Ippubblikata l-istorja tal-Knisja tal-Knisja f’Għawdex

Id-Djoċesi ta’ Għawdex għandha sa fl-aħħar ktieb li jirrakkonta l-istorja sħiħa tal-fidi Nisranija u l-Knisja f’din il-gżira, li tmur bosta sekli aktar lura mis-sena 1864 meta twaqqfet id-Djoċesi, b’riċerka li turi li diġà fl-imgħoddi mbiegħed kien hemm il-preżenza ta’ żewġ ‘djoċesijiet’ eqdem.

Ara wkoll id-diskors tal-Isqof Anton Teuma … https://laikosblog.org/2025/09/13/iat_djb_12092025/

L-Isqof Anton Teuma u l-awtur tal-ktieb, Mons. Dr Joe Bezzina

Il-ktieb, miktub bl-Ingliż mill-istoriku Mons. Dr Joseph Bezzina, iġib l-isem A history of the Church in Gozo, u hu l-frott ta’ snin twal ta’ riċerka xjentifika li tulhom l-awtur diġà ppubblika bosta kotba u artikli li jmissu s-suġġett, għalkemm kien għadu ma ttrattahx mill-bidu tal-aħħar fi ktieb wieħed.

It-tnedija ta’ dan il-volum prezzjuż, b’qoxra tassew attraenti ta’ Daniel Cilia u diversi illustrazzjonijiet ma’ kull kapitlu, saret nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Settembru 2025 – erbat ijiem qabel il-161 anniversarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex – fil-Kurja tal-Isqof fil-Belt Victoria.

Id-diskors prinċipali sar mill-ħassieb u awtur Joe W. Psaila pep, u t-tnedija saret taħt il-patroċinju tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li mhux biss faħħar l-inizjattiva tant mixtieqa u bżonjuża ta’ din il-pubblikazzjoni ġdida, li fi kliemu qed timla lakuna importanti fl-għarfien tal-identità tal-Knisja Għawdxija, imma sejjaħ lil din ir-riċerka “tkomplija tal-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù f’din il-gżira”. Fi kliem l-Isqof, ma nistgħux inkunu nafu min aħna jekk ma nħallux l-istorja tgħallimna.

Il-ktieb ġie maħruġ bis-sapport tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, u issa jkun għall-bejgħ mill-ħanut tal-kotba tal-Kurja tal-Isqof u mingħand l-awtur.

Ritratti: Daniel Cilia

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading