VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
CELEBRAZZJONI TAL-KELMA MAS-SAĊERDOTI, IR-RELIĠJUŻI U L-LAJĊI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Katidral ta’ St. Mary (Halifax)
Il-Ħamis, 13 ta’ Settembru 1984
Għeżież ħuti fi Kristu.
1. Iż-Żjara ta’ Marija lill-kuġina tagħha Eliżabbetta hija tassew episodju sabiħ tal-Vanġelu ta’ San Luqa. Hija laqgħa drammatika ta’ żewġ omminijiet tqal, żewġ nisa li qalbhom hija mimlija ferħ fl-antiċipazzjoni tal-“miraklu uman” li qiegħed iseħħ f’ġisimhom. Ir-rakkont għandu wkoll messaġġ tejoloġiku mportanti: dan juri kif Ġwanni l-Battista, l-ikbar fost il-profeti tat-Testment il-Qadim, ta xhieda lil Ġesù diġa fil-ġuf ta’ ommu. Hija tirrevoka bl-istess mod l-attenzjoni dwar il-fidi ta’ Marija: “Ħienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1, 45).
Flimkien ma dawn ir-riflessjonijiet, aħna naslu li nifhmu wkoll sinifikat ieħor li l-Vanġelu għandu għalina. Aħna nitwasslu biex napprezzaw il-ġest uman kommoventi ta’ Marija fil-mawra amorevolment għand kuġinitha Eliżabbetta. Hija toffrilna mhux biss mudell ta’ servizz lill-oħrajn, imma wkoll eżempju ta’ kif, bħala wliedha spiritwali, aħna għandna niftħu qlubna għall-ħniena lejn dawk li jistennew b’mod anzjuż li Kristu jiġi għandhom permezz tagħna.
L-idea ta’ servizz, għeżież ħuti, hija nfatti essenzjali fl-apostolat lajkali u f’kull ministeru. Is-servizz huwa tassew fiċ-ċentru ta’ kull vokazzjoni fil-Knisja: is-servizz ta’ Alla u tal-proxxmu li huwa fl-istess ħin imħeġġeġ u umli, dejjem ispirat għax-xewqa tat-twettiq tar-rieda ta’ Alla li turi ruħha permezz tal-moviment tal-Ispirtu Santu li jopera fil-Knisja.
2. Nixtieq ngħidilkom kemm jien kuntent li ninsab fostkom il-lejla. Intom ġejtu mill-irziezet, mill-irħula, mill-bliet u miċ-ċentri kbar ta’ Nova Scozia u tal-gżira Prince Edward. Mill-grazzja ta’ Alla kull wieħed minnkom kien imsejjaħ biex jagħti xhieda lil Kristu b’mod partikolari. Intom fhimtu din is-sejħa u weġibtu għaliha b’mod ġeneruż. Niżżikom ħajr tad-dedikazzjoni attiva tagħkom lill-Knisja, u nsellmilkom f’isem Sidna Ġesù Kristu u f’isem Marija Ommu f’din il-Bażilika ta’ Halifax lilha ddedikata.
3. Fil-Vanġelu naqraw: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16). Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, sar bniedem “mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra” (Mk 10, 45). Wara l-qawmien mill-imwiet, Kristu deher lid-dixxipli tiegħu, waqt li ħeġġeġ fihom l-Ispirtu Santu u bagħathom ikomplu l-missjoni tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, jiena wkoll nibgħat lilkom” (Ġw 20, 21).
Hekk nifhmu li l-Knisja kienet imwaqqfa fuq l-Appostli biex ikomplu l-missjoni ta’ Kristu, li għandha tiggwida l-umanità kollha lejn il-ħajja eterna permezz tal-fidi. Kull attività mibdija mill-Knisja b’dan l-iskop tagħmel parti mill-apostolat tagħha, u dan l-apostolat huwa t-tweġiba tagħha għall-missjoni afdata lilha minn Kristu.
4. Permezz tal-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof kull wieħed u waħda minna aħna msejħin biex nieħdu sehem fil-missjoni feddejja tal-Knisja. Bħala membru tal-organiżmu ħaj li hu l-ġisem mistiku ta’ Kristu, ebda nisrani ma jistà jiżvolġi parti purament passiva. Kull persuna trid tieħu sehem b’mod attiv fil-ħajja tal-Knisja. Ladarba l-vokazzjoni nisranija hija, min-natura tagħha, vokazzjoni għall-apostolat.
Huwa Kristu, ir-ras tal-ġisem, dak li personalment jiddelega lill-membri tiegħu għall-apostolat. Billi jieħu sehem fil-missjoni tal-Knisja, kull fidil jieħu sehem fil-missjoni ta’ Kristu. Il-kontribut effettiv ta’ kull wieħed u waħda jitlob li dawn jgħixu bil-fidi, it-tama u l-karità imsawba f’qalbhom mill-Ispirtu Santu. U l-preċett tal-karità, li huwa l-ikbar wieħed mill-kmandamenti tal-Mulej, jimbotta lil kull wieħed u waħda biex jaħdmu għall-glorja ta’ Alla u għall-komunikazzjoni tal-ħajja eterna lil kulħadd sabiex kulħadd ikun jistà jagħraf l-uniku veru Alla u lil Ġesù Kristu li huwa bagħat (cf. Ġw 17, 3).
Fost il-membri tal-Knisja teżisti differenza ta’ servizzi fl-intern ta’ għaqda ta’ missjoni. Lill-appostli u lis-suċċessuri tagħhom Kristu afda l-ministeru tat-tagħlim, tal-qdusija u tat-tmexxija f’ismu u bil-poter tiegħu. Imma lil-lajċi ingħata li jieħdu sehem fil-funzjonijiet saċerdotali, profetiċi u rjali ta’ Kristu (cf. Lumen Gentium, 31). Biex iwettqu dan ir-rwol li huwa propju tagħhom, huma jridu jgħaqqdu l-isforzi tagħhom mal-ministeru tal-poplu ta’ Alla kollu u jaħdmu f’unjoni ma’ dawk li l-Ispirtu Santu iddisenja għat-tmexxija tal-Knisja kollha (cf. At 20, 28). Fl-istess ħin, l-insara kollha għandhom l-obbligu li jaħdmu biex iwasslu lil kulħadd il-messaġġ divin tas-salvazzjoni tad-dinja kollha.
Rigward il-lajċi, intom imsejħa biex tagħtu xhieda għal Kristu fil-kuntest tal-familji tagħkom, tal-irħula tagħkom, tal-bliet u l-metropli tagħkom. Intom tikkontribwixxu għall-missjoni tal-Knisja qabel xejn billi turu konsistenza bejn il-kondotta tagħkom u l-fidi tagħkom. Bil-kliem u bl-opri intom tridu tipproklamaw lil Kristu, id-dawl tad-dinja. Din hija s-sejħa ġenerali għall-apostolat li l-insara kollha rċivew. Bħala lajċi intom għandkom ukoll d-dmir speċifiku li ġġeddu l-ordni temporali, billi tispirawh bl-Ispirtu tal-Vanġelu.
Billi ġejjin, kif inhu l-każ tagħkom, minn ambjenti kulturali u soċjali differenti, intom tistgħu tnisslu l-ispirtu nisrani fil-mentalità u fil-prattika, fil-liġijiet u fl-istrutturi tal-komunità li fiha tgħixu. Hekk ukoll, intom tisvolġu opra u responsabiltà billi timpenjaw lilkom infuskom fl-apostolat tas-“simili lejn is-simili”: familji li jevanġelizzaw familji, studenti li javanġelizzaw studenti, żgħażagħ li jwasslu għand Kristu żgħażagħ oħra. Hawn b’nod speċjali ix-xhieda tal-ħajja tagħkom tkun ikkumplimentata mix-xhieda tal-kelma tagħkom (cf. Apostolicam Actuositatem, 13). Permezz ta’ ħajja li turi integrità profonda u bil-prattika perseveranti tagħkom tal-karità fraterna fl-imġieba mal-oħrajn, dawk li intom tiltaqgħu magħhom fix-xogħol tagħkom u li magħhom intom issibu lilkom infuskom f’diversi livelli tal-ħajja soċjali jistgħu jkunu nfluwenzati profondament.
Intom għandkom il-missjoni speċjalissima li tkellmu lid-dinja b’mod prattiku: turu l-verità u l-ġustizzja fil-ħajja tagħkom; ixxandru bl-azzjoni r-rispett tagħkom għall-ħajja, l-interess soċjali tagħkom, ir-rifjut tagħkom tal-materjaliżmu u tal-konsumiżmu. Intom imsejħa biex tagħtu eżempju ta’ purezza ta’ ħajja u, jekk miżżewġin. Li tkunu sinjal ħaj tal-fedeltà konjugali u tal-indissolubiltà taż-żwieġ, kif Kristu ppridkahom. Ibqgħu ċerti, għeżież ħuti, li l-kelma ta’ Alla għandha l-qawwa li twettaq dan fikom: “Intom il-melħ tal-art…Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5, 13-14).
5. Imma, barra minn dan, kull wieħed u waħda minnkom irċivejtu kariżma, id-don tal-Ispirtu Santu li jiddisponikom biex ikollkom attitudni speċjali għal servizz partikolari fil-Knisja. Kif jgħidilna San Pawl, l-Ispirtu Santu huwa mogħti b’mod partikolari lil kull persuna: “Aħna għandna doni differenti skont il-grazzja li Alla tana. Min għandu d-don tal-profezija, ħa jħaddimha skont il-qies tal-fidi; min għandu ministeru ħa jieħu ħsieb il-ministeru; min it-tagħlim, it-tagħlim” (Rm 12, 6-7).
Dan l-eżerċizzju tal-apostolat nisrani jistà jkun ipprattikat bħala ndividwi jew bħala membri ta’ gruppi ta’ persuni li jaħdmu flimkien għall-istess skop partikolari. Fil-varjetà wiesgħa tal-apostolat, xi wħud huma msejħa biex ixandru l-kelma ta’ Alla bħala katekisti, għalliema jew bħala dawk li jiggwidaw adulti oħrajn mir-rit tal-inizjazzjoni nisranija. Xi wħud jiddedikaw lilhom infushom għas-servizz tal-familji, tal-morda, tal-handikappati, taż-żgħażagħ jew tal-anzjani. Oħrajn jeżerċitaw l-assistenza tal-kamp tal-ġustizzja soċjali jew tas-saħħa jew tal-ekumeniżmu. Oħrajn ukoll biex biex iħaddmu l-ħila amministrattiva tagħhom għas-servizz tal-pariri dijoċeżani jew parrokkjali, jew fl-organiżmi differenti mitluba biex jinvolvu l-komunità nisranija l-iktar wiesgħa. Movimenti sprċjalizzati ta’ tiġdid spiritwali għal individwi u gruppi, b’mod speċjali għal familji, jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għall-missjoni tal-Knisja.
L-irwol imwettaq mill-familja fis-servizz tal-Vanġelu huwa miżmum f’unur speċjali tal-Knisja. Fl-eżortazzjoni tiegħi apostolika dwar l-irwol tal-familja nisranija fid-dinja moderna, enfasizzajt li “il-ministeru ta’ evanġelizzazzjoni tal-ġenituri nsara huwa oriġinali u insostitwibbli” (Ioannis Pauli PP. II,Familiaris Consortio, 53). F’dan ir-rigward, it-tfal għandhom huma wkoll l-irwol xi jwettqu u għandhom ikunu nkuraġġiti biex jagħtu l-kontribut tagħhom. Skont il-kliem tal-Konċilju Vatikan II, “it-tfal ukoll għandhom l-attività apostolika tagħhom” (Apostolicam Actuositatem, 12).
6. Ladarba l-iskop primarju tal-apostolat tal-Knisja huwa li tħabbar lid-dinja bil-kelma u bl-azzjoni l-messaġġ ta’ Kristu u li tikkomunika għalih il-grazzja feddejja ta’ Kristu, il-mezz ewlieni biex tattwa dan huwa l-ministeru tal-kelma u tas-sagramenti. Dan id-dmir huwa mwettaq b’mod speċifiku fil-ministeri ordnati, ikkonferiti mis-sagrament tal-Ordni Sagri. Kristu stess waqqaf is-saċerdozju ministerjali biex jirrendi aċċessibbli għall-poplu ta’ Alla kollu s-Sagrifiċċju ewkaristiku, li huwa “is-sors u l-quċċata tal-ħajja nisranija kollha” (Lumen Gentium, 11). Minn hawn jiġi li kull ministeru huwa orjentat għal dan is-sagrifiċċju bħala tmiem u ċentru tiegħu.
Xi lajċi huwa msekħa biex ikunu assoċjati b’mod partikolari mal- attivitajiet tal-isqfijiet, tas-saċerdoti u tad-djakni, jew birx jeżerċitaw xi dmirijiet pasrorali jew ministerjali b’mod stabli. Meta jkun hemm nuqqas ta’ kleru, dan l-aspett tal-ministeru lokali huwa providenzjali b’mod partikolari. Il-lajċi kollha diġa huma maħtura minn Kristu stess b’mod permanenti għas-servizz tal-Vanġelu tiegħu fl-għaqda tal-Knisja tiegħu. Il-Knisja tifraħ meta kleru, reliġjużi u lajċi jaħdmu flimkien, kull grupp skont is-sejħa speċifika tiegħu, biex jagħtu lid-dinja x-xhieda unitarja ta’ missjoni komuni waħda: il-missjoni ta’ Kristu.
7. Hemm mela tant xi jsir. Hemm setturi sħaħ tal-ħajja umana li donnhom jaħarbu minn kull influwenza etika u reliġjuża. F’din is-sitwazzjoni, jiġi f’moħħna Ġesù: “Meta ra l-folol, ġietu ħniena minnhom, għaliex kienu mdejqa u għajjiena, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli: “Il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!”” (Mt 9, 36-37). Id-dixxiplu veru huwa ħerqan li jxandar lil Kristu bil-kelma, kemm lil dawk li ma jemmnux, biex jiġbidhom lejn il-fidi, kif ukoll lill-fidili, biex jgħallimhom, iħeġġiġhom u jimbuttahom lejn ħajja nisranija iktar imħeġġa (cf. Apostolicam Actuositatem, 6). Hemm tassew bżonn urġenti fil-Knisja tallum ta’ iktar lajċi numerużi impenjati fit-tagħlim taż-żgħażagħ tad-duttrina nisranija.
Il-varjetà tal-bżonnijiet umani titlob diversifikazzjoni ta’ tweġibiet min-naħa tal-Knisja. Il-Knisja hija waħda, kif inhu l-Vanġelu tagħha ta’ salvazzjoni u l-Ewkaristija tagħha, imma hi torbot fuq l-interess tal-membri tagħha biex jiskopru modi effikaċi ta’ iffaċċjar tal-problemi ġodda u tal-bżonnijiet ġodda. Pawlu VI b’mod ċar indika il-kwadru tal-Knisja: ‘Mhux mingħajr ma nħossu fl-intimu tagħna ferħ kbir, nosservaw leġġjun ta’ rgħajja, ta’ reliġjużi u ta’ lajċi li, imqanqlin mill-missjoni evanġelizzatriċi tagħhom, ifittxu modi dejjem iktar addattati kif ixandru b’mod iktar effettiv il-Vanġelu” (Pauli VI,Evangelii Nuntiandi, 73).
8. Nafu li s-sies u l-fertilità ta’ kull apostolat u ministeru tal-Knisja jiddependi mill-għaqda migħuxa tagħna ma’ Kristu Sid u Mgħallem tagħna. Din il-ħajja ta’ għaqda intima ma’ Kristu hija miżmuma u mitmugħa mit-talb. Fis-sens veru tal-kelma nistgħu ngħidu li l-apostolat huwa l-wirja tal-imħabba ta’ Ġesù lejn l-oħrajn minn ġewwa tagħna nfusna. Madankollu mingħajr dik l-għaqda ma’ Kristu li hija mitmugħa permezz tat-talb, il-ħeġġa tagħna tiddgħajjef, nitilfu l-ħeġġa u nissugraw li nsiru “strument tar-ram iżarżar jew platti jċeċku” (1 Kor 13, 1).
Barra minn dan, kull ministeru jitlob s-sosten tal-komunità nisranija kollha, b’mod speċjali permezz tal-perseveranza tagħna fit-talb għal xulxin. Kemm għandna bżonn nitolbu għal xulxin! Kemm napprezza u nħoss il-bżonn tat-talb tagħkom! Kemm l-isqfijiet tagħkom, is-saċerdoti u d-djakni jafdaw fuq is-sosten tat-talb tagħkom! Huma jafu kemm tikkontribwixxu intom għall-ġid tal-Knisja kollha, kemm tagħmlu biex tippromwovu l-missjoni feddejja tal-Knisja lejn id-dinja.
9. Ta’ din il-ħajja spiritwali apostolika insibu mudell fil-Verġni umli ta’ Nażżaret, Omm Ġesù, is-Sultana tal-Appostli. Il-Komċilju Vatikan II jgħid dwarha: “Meta kienet tgħix fuq din l-art ħajja komuni ma’ kulħadd, mimlija tħassib familjari u ta’ xogħol, kienet dejjem magħquda b’mod intimu ma’ Binha u kkoperat b’mod għal kollox singulari fl-opra tas-salvatur; issa, imbagħad, imtellà s-sema, “bil-karità materna tagħha tieħu ħsieb ħut Binha li għadhom Pellegrini u mqegħdin f’nofs il-perikli u l-inkwiet sakemm ma nkunux imwassla fil patrija beata”” (Apostolicam Actuositatem, 4).
10. Ħuti, iżżu ħajr lil Alla għall-possibiltà li hu jagħtikom li sservu lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Servu bi gratitudni u bil-ferħ! Iżżu ħajr lil Alla għall-fidi li rċivejtu fil-familji tagħkom u fil-komunitajiet tagħkom, u li tferrxet ma’ kullimkien f’Pajjiżkom, u wkoll mad-dinja kollha. Iżżu ħajr lil Alla għal dawk kollha li qdewh qabilkom, għal dawk kollha li xandru l-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu tul dawn ix-xtut tal-Atlantiku. Iżżu ħajr lil Alla għall-ġenituri tagħkom,, l-edukaturi tagħkom u r-rgħajja tagħkom li kienu l-ewwel nies li qabbdukom it-triq tal-Vanġelu!
Bħala qaddej ta’ Kristu li jħobbkom ilkoll, inħeġġiġkom b’mod ħaj, sħabi fil-fidi, Pellegrini miegħi f’dan il-vjaġġ lejn il-Missier, biex tisimgħu l-kliem li San Pietru kiteb lill-ewwel komunità nisranija:
“Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċeva u jinqeda bih għall- ġid tal-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla. Min jitkellem, dan jagħmlu bi kliem Alla, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu, li tiegħu huma l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta dejjem. Amen” (1 Pt 4, 10-11).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb
Fittex ħafna aktar Omeliji, Diskorsi, Messaġġi u Kitbiet tal-Papa San Ġwanni Pawlu II minn duin il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/jpii.htm