Il-Ġimgħa, 12 ta’ Settembru 2025: Kelmtejn mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fit-tnedija tal-ktieb ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina, ‘History of the Church in Gozo’. Bitħa tal-Kurja tal-Isqof, Victoria.
Ara wkoll … https://laikosblog.org/2025/09/13/ippubblikata-l-istorja-tal-knisja-tal-knisja-fghawdex/

Storja li tkompli l-inkarnazzjoni ta’ Ġesù f’din il-gżira
Ippermettuli ngħid kelma ta’ ringrazzjament lil Mons. Joseph Bezzina ta’ din il-biċċa xogħol.
Kien għad ma għandniex storja miktuba, vera u proprja, tad-Djoċesi ta’ Għawdex, u nħossi li din kienet lakuna kbira. Kull organizzazzjoni u kull entità li hija konxja mill-importanza, l-identità u l-missjoni tagħha, imma ma għandhiex ktieb ta’ riferiment li jista’ jgħinha tmur lura u tara minn fejn ġiet u kif kibret, inħoss li ma għandhiex identità. L-identità ġġibha mhux biss b’dak li int illum, imma fuq kollox mill-istorja li tagħmlek. Hi l-istorja li tagħmilna.
Allura nixtieq minn qalbi nirringrazzjak, [Mons. Bezzina], ta’ din il-biċċa xogħol kbira. Jiena l-ktieb għadni ma qrajtux fid-dettall, imma qallibtu u naħseb li qrajt minn kull kapitlu. L-impressjoni pożittiva tiegħi hi l-fatt illi hija storja li tkompli l-inkarnazzjoni tal-persuna ta’ Ġesù fl-art Għawdxija. Ma ninsewx li ladarba Alla inkarna u sar bniedem, allura daħal fl-istorja, u din l-istorja tkompli skont l-art li tkun fiha.
U din l-istorja li inti rrakkuntajt hi dak li ta’ qabilna komplew mill-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù, bid-difetti, bil-problemi, bid-diffikultajiet, il-kundizzjonamenti u l-kunflitti li kien hemm ma’ din l-art u ma’ min kien imexxiha ċivilment. In-nisġa tat-tmexxija ekkleżjali u dik ċivili flimkien mal-istorja – allura mal-‘input’ li jiġi minn barra – toħloq verament ix-xeni sbieħ tal-Inkarnazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, ladarba Alla sar bniedem, allura d-divin iġorr miegħu wkoll dawn id-dimensjonijiet li ħafna minnhom huma umani.
Nixtieq verament nirringrazzjak ta’ din l-opra. Meta semmejtli, kont ħadt ħafna pjaċir, għax kienet xi ħaġa li nitlobha u nisħaq fuqha, għax inħoss li jekk aħna ma nafux l-istorja, ma nistgħux inkunu nafu min aħna. Il-persuna ma tistax timxi mingħajr storja, u jekk ma hemmx storja, ma jistax ikun hemm futur.
L-aħħar kelma. Jien għalija kien xi ħaġa ġdida u li tagħmilni kburi, lili u lilna lkoll kemm aħna l-Għawdxin, il-fatt tal-eżistenza ta’ djoċesi sa mis-seklu 12. Aħna dejjem konna nafu li d-Djoċesi Għawdxija bdiet fl-1864. Imma Mons. Bezzina, bir-riċerka li għamel, jaċċertana li kien hawn djoċesi f’Għawdex diġà mis-seklu 12 u 13. Hi xi ħaġa kbira, u fl-istess waqt, tgħabbina b’responsabbiltà… lili u lilna lkoll kemm aħna, b’mod speċjali aħna li naħdmu hawnhekk il-Kurja, biex din id-Djoċesi li tant tħabtu u ħadmu ta’ qabilna biex ikollna, mhux biss inħarsuha u nżommuha, imma nkabbruha. Inkabbruha mhux biss fl-art, il-proprjetà u l-bini: dan ikun hemm bżonnu daqskemm ikun hemm ħtieġa ta’ wisa’ għal nies li jsiru jafu min hu Ġesù u jkomplu jkunu dixxipli tiegħu fil-gżira tagħna.
Grazzi, Monsinjur Bezzina. Grazzi mill-qalb lilkom ilkoll li attendejtu għaċ-ċelebrazzjoni tal-lejla. U grazzi lil kull min ħadem u stinka biex setgħet issir din l-opra, li żgur hi waħda mill-aktar opri importanti ta’ dawn l-aħħar snin fid-Djoċesi tagħna.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti