Nimxu l-mixjiet ta’ Marija. Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ Marija Assunta

Il-Ħadd, 24 ta’ Awwissu 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ Marija Assunta. Santwarju Arċipretali ta’ Marija Assunta Inkurunata, Żebbuġ.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Inġbarna flimkien dalgħodu biex niċċelebraw it-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema. Din l-aħħar mixja tagħha hija l-aħħar mixja tagħna wkoll. Imma kieku kellna nqallbu fil-Vanġelu, nindunaw li hemm almenu sitt mixjiet oħra illi għamlet Marija. Kienu dawn is-sitt mixjiet ta’ qabel li wassluha biex tagħmel l-aħħar mixja: it-Tlugħ tagħha fi ħdan it-Trinità.

Għal għand Eliżabetta

Għadna kif smajna fil-Vanġelu illi f’dawk il-jiem Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet (Lq 1:39-56). Mela diġà għandna rakkont tal-ewwel mixja. Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, imma qabel ma telqet, ġrat xi ħaġa importanti ħafna. U jekk ma tiġrix din fil-ħajja tagħna, il-mixjiet ta’ ħajjitna ma jistgħux ikunu bħal tagħha, imma jkunu dgħajfin, jaslu nofs triq, ma jaslux fid-destinazzjoni.

X’ġara qabel Marija bdiet l-ewwel mixja tagħha? Kellimha l-Anġlu. Tgħiduli: ‘Aħna mhux se jkellimna l-ebda anġlu’. Allaħares, għax kieku ninkwetaw! Imma aħna għandna l-okkażjoni li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. U hija din il-Kelma li lil Marija imbuttatha biex tqum. Kien dan l-Anġlu li qalilha: “Qaribtek Eliżabetta, fi xjuħitha, ser tnissel u jkollha iben” (Lq 1:36). Kienet dik il-Kelma li lil Marija stimulatha u imbuttatha biex tqum u tmur għand qaribtha.

L-ewwel mixja li tagħmel Marija tkun biex tgħin lill-proxxmu tagħha. L-ewwel mixja li għandu quddiemu l-bniedem hija lejn l-ieħor, lejn l-oħra, lejn xulxin. Hija l-mixja li lilna ġġibna f’sitwazzjoni jew li nidħlu f’kompetizzjoni, jew li ngħiru u nobogħdu lil xulxin, jew inkella li ngħinu u nħobbu lil xulxin. Żgur li fl-ewwel mixja tagħha – mixja li aħna wkoll imsejħin nagħmlu fil-ħajja tagħna – Marija ma marritx għand Eliżabetta biex tara jekk l-għamara tagħha kinitx tad-ditta jew tal-aħħar mudell. Ma marritx għand Eliżabetta, li kienet anzjana u akbar minnha, biex tistaqsiha jekk ħallitilhiex xi ħaġa fit-testment. Ma marritx għand Eliżabetta b’xi interess jew intenzjoni egoistika. Marija marret għand Eliżabetta sempliċement biex tħobbha, għax kienet il-qariba tagħha. Sempliċement għax aħna ma nistgħux ngħixu waħedna, għandna bżonn xulxin.

Mela l-ewwel mixja ta’ Marija kienet il-mixja lejn il-qariba tagħha, lejn il-proxxmu tagħha, lejn persuna li marret għandha biex tħobbha u biex taqdiha.

Minn Nazaret għal Betlehem

It-tieni mixja ta’ Marija, kif nafuha fil-Vanġelu (Lq 2:4), kienet il-mixja tagħha minn Nazaret għal Betlehem. Betlehem marret tiled lil Ġesù, iva, imma qabel dan Marija marret biex tobdi l-liġi tal-Istat. Marija mxiet dik il-mixja kollha biex twettaq l-obbligu u dmir ċivili tagħha, biex jinkitbu fiċ-ċensiment.

Anki din hija mixja li aħna lkoll imsejħin biex nagħmlu fil-ħajja tagħna. Hija mixja li forsi drajna nimxu nofs triq jew nimxuha kif jaqblilna, jew induru magħha skont l-interessi tagħna.

Il-liġijiet kollha tal-Istat – il-liġijiet tax-xogħol, il-liġijiet tat-taxxa, il-liġijiet tal-konvivenza, sempliċiment kif nipparkja, fejn nipparkja, fejn insuq, kif insuq – qegħdin hemm sempliċement biex jgħinuna, lilna lkoll kemm aħna, ngħixu flimkien f’serenità u fil-paċi. Tismagħha sikwit il-kelma: ‘Għax hawn kulħadd jagħmel li jrid’. Imma min hu dan il-kulħadd li jagħmel li jrid? Huwa jien li nagħmel li rrid. Huwa aħna li nagħmlu li rridu.

Marija u Ġużeppi jimxu dik il-mixja kollha, madwar 80km, li kienet mixja għat-telgħa, u jitilgħu minn Nazaret għal Betlehem biex jobdu lill-Imperatur, biex jobdu l-liġi taċ-ċensiment.

Għat-Tempju ta’ Ġerusalemm

It-tielet mixja li tagħmel Marija, u li aħna msejħin nagħmlu, hija l-mixja li twassalha sat-Tempju ta’ Ġerusalemm, biex tippreżenta lil Ġesù, biex tobdi u twettaq il-liġi ta’ Alla (Lq 2 2:22). U anki hawn, jekk il-liġi tal-Istat li qiegħda maġenbna – jarana, b’xi mod jikkontrollana permezz ta’ kompjuter, pulizija, hu x’inhu – nippruvaw induru magħha, aħseb u ara l-Liġi ta’ Alla x’aħna nagħmlulha! Alla li lilna jħallina f’libertà assoluta. Alla li qatt ma jiġi jipponta subgħajh lejna biex jiġġudikana u jikkundannana.

Marija titla’ Ġerusalemm biex tippreżenta lil Ġesù fit-Tempju. Flimkien ma’ Ġużeppi tagħmel din il-mixja kollha biex twettaq ir-rit tal-purifikazzjoni mitlub mil-liġi wara 40 ġurnata mit-twelid ta’ binha. Imma ma kinitx din l-unika liġi, l-unika regola, l-unika kelma ta’ Alla li Marija kienet tipprova twettaq f’ħajjitha. Ibqgħu ċerti li Marija kienet titlob tliet darbiet kuljum bħal kull Lhudi fidil, li jemmen. Ibqgħu ċerti li Marija, Ġużeppi u Ġesù kienu jħarsu x-Shabat, is-Sibt (aħna l-Ħadd), mhux sempliċement billi jmorru jitolbu s-sinagoga s-Sibt, imma billi jistrieħu.

Kważi kważi, illum saret ħafna aktar bżonjuża minn qabel il-liġi tal-mistrieħ. Għalfejn taħsbu dan l-istress kollu madwarna? Għalfejn taħsbu dawn il-pilloli u din il-mediċina kollha neċessarja biex inkampaw u ngħixu? Jista’ jkun li jonqosna l-ħin tal-mistrieħ? Jista’ jkun li din il-liġi tal-mistrieħ aħna ma għadniex nosservawha u nobduha? Tgħiduli, ma nsifrux 15-il ġurnata fis-sena, ma nsifrux forsi tliet jew erba’ darbiet? Imma jistax ikun li l-ġisem u l-moħħ tagħna għandhom ritmu ieħor, ritmu li għandu bżonn ta’ ftit mistrieħ kull ftit żmien, mhux ħafna mistrieħ kull ħafna żmien? Jistax ikun li l-ġisem tagħna għandu dan ir-ritmu li aħna rridu nirrispettawh biex inkunu nirrispettaw mhux biss il-liġi u l-Kelma ta’ Alla, imma lilna nfusna u r-ritmu ta’ ġisimna?

Allura Marija, f’din it-tielet mixja, tobdi l-Kelma ta’ Alla, tobdi l-liġi ta’ Alla.

Il-ħarba lejn l-Eġittu

Imbagħad Marija tagħmel mixja oħra, ir-raba’ mixja tagħha, u din id-darba mhux tobdi l-liġi tal-Istat imma taħrab minnha – il-ħarba tagħha u ta’ Ġużeppi lejn l-Eġittu (Mt 2:13). Taħrab għax l-Istat ivvinta liġi qerrieda tal-mewt, li teqred il-ħajja. L-Istat ivvinta liġi kontra l-bniedem. U hawn Marija taħrab, imma ma tħallatx! Il-liġijiet tajbin tal-Istat tobdihom. Dawk li huma ħżiena – huma ħżiena mhux għax jidhrilha hi, imma skont il-valuri ta’ missirijietha, skont it-Torah, skont il-Kelma ta’ Alla – dawn taħrabhom. Tiddefendi l-ħajja ta’ binha tarbija, il-ħajja tal-familja tagħha. Tagħmel li tista’ biex hi, Ġużeppi u binha jkunu mħarsa, jekk mhux mill-Istat, allura jsibu l-modi tagħhom kif jiddefendu lilhom infushom. U Marija taħrab għal żmien lejn l-Eġittu flimkien ma’ Ġużeppi u Ġesù.

Aħna wkoll għandna obbligu ta’ din il-mixja. Ma nħalltux l-affarijiet flimkien. Huma l-valuri tal-fidi li għandhom imexxuna, għandhom ikunu l-kewkba li lilna turina t-triq, u mhux l-opinjoni tagħna, mhux kif naħsibha jien. Jekk għandek dubju, approfondixxi. Jekk m’għandekx ċertezzi, staqsi, irrifletti, studja, idħol fil-fond biex almenu jkollok idea, ikollok orjentament ta’ x’inhu l-aħjar u x’mhux l-aħjar.

Ġerusalemm tfittex lil binha

Imbagħad Marija tagħmel mixja oħra, il-ħames waħda. Fi triqtha lejn Nazaret, ikollha terġa’ lura lejn Ġerusalemm tfittex lil binha (Lq 2:45), wara li tkun telgħet hemm, kif jgħidilna l-Vanġelu, meta kellu 12-il sena għall-Bar Mitzah (iben il-liġi). Dan it-tfajjel ta’ 12-il sena, li issa studja u jaf il-liġi, huwa obbligat li jibda jobdi l-liġi. Marija terġa’ tmur tfittex lil Ġesù.

Hawnhekk hawn il-mixja ta’ ħafna minna, il-mixja tal-familji, ta’ ħafna missirijiet u ommijiet li jagħmlu kulma jistgħu biex jedukaw lil uliedhom. Hekk jagħmlu Marija u Ġużeppi: ħadu lil binhom Ġesù biex jiffurmawh u jedukawh. Ma kellhomx il-karozzi li għandna aħna; kellhom forsi l-ħmara. Imma kemm-il darba l-karozza tiegħek, il-ħmara tiegħek, titlaq minn ħdejn id-dar tiegħek biex twassal lil ibnek jew lil bintek ’l hawn u ’l hemm għall-formazzjoni tiegħu? Kemm-il darba tiġri matul il-ġimgħa? Kemm-il darba int, bħal Marija u Ġużeppi, ikollok tieħu lil ibnek jew lil bintek biex jiffurmaw ruħhom u jsiru ċittadini onesti u Nsara awtentiċi?

Ma ninsewx il-formazzjoni Nisranija! Tajjeb li t-tfal tagħna jikbru u jimmaturaw intellettwalment, ikunu intelliġenti, ikollhom impjieg tajjeb, professjoni li tixirqilhom, imorru l-Università, imorru l-privat. Din hija ħtieġa, imma weħidha mhix biżżejjed. Għandna bżonn ta’ nies iffurmati fil-kuxjenza, fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Kienet importanti għal Marija u Ġużeppi dik il-mixja lejn Ġerusalemm illi permezz tagħha lit-tifel tagħhom Ġesù għamluh ‘bin il-liġi’.

Hawnhekk hawn tfal bniet u subien li huma wkoll irċevew l-Ewwel Tqarbina, irċevew is-sagrament tal-Griżma. Din il-mixja li għamlu Marija u Ġużeppi hija l-istess mixja li għamlu l-familji tagħkom biex jiffurmawkom mhux biss ta’ bnedmin, mhux biss minn barra, fiżikament – li hu importanti –, imma fuq kollox fil-qalb, spiritwalment.

Ejjew ma ninsewhx dan l-aspett importanti tal-formazzjoni, għax dawn l-aħħar snin qegħdin nagħtuh ħafna l-ġenb. L-ewwel jiġi kollox, imbagħad id-duttrina, il-katekiżmu. Dan jgħodd mhux biss għat-tfal, imma anki għalina. L-ewwel għandna ħin għal kollox, imbagħad forsi, jekk jibqa’… Imma qegħdin diġà nduqu l-konsegwenzi ta’ soċjetà mingħajr Alla. Diġà qegħdin naraw b’għajnejna u nisimgħu b’widnejna u nħossu x’jiġifieri meta s-soċjetà tħalli lil Alla!

Meta soċjetà tħalli lil Alla l-Imbierek, xi jkun qiegħed jiġri? Dak li qalulna l-filosfi tas-seklu l-ieħor, bħal Nietzsche u Camus… Qalulna li lil Alla rridu nwarrbuh, m’għandniex bżonnu aktar, għax issa l-bniedem huwa alla! Imma għamlu hekk, u x’ġara? Il-bnedmin kollha saru allat! U intom tafu x’jiġri meta kulħadd iħossu alla. Araw x’jiġri ġo familja meta r-raġel iħossu l-alla tal-familja u l-mara tħossha l-alla tal-familja. Ġlieda bejn l-allat! U nibdew ngħidu: ‘Għax kulħadd għandu alla għalih!’. Veru li kulħadd għandu alla għalih, għax jekk Alla l-Imbierek m’għadniex nafu min hu, m’għadniex niffurmaw liż-żgħar tagħna fir-relazzjoni tagħhom miegħu, allura bilfors li kulħadd jifforma u jivvinta f’moħħu alla għalih.

Allura din il-ħames mixja ta’ Marija kienet il-mixja tal-familja, tal-formazzjoni vera, li tfittex dak li hu essenzjali għal Binha Ġesù. Din hi l-mixja li tgħallimna li t-tfal ma jistgħux jikbru waħedhom; it-tfal mhumiex qsari, mhumiex siġar! Anki s-siġar u l-qsari rridu nieħdu ħsiebhom, aħseb u ara t-tfal tagħna! Ħafna drabi t-tfal tagħna dejjem niddelegawhom, nagħtuhom lil dak jew lil dik, jew lil dak il-grupp jew lill-grupp l-ieħor, u aħna nitbiegħdu minnhom. Dan ma jagħmilx tajjeb la lilhom u lanqas lilna.

It-Triq tas-Salib

L-aħħar mixja, is-sitt waħda li tagħmel Marija, hija l-mixja li jirrakkontalna l-Vanġelu ta’ San Ġwann (19:25) u li nsibuha fit-tradizzjoni tal-Knisja, fil-Via Sagra: il-mixja lejn il-Kalvarju, il-mixja li lkoll kemm aħna b’xi mod jew ieħor irridu nagħmlu.

It-tbatija tagħmel parti essenzjali minn ħajjitna, u allaħares xi ħadd minna jitwieled, jikber u jifforma ruħu bl-idea li t-tbatija m’għandhiex tkun parti mill-ħajja. Tgħiduli: ‘Allura tistedinha b’idejk? Allura ma teħlisx minnha?’. Le, mhux qed ngħid hekk, imma minkejja li nippruvaw nagħmlu kulma nistgħu biex neħilsu mit-tbatija, biex innaqqsuha u nċekknuha, din ma nistgħux neliminawha u nevitawha mill-ħajja. U jekk aħna nitilqu bl-idea li fil-ħajja tagħna m’għandux ikun hemm tbatija, ħa nagħmlu ħajjitna kollha nbatu, stressjati, jekk mhux depressi. Marija timxi din il-mixja ta’ tbatija ma’ Binha.

Il-mixja tat-tbatija ma nistgħux neliminawha, ma nistgħux nevitawha. Noqogħdu attenti, għax jiena nibża’ li anki ħafna sforzi li qegħdin nagħmlu biex inqarrbu l-mewt jew biex niddeċiedu aħna meta tkun il-mewt, ikunu ġejjin proprju minn din l-illużjoni (il-kelma illużjoni tfisser ħolma) li nneħħu bil-mod il-mod it-tbatija minn ħajjitna. Xi ħaġa li ma tistax tkun!

Huma l-mixjiet tagħna

Aħna qegħdin infaħħruha lil Marija u ngħidulha: ‘Kemm inti kbira! Kemm inti sabiħa! Inti inkurunata mit-Trinità Qaddisa’. Imma kienu dawn il-mixjiet tagħha li wassluha biex tkun dak li hi. U aħna ninsew li Marija mhix ’il fuq mill-art. Marija mhix sopranaturali b’tali mod li aħna ma nistgħux nidentifikaw ruħna magħha. Marija hija mara tad-demm u l-laħam bħalna. Marija bħali, bħalek, u dak li għamlet hi, imsejjaħ nagħmlu jien, tagħmlu int.

U għalhekk iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Festa: biex aħna nħarsu lejn il-ħajja ta’ din il-mara kbira fis-sempliċità u fl-umiltà tagħha. Hekk imbagħad, bħalha, aħna nistgħu mhux biss nagħmlu l-ġid f’din id-dinja, mhux biss inħallu marka ta’ mħabba f’din id-dinja – nibqgħu ngħixu fl-imħabba, fil-ġenerożità tagħna hawn f’din id-dinja – imma fl-aħħar mill-aħħar immorru biex insibu l-post veru tagħna fuq il-lemin tal-Missier bħalma kienet hi.

O Marija, agħti lilna lkoll illi nimxu l-mixja tiegħek, imma agħtina wkoll li ningħaqdu miegħek fis-Sema wara li nħallu din id-dinja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading