Il-Papa Ljun XIV dwar l-inżul ta’ Kristu fis-saltna tal-imwiet.

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 24 ta’ Settembru 2025

Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù. 8. L-inżul. “Bl-ispirtu mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs” (1 Piet 3:19).

Tislima tal-Papa fl-Awla Pawlu VI qabel l-Udjenza Ġenerali

Barka għalikom ukoll!

Wara tkunu tistgħu ssegwu l-Udjenza hawn fuq l-iskrin, jew inkella jekk tridu tistgħu toħorġu, imma meta tqis il-previżjonijiet tat-temp, kien aħjar li niġu hawn l-ewwel qabel ma nibdew l-Udjenza Ġenerali.

Allura, nixtieq insellem lil kull wieħed u waħda minnkom li ġejtu hawn dalgħodu. Inħossni kuntent ħafna li ninsab magħkom, grazzi li ġejtu! Bħalissa x-xemx hemm barra, imma qed jgħidu li ħa tagħmel ix-xita, u allura rridu li tkunu taħt saqaf. Mela, mingħajr ma ntawwal aktar, il-barka ta’ Alla fuqkom ilkoll, u l-Mulej jagħtikom il-paċi fil-qalb tagħkom. Grazzi!


Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum ukoll se nieqfu fuq il-misteru ta’ Sibt l-Għid. Huwa l-jum tal-Misteru tal-Għid li fih kollox jidher bla ħajja u ħiemed, meta fir-realtà qed isseħħ l-azzjoni inviżibbli ta’ salvazzjoni: Kristu jinżel fis-saltna tal-imwiet biex iwassal l-aħbar tal-Qawmien lil dawk kollha li kienu fid-dlamijiet u fid-dell tal-mewt.

Din il-ġrajja, li l-liturġija u t-tradizzjoni għaddewlna, tirrappreżenta l-ġest l-aktar profond u radikali tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità. Fil-fatt, mhux biżżejjed ngħidu u lanqas nemmnu li Ġesù miet għalina: irridu nagħrfu li l-fedeltà tal-imħabba tiegħu riedet tfittixna hemm fejn aħna stess konna mitlufa, hemm fejn tista’ tasal biss il-qawwa ta’ dak li kapaċi jaqsam il-ħakma tad-dlamijiet.

L-imwiet, fil-kunċett bibliku, mhux daqstant post, daqskemm hu kundizzjoni eżistenzjali: dik il-kundizzjoni li fiha l-ħajja hi mneżżgħa mill-qawwa kollha tagħha u jsaltnu t-tbatija, is-solitudni, il-ħtija u dik il-firda minn Alla u mill-oħrajn. Kristu jilħaqna anki f’dan l-abbiss, jirfes il-bibien ta’ din is-saltna tad-dlamijiet. Jidħol, biex ngħidu hekk, fl-istess dar tal-mewt, biex ibattalha, biex jeħles dawk li hemm fiha, jaqbdilhom idejhom wieħed wieħed u waħda waħda. Hija l-umiltà ta’ Alla li ma jiqafx quddiem id-dnub tagħna, li ma jibżax quddiem ir-rifjut estrem tal-bniedem.

L-Appostlu Pietru, fis-silta qasira tal-Ewwel Ittra tiegħu li għadna kemm smajna, jgħidilna li Ġesù, imqajjem fl-Ispirtu, mar iwassal l-aħbar tas-salvazzjoni “lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs” (1 Piet 3:19). Hija waħda mill-immaġni l-aktar kommoventi, li nsibuha żviluppata mhux fil-Vanġeli kanoniċi, imma f’test apokrifu msejjaħ Vanġelu ta’ Nikodemu. Skont din it-tradizzjoni, l-Iben ta’ Alla daħal fl-eħxen dlamijiet biex jilħaq imqar l-aħħar wieħed minn fost ħutu, biex imqar hemm isfel iwassal id-dawl tiegħu. F’dan il-ġest hemm il-qawwa u l-ħlewwa kollha tal-bxara tal-Għid: il-mewt qatt ma hi l-aħħar kelma.

Għeżież, dan l-inżul ta’ Kristu ma jmissx biss il-passat, imma jmiss il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. L-imwiet mhumiex biss il-kundizzjoni ta’ min hu mejjet, imma anki ta’ min jgħix il-mewt minħabba l-ħażen u d-dnub. Huwa wkoll l-infern ta’ kuljum tas-solitudni, tal-mistħija, tal-abbandun, ta’ min qed ibati biex jgħix. Kristu jidħol f’dawn ir-realtajiet kollha mudlama biex jagħtina xhieda tal-imħabba tal-Missier. Mhux biex jiġġudika, imma biex jeħles. Mhux biex jixħet il-ħtija, imma biex isalva. Dan jagħmlu mingħajr storbju, fuq ponot subgħajh, bħal min jidħol f’kamra tal-isptar biex joffri faraġ u għajnuna.

Il-Missirijiet tal-Knisja, f’paġni ta’ ġmiel tal-għaġeb, fissru dan il-mument bħala laqgħa: dik bejn Kristu u Adam. Laqgħa li hija simbolu tal-laqgħat kollha possibbli bejn Alla u l-bniedem. Il-Mulej jinżel hemm fejn il-bniedem inħeba beżgħan, u jsejjaħlu b’ismu, jaqbadlu jdejh, jerfgħu mill-ġdid, u jerġa’ jieħdu fid-dawl. Dan jagħmlu b’awtorità sħiħa, imma anki bi ħlewwa bla tarf, bħal missier ma’ ibnu li jibża’ li ma għadux maħbub aktar.

Fl-ikoni Orjentali tal-Qawmien, Kristu jidher huwa u jiftaħ beraħ il-bibien tal-imwiet u, b’dirgħajh, jabqad il-polz ta’ Adam u ta’ Eva. Ma jsalvax biss lilu nnifsu, ma jerġax lura fil-ħajja waħdu, imma jkaxkar miegħu l-umanità kollha. Din hija l-vera glorja tal-Irxoxt: hi qawwa ta’ mħabba, hija solidarjetà ta’ Alla li ma jridx isalva mingħajrna, imma biss magħna. Alla li ma jirxoxtax jekk ma jħaddanx miegħu l-miżerji tagħna u jerġa’ jerfagħna fid-dawl ta’ ħajja ġdida.

Sibt il-Għid, allura, hu l-jum li fih is-sema jżur il-qigħan l-aktar fondi tal-art. Huwa ż-żmien li fih kull rokna tal-istorja umana tintmess mid-dawl tal-Għid. U jekk Kristu seta’ jinżel sa hemm, xejn ma jista’ jkun eskluż mill-fidwa tiegħu. Lanqas l-iljieli tagħna, lanqas l-eqdem ħtijiet tagħna, lanqas ir-rabtiet imkissra tagħna. Ma hemmx passat daqshekk imħassar, ma hemmx storja daqshekk fit-tarf li ma tistax tmissha l-ħniena.

Għeżież ħuti, għal Alla, li jitbaxxa mhux telfa, imma t-twettiq tal-imħabba tiegħu. Mhuwiex falliment, imma t-triq li minnha jurina li l-ebda post ma hu mbiegħed, l-ebda qalb mhi daqshekk magħluqa, l-ebda qabar ma hu daqshekk isiġillat għall-imħabba tiegħu. Dan ifarraġna, dan iweżinna. U jekk xi drabi jidhrilna li qed immissu l-qiegħ, ejjew niftakru: dak huwa l-post li minnu Alla kapaċi jibda ħolqien ġdid. Ħolqien magħmul minn persuni li reġgħu qamu, minn qlub maħfura, minn dmugħ ixxuttat. Sibt il-Għid huwa t-tgħanniqa siekta li biha Kristu jippreżenta l-ħolqien kollu lill-Missier biex jerġa’ jqiegħdu fil-pjan ta’ salvazzjoni.

Migjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading