iżda aħna l-bnedmin aħna kapaċi ħafna nidħqu bina nfusna. Ħafna drabi naħsbu u nikkonvinċu ruħna li huwa realtà, mhux dak li huwa l-verità dwarna nfusna, iżda dak li nkunu rridu nidhru quddiem l-oħrajn u li ħaddieħor jaħseb dwarna; nilbsu speċi ta’ maskra u tant nidraw biha li nibdew nemmnu aħna stess li hija l-verità dwarna, meta fir-realtà ma jkun hekk xejn.

Ġesù llum iwissi lilna lkoll, ħadd eskuż, ‘Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”. Ilkoll kemm aħna, għad irridu ngħaddu mill-ġudizzju fin ta’ Alla, ħadd eskluż. Meta ngħidu ġudizzju fin, dan ma jfissirx li Alla mhux ħanin, anzi Alla ħanin bil-bosta ma’ dawk li huma sinċierà miegħu u mal-oħrajn. Il-problema hija min jipprova jilbes maskra anke quddiem Alla. Allura tajjeb nibdew minn issa nneħħu il-maskri tagħna u nkunu aktar sinċierà u onesti ma’ Alla u ma’ xulxin, u fuq kollox magħna nfusna; meta niżbaljaw ma għandniex nibżgħu nammettu l-iżball tagħna u nitolbu skuża, għaliex wara kollox quddiem Alla kollha kemm aħna ta’ midinbin irridu nidhru u dak li jsalvana ma huwiex għax aħna tajbin iżda hija biss l-umiltà li biha naċċettaw ħtijietna u nitolbu maħfra u l-ħniena nfinità tiegħu.

L-għarbiel fin ta’ Alla ma għandux ibeżżana jew agħar jaqtagħlna qalbna, infatti Ġesù jgħidilna: ‘“Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!…’ Li jitlob minna iżda huwa: ‘Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.’ Hija l-imħabba vera lejn xulxin l-aqwa mod li bih naħżnu għalina teżor fis-sema, teżor li ħadd u xejn ma jifridna minnu. ‘Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.’ Tajjeb nistaqsu lilna nfusna: il-Mulej jekk jiġi issa isibni nishar, jiġifieri nitlob u nħobb lill-oħrajn b’kull mod li nista’?

Nitolbuk Mulej għinna ħalli ma ngħixux aljenati bħallikieku ser nibqgħu hawn ingawdu għal dejjem, iżda għinna ħalli nishru fit-talb biex hekk bil-qawwi tiegħek inħobbu dejjem lil xulxin mhux kif tħobb id-dinja iżda kif tħobbna int. Ammen. 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading