Ħsieb dwar il-Ġublew tat-Tama – 1
Il-Ġublew żmien ta’ grazzja
Ninsabu fit-8 xahar tas-Sena tal-Ġublew fejn il-grazzja jkollha sinifikat għax dan l-avveniment mhuwiex biss festa twila u sabiħa imma ċelebrazzjoni qaddisa. Żmien ta’ grazzja hu okkażjoni ta’ opri tajba, ta’ qdusija u ta’ fiduċja fil-qawwa u fil-fedeltà ta’ Alla. Grazzja tfisser dik is-sbuħija li ngħixu fl-imħabba tal-Mulej, meta l-Mulej jgħix fina u meta nġorruh magħna kulfejn inkunu.
Is-Sena tal-Ġublew, li normalment tkun ċelebrata kull 25 sena hi żmien speċjali għall-Knisja Kattolika. Huwa żmien ta’ konverżjoni, meta l-Knisja tistieden biex il-Ġublew ikun festa kbira ta’ ħniena, u għalhekk qed tagħmilha faċli li tirċievi din il-grazzja kbira.
L-Indulġenza tal-Ġublew
Fil-bidu tal-Ġublew il-Papa jikteb ittra miftuħa għal kulħadd biex iħabbar li matul is-sena se jkun hemm indulġenza. Hi rigal tal-Knisja. Hekk għamel il-Papa Franġisku wkoll għal din is-sena tal-Ġublew tat-Tama. Ikun tajjeb li niftakru fil-grazzja li l-indulġenza ġġib fina biex ma nitilfux din l-okkażjoni rari f’ħajjitna.
X’inhi l-indulġenza? Hi l-maħfra minn Alla tal-piena taż-żmien li tibqa’ meta d-dnubiet ikunu diġà maħfura. L-indulġenza tagħtihielna l-Knisja, li hi afdata biex tqassam il-frott tal-Fidwa ta’ Kristu. Tingħata mill-Papa f’okkażjonijiet speċjali bħal ma hi s-Sena tal-Ġublew, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u laqgħat speċjali għall-morda u għall-familji.
Biex nifhmu aħjar x’inhi indulġenza, inġibu l-eżempju ta’ dar li nqerdet bin-nar. L-ewwel irid jintefa n-nar, li hu l-kawża ta’ dak li ġara. Li nitfu n-nar inxebbhuh mas-Sagrament tal-Qrar. Imma billi jibqa’ l-konsegwenzi li jkun ħalla n-nar, ikun hemm bżonn li d-dar titnaddaf, li jiġi msewwi dak li ġratlu ħsara u li jinġiebu oġġetti ġodda minflok dawk li nħarqu. Dan inxebbħuh mal-“piena taż-żmien” li titneħħa bir-rigal tal-indulġenza.
L-indulġenza għandha tifsira partikulari fil-Ġublew li qed ngħixu flimkien. Il-maħfra ta’ dnubietna minn Alla ma tafx b’limiti. Alla juri din l-imħabba tiegħu fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, imħabba li tasal biex teqred id-dnub tal-bnedmin. Huwa qatt ma jegħja joffri l-maħfra tiegħu lilna wliedu b’mod dejjem ġdid. Imma meta nkunu għaddejna mill-esperjenza tad-dnub, din tħalli l-effett tagħha. Għalkemm aħna msejħin għal ħajja kemm jista’ jkun tajba, xorta nħossu jagħfas fuqna l-piż tad-dnub. Filwaqt li min-naħa nħossu l-qawwa tal-grazzja, li tibdilna għall-aħjar, fina nġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub.
Għalkemm inkunu ksibna l-maħfra bil-Qrar u bl-indiema għal dnubietna, aħna nibqgħu nġorru fil-ħajja tagħna l-konsegwenza tad-dnub tagħna. Alla jaħfer id-dnubiet, li jiġu mħassra qishom qatt ma kienu, imma tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u kif naħsbu. Id-dnub għandu tingiża li tibqa’ tweġġa’. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll u ssir indulġenza li permezz tal-Knisja tilħaq lilna, li jkun iddispjaċina għal dnubietna u nkunu qerrejna d-dnub tagħna. Alla jeħlisna minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmilna kapaċi naġixxu bi mħabba, biex nikbru fl-imħabba iktar milli nerġgħu naqgħu fid-dnub.
Biex nirbħu l–indulġenza jrid ikollna xewqa li nitbiegħdu mid-dnub, inkunu qerrejna u tqarbinna u għedna talba skont xi intenzjoni tal-Papa.
L-oriġini
Irridu mmoru lura ħafna żmien, mal-2000 sena qabel Kristu. Kien żmien meta kull poplu, kull tribu’ u familja kellhom l-allat tagħhom. Wieħed raġel, Abram, trabba f’dan l-ambjent u, qabel ma l-Mulej Alla daħal f’ħajtu, kien jemmen bħalma kienu jemmnu n-nies ta’ żmienu. Interessanti kif il-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, jirrakkonta x’ġara fil-ħajja ta’ Abram. Ġrajja li tibda fi ħdan klan ta’ nomadi, ta’ nies jiġġerrew fil-beraħ, mingħajr ma jagħmlu sehem minn biċċa art li jistgħu jsejħu li hi tagħhom.
Il-familja ta’ Abram telqu lejn in-naħat tal-Ġurdan li llum insejħulu l-Palestina. Ġurnata waħda mill-ħajja ta’ Abram ġrat xi ħaġa li ġabet bidla kbira. Alla li hu fuq kulħadd jgħarraf lilu nnifsu lil Abram. Abram jgħaddi minn esperjenza misterjuża u jħoss li Alla afdalu xi ħaġa. Alla jagħmel rivelazzjoni lil Abram. U wkoll jgħaddieh minn prova. Prova ta’ fidi u fiduċja. Abram jemmen, u jittama. Ittama fejn ma kienx hemm tama. Hekk bdiet l-avventura tal-fidi f’Alla, ta’ Abram, ta’ Alla tagħna.
Is-sena mqaddsa fil-Bibbja
Wara Abram, ġew mexxejja oħra. Kien Alla nnifsu, fi żmien Mosè, li ordna li kull 50 sena jkun hemm sena ta’ grazzja, li matulha saħansitra l-art tistrieħ; m’hemmx xogħol fl-egħlieqi. L-għan tas-sena qaddisa ma kienx biss ta’ mistrieħ imma wkoll reliġjuz u soċjali. L-għelieqi jitħallew biex jieklu minn mill-prodotti l-fqar tal-poplu. Is-sena tal-Ġublew kienet is-sena li fiha Alla jafferma d-dritt tiegħu fuq l art u fuq il-poplu. F’din is sena:, l-art terġa’ lura għand is-sidien originali tagħha, jinħelsu l-ilsiera, jinħafer id-dejn tal-imsejkna, l-art ma kinitx tinħadem u, kif għedna, il-foqra kienu jitħallew jiġbru minnha dak li jsibu. F’kelma waħda il-Ġublew kien żmien ta’ grazzja u ta’ maħfra meta kulħadd u kollox, saħansitra l-art, kien jingħata l-opportinità li jibda’ mill-ġdid.
Maż-żmien ġie Ġesù, li beda l-ħajja pubblika tiegħu billi xandar sena ta’ grazzja, fejn il-bniedem jerġa’ jikseb id-dinjità li kellu fil-bidu. Dan għamlu bit-tagħlim, bil-mirakli, u fuq kollox bit-tbatija, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt. Ġesù ddikjara: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,.. bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin u d-dawl mil-ġdid lill-għomja. Inrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.” (Lq 4, 16-21)
Aħna parti minn storja
Aħna parti minn storja ta’ mħabba u ta’ grazzja. Dan ifakkarni f’wirja ta’ tmien pitturi fi knisja, li juruna kif aħna rrakkmati fil-grazzja li ġejja mill-bidu tal-esperjenza tal-bniedem ma’ Alla. Kull pittura hi mqabbla ma’ valuri li tajjeb nadottaw: Abram u Iżaak, fiduċja; il-Kmandmenti, għaxar punti ta’ ferħ; is-Samaritan it-tajjeb, karità; l-Iben il-ħali, il-Missier li jistenna; Marta u Marija, is-smigħ tal-kelma t’Alla; l-aħħar Ċena, nagħtu lilna nfusna; Pietru, ir-rikonċiljazzjoni; u id-dixxipli ta’ Emmaws, nagħrfu lil Ġesù.
Alla, Missier il-poplu u sid tal-art għandu grazzja magħna. Jagħmilha ħafifa għalina li nerġgħu lura għandu, u forsi mhemmx deskrizzjoni aqwa mill-parabbola li nsejħulha tal-Iben il-Ħali. Hi mibnija fuq il-karatteristika ta’ ‘Missier’, li hu isem tassew sabih! Hi waħda mill-ewwel kelmiet ta’ kull wieħed u waħda minna, “Papà”! Espressjoni li nstemgħet mill-bidu tad-dinja u li Ġesù ħajjarna biex hekk insejħu lill-Missier Alla meta nitolbuh..
Fix-xhur li fadal fis-sena tal-Ġublew, naraw kif ħajjitna tkun mimlija bil-grazzja, ġara x’ġara fl-imgħoddi tagħna.
