Min kien il-profeta Ġeremija li smajna dwaru fl-ewwel qari tal-lum? Ġeremija kien profeta li żvolġa l-missjoni tiegħu fiż-żmien ta’ qabel l-eżilju tal-poplu t’Alla fil-Babilonja (586 QK.) Alla sejjaħlu meta kien għadu żgħażugħ biex ikun profeta fi żminijiet diffiċli ħafna. Il-poplu t’Alla kien tbiegħed minn Alla, beda jadura allat foloz u saħansitra wħud bdew joffrulhom b’sagrifiċċju lil wliedhom stess.
Meta Alla għarraf lill-profeta li d-deċiżjonijiet li qed jieħu r-re u l-poplu kienu ser iwasslu għall-‘kastig ta’ Alla’ mhux talli ma tawx kasu, iżda talli ppresegwitawh kemm felħu, għax għalihom kien il-profeta li kien dejjem qiegħed iwassal aħbar ħażina. Il-kastiġ mhux Alla kien qed jibgħatu, Alla ma riedx ħlief ġid lill-poplu tiegħu, il-kastig kien ġabu b’idejh il-poplu stess meta beda jagħmel deċiżjonijiet kontra r-rieda ta’ Alla li tant ħabbu u li dejjem riedlu l-akbar ġid. Dak li ħabbar Ġeremija seħħ tassew, meta s-Saltna tal-Ġudea kienet meqruda u ħafna mil-Lhud kienu maqtula u l-bqija mkaxkrin fl-eżilju fil-Babilonja.
Ġeremija, minkejja li lmenta ħafna drabi ma’ Alla, iżda qatt ma tilef il-fiduċja tiegħu f’Alla. ‘Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej… iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!’ Kemm jeħtiġilna nitgħallmu minnu nitolbu, nesprimu l-esperjenza ta’ ħajjitna fit-talb, it-talb isir għalina djalogu ma’ Alla Missier li tassew iħobbna, iżda li kultant ma tantx nifhmuh. Ġeremija jgħallimna biex qatt ma nitilfu l-fiduċja tagħna f’Alla.
Dan il-konflitt ta’ Ġeremija, Ġesù ukoll jitkellm dwaru fl-Evanġelju tal-lum. Ġesù jrid il-paċi u l-imħabba, iżda jwissina li jekk nagħżlu lilu, ser insibu oppożizzjoni mid-dinja. Il-qamħ u s-sikrana ser ikomplu jikbru flimkien sal-aħħar taż-żmien. Alla mhux ser iżomm id min ‘isawwatna’, iżda fil-kobor tal-ħniena tiegħu anke minn din l-esperjenza qarsa li Hu ma jridhiex, Hu fil-kobor tiegħu kapaċi joħroġ ħafna ġid u jagħmilha grazzja għalina u għal ħafna oħrajn permezz tagħna. Wara kollox dan hu l-misteru tas-Salib ta’ Ġesù li jsemmilna San Pawl fit-tieni qari tal-lum. ‘Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù,… hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib…’. Fl-aħħar mill-aħħar, dawk li jemmnu tabilħaqq, jafu li l-premju ta’ Alla mhux f’din id-dinja, iżda fil-ħajja ta’ dejjem fejn ma jkunx hemm aktar salib u tbatija.
Nitolbuk Mulej Ġesù, kun magħna meta fil-ħajja nesperjenzaw ‘il-firda’ li semmejtilna fl-Evanġelju tal-lum. Agħtina l-għajnuna tiegħek ħalli nħobbu anke lil min jippersegwitana, biex hekk bil-qawwa tal-grazzja tiegħek inkunu nistgħu nirbħu ħafna għalik. Ammen.