LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 13 ta’ Awwissu 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù. 2. It-tradiment. “Jaqaw jien?” (Mk 14:19)
Tislima spontanja fil-bidu tal-Udjenza Ġenerali
L-għodwa t-tajba lil kulħadd!
Mela llum se niċċelebraw din l-udjenza f’mumenti differenti, xi ftit biex nistkennu mix-xemx, mis-sħana qawwija. Grazzi li ġejtu! Merħba lil kulħadd!
Għeżież ħuti,
Inkomplu bil-mixja tagħna fl-iskola tal-Vanġelu, fuq il-passi ta’ Ġesù fl-aħħar jiem tal-ħajja tiegħu. Illum se nieqfu fuq xena intima, drammatika, imma anki profondament vera: il-mument li fih, waqt l-ikla tal-Għid, Ġesù jikxef li wieħed mit-Tnax se jittradih: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi” (Mk 14:18).
Kliem qawwi. Ġesù ma jlissnux biex jikkundanna, imma biex juri kemm l-imħabba, meta hija vera, ma tistax ma tkunx veritiera. Il-kamra fis-sular ta’ fuq, fejn ftit qabel, kollox kien ġie mħejji bir-reqqa, ħabta u sabta timtela bi swied il-qalb silenzjuż, magħmul minn mistoqsijiet, minn suspetti, minn vulnerabbiltà. Huwa niket li nafuh tajjeb aħna wkoll, meta qalb ir-relazzjonijiet l-aktar għeżież jindiehes id-dell tat-tradiment.
Imma l-mod li bih Ġesù jitkellem fuq dak li se jiġri hu sorprendenti. Ma jgħollix leħnu, ma jippuntax sebgħu, ma jlissinx l-isem ta’ Ġuda. Jitkellem b’mod li kulħadd jista’ jistaqsi lilu nnifsu. U proprju dan hu li jiġri. San Mark jgħidilna: “Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: ‘Jaqaw jien?’” (Mk 14:19).
Għeżież ħbieb, din il-mistoqsija – “Jaqaw jien?” – hija forsi fost l-aktar sinċieri li nistgħu nagħmlu lilna nfusna. Mhijiex il-mistoqsija tal-innoċenti, imma tad-dixxiplu li jiskopri kemm hu dgħajjef. Mhijiex l-għajta tal-ħati, imma t-tpespisa ta’ min, imqar jekk jixtieq iħobb, jaf li jista’ jfieri. Huwa f’dan l-għarfien li tibda l-mixja tas-salvazzjoni.
Ġesù ma jikkundannax biex jumilja. Jgħid il-verità għax irid isalva. U biex niġu salvati jeħtieġ inħossu: inħossuna involuti, inħossuna maħbuba minkejja kollox, inħossu li l-ħażen hu reali imma ma għandux l-aħħar kelma. Huwa biss min għaraf il-verità ta’ mħabba profonda li jista’ jaċċetta anki l-ġerħa tat-tradiment.
Ir-reazzjoni tad-dixxipli mhijiex rabja, imma diqa. Ma jinkurlawx, imma jsewdu qalbhom. Hi diqa li tinbet mill-possibbiltà reali li aħna involuti. U proprju din id-diqa, jekk nilqgħuha b’sinċerità, issir post ta’ konverżjoni. Il-Vanġelu ma jgħallimniex niċħdu li hemm il-ħażen, imma nagħrfuh bħala okkażjoni ta’ niket biex nitwieldu mill-ġdid.
Ġesù mbagħad iżid frażi li tinkwetana u tħassibna: “Ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!” (Mk 14:21). Hu kliem iebes dan, ċertament, imma rridu nifhmuh sew: mhix xi saħta, imma pjuttost karba ta’ niket. Fil-Grieg dak il-“ħażin għalih” huwa bħala lamentazzjoni, “ajma”, esklamazzjoni ta’ kompassjoni sinċiera u profonda.
Aħna mdorrijin niġġudikaw. Imma Alla jaċċetta li jbati. Meta jara l-ħażen, ma jivvendikax ruħu, imma jitnikket. U dak l-“aħjar għalih li kieku ma twieled xejn” mhux kundanna sa minn qabel, imma verità li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħraf: jekk niċħdu l-imħabba li nisslitna, jekk fit-tradiment nonqsu mill-fedeltà lejna nfusna, allura tabilħaqq inkunu nwarrbu s-sens ta’ għalfejn ġejna fid-dinja u nkunu neskludu lilna nfusna mis-salvazzjoni.
U safrattant, proprju hemm, fl-aktar punt mudlam, id-dawl ma jintefiex. Anzi, jibda jibbrilla. Għax jekk nagħrfu l-limitazzjoni tagħna, jekk inħallu t-tbatija ta’ Kristu tmissna, allura nistgħu finalment nitwieldu mill-ġdid. Il-fidi ma teħlisniex mill-possibbiltà tad-dnub, imma toffrilna dejjem triq biex noħorġu minnu: dik tal-ħniena.
Ġesù ma jiskandalizzax ruħu quddiem id-dgħufija tagħna. Jaf tajjeb li ebda ħbiberija ma hi ħielsa mir-riskju tat-tradiment. Imma Ġesù jkompli jafdana. Ikompli jpoġġi fuq il-mejda ma’ dawk li huma tiegħu. Ma jirrifjutax li jaqsam il-ħobż anki għal min se jittradih. Din hi l-qawwa siekta ta’ Alla: ma jitlaq qatt il-mejda tal-imħabba, lanqas meta jaf li se jħalluh waħdu.
Għeżież ħuti, anki aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna llum, b’sinċerità: “Jaqaw jien?”. Mhux biex inħossuna akkużati, imma biex niftħu spazju għall-verità tal-qalb tagħna. Is-salvazzjoni tibda minn hawn: mill-għarfien li nistgħu nkunu aħna li nfarrku l-fiduċja f’Alla, imma li nistgħu nkunu aħna wkoll li niġbruha, inħarsuha, inġedduha.
Fl-aħħar mill-aħħar, din hija t-tama: nagħrfu li, anki jekk nistgħu nfallu, Alla qatt ma jonqosna. Anki jekk nistgħu nittradixxu, hu ma jiqafx iħobbna. U jekk inħallu tilħaqna din l-imħabba – umli, midruba, imma dejjem fidila – allura nistgħu tassew nitwieldu mill-ġdid. U nibdew ngħixu mhux iżjed ta’ tradituri, imma ta’ wlied dejjem maħbuba.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard