Il-21 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Fil-ħajja tagħna l-bnedmin nesperjenzaw diversi tipi ta’ wġigħ; hemm l-uġigħ li jiġi minn xi nċident u hemm l-uġigħ li jiġi minn xi intervent mediku li għad li fil-mument inbatu iżda huwa wġigħ li minnu joħroġ il-ġid jew il-fejqan: dan tal-aħħar huwa ħafna aktar faċli li naċċettawh minn tal-ewwel.  Fit-tieni qari tal-lum mill-ittra lil-Lhud, smajna li Alla bħal Missier li tassew iħobb lil uliedu, ma jonqosx li jwiddibhom. It-twiddib ta’ Alla jista’ jaslilna f’diversi forom; ħafna drabi tkun il-Kelma t’Alla li tikxfilna dak li jkun hemm moħbi wara l-maskri tagħna, drabi oħra tista’ tkun xi esperjenza diffiċli fil-ħajja li tniżżilna mal-art, … Alla jista’ jinqeda b’bosta modi biex iwasslilna t-twiddib tiegħu. Minn ħaġa waħda għandna nkunu dejjem ċerti, Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu! Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied.’

Dawk li t-twiddib tal-Mulej jilqgħuh bis-sabar minn idejn Alla u jħallu lil Alla jonqox fihom dejjem aktar l-immaġni tiegħu, ‘lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.’ It-twiddib ta’ Alla jwassal għall-paċi tal-qalb u għall-ġustizza. Ħaġa waħda rridu dejjem inżommu f’moħħna li t-twiddib ta’ Alla dejjem jasal bi mħabba kbira.  ‘Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa tagħkom’ għaliex Alla jwiddibna għax iħobbna.

Fl-ewwel qari tal-lum naraw li sa mit-Testment il-qadim bdiet tinbet l-idea li Alla joffri s-Salvazzjoni tiegħu lil kulħadd, u mhux lil-Lhud biss, kif ħafna kienu jaħsbu. Ġesù jagħmilha ċara din li ‘Alla jrid lil kulħadd isalva’, iżda t-triq li tieħu għas-salvazzjoni ma hijiex waħda faċli. Bħal atleta li jeħtieġlu jagħmel ħafna sagrifiċċji biex jakkwista trofew, u aktar ma tkun kbira r-rebħa mixtieqa aktar ikun jeħtieġlu jbati, hekk ukoll il-ħajja ta’ dejjem, ma jistgħux jakkwistawha dawk li ma jeħduhiex bis-serjetà. Sfortunatament ħafna drabi nieħdu l-fidi tagħna bħala wieħed mill-ħafna mpenji li jkollna u ma tkunx l-aktar ħaġa mportanti fil-ħajja tagħna kif suppost tkun.

“Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.” Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù jistgħu jiskoraġġuna, iżda dak li jrid jgħidilna huwa li wieħed ma jistax jagħżel lil Alla u lid-dinja fl-istess ħin. Aħna l-bnedmin kapaċi ħafna nimxu b’żewġt uċuħ; xi drabi ninqdew bil-Knisja u bl-affarijiet ta’ Alla biex mingħalina nserrħu l-kuxjenza tagħna li tkun iċċanfarna dwar xi ħaġa li jkun hemm f’ħajjitna li tkun kontra r-rieda t’Alla għalina. ‘…morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’ Kif id-dawl u d-dlam ma jistgħux jgħammru flimkien hekk Alla u d-dnub fl-istess qalb, l-aktar meta jkun dnub li aħna marbutin miegħu bir-rieda tagħna.

Nistaqsu lilna nfusna: jien kemm naċċetta b’fidi li s-slaleb tal-ħajja f’idejn Alla jinbidlu f’rigal għall-ġid tiegħi u tal-oħrajn permezz tiegħi? Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla hija l-aktar ħaġa importanti f’ħajti kif suppost tkun jew waħda mill-ħafna affarijiet li għandi nagħmel? Jekk nifhem li kif ngħidu bl-Ingliż “No pain no gain”, kemm lest li nagħmel sagrifiċċju għal dak li hu suppost l-aktar ħaġa importanti f’ħajti?Mulej Ġesù iftħilna għajnejna biex nintebħu fil-waqt b’ipokresija tagħna, u agħtina l-grazzja biex nixxenqu dejjem għas-sinċerità tal-qalb li mingħajrha żgur li ma nistgħux ngħaddu mill-bieb id-dejjaq. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading