UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 27 ta’ Settembru 2025
Katekeżi. 5. Nittamaw ifisser nintuwixxu. Ambroġ ta’ Milan
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Il-Ġublew jagħmilna pellegrini tat-tama, għax nintuwixxu l-bżonn kbir ta’ tiġdid li jolqot lilna lkoll u l-art kollha.
Għadni kemm għidt “nintuwixxu”: dan il-verb – tintuwixxi – jiddeskrivi ċaqliq tal-ispirtu, intelliġenza tal-qalb li Ġesù lemaħ l-ewwel u qabel kollox fiċ-ċkejknin, jiġifieri fil-persuni ta’ qalb umli. Fil-fatt, spiss il-persuni eruditi ftit jintuwixxu, għax jippreżumu li jafu. Imma kemm hu sabiħ li fil-moħħ u fil-qalb tiegħek jibqagħlek wisa’, biex Alla jista’ jirrivela ruħu. Kemm tama jkun hemm meta jqumu intuwizzjonijiet ġodda fil-poplu ta’ Alla!
Ġesù jifraħ b’dan, jimtela bil-ferħ, għax jintebaħ li ċ-ċkejknin jintuwixxu. Għandhom is-sensus fidei, li hu bħas-“sitt sens” tal-persuni sempliċi għall-ħwejjeġ ta’ Alla. Alla huwa sempliċi u juri ruħu lis-sempliċi. Għalhekk hemm infallibbiltà tal-poplu ta’ Alla fit-twemmin, li tagħha l-infallibbiltà tal-Papa hi espressjoni u servizz (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Lumen gentium, 12; Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Is-sensus fidei fil-ħajja tal-Knisja, 30-40).
Nixtieq infakkar mument fl-istorja tal-Knisja, li juri kif it-tama tista’ tiġi mill-kapaċità ta’ intuwizzjoni li jkollu l-poplu. Fis-seklu 4, f’Milan, il-Knisja kienet mifnija minn kunflitti kbar u l-elezzjoni tal-isqof il-ġdid kienet qed tinbidel f’vera kobba mħabbla. Interveniet l-awtorità ċivili, il-gvernatur Ambroġ, li b’ħila kbira ta’ smigħ u medjazzjoni ġab lura l-paċi. Ir-rakkont jgħid li dak il-ħin instema’ leħen għoli ta’ tfajjel jgħid: “Ambroġ isqof!”. U hekk anki l-poplu kollu talab: “Ambroġ isqof!”.
Ambroġ mank kien għadu tgħammed, kien għadu katekumenu, jiġifieri kien qed iħejji ruħu għall-Magħmudija. Imma l-poplu jintuwixxi xi ħaġa profonda f’dan il-bniedem u jeleġġih. Hekk il-Knisja għandha wieħed mill-akbar isqfijiet tagħha, duttur tal-Knisja.
Ambroġ għall-ewwel ma riedx, saħansitra ħarab. Imbagħad fehem li dik kienet sejħa ta’ Alla, u allura ħalliehom jgħammduh u jordnawh isqof. U jsir Nisrani billi jsir isqof! Qed taraw x’rigal kbir għamlu ċ-ċkejknin lill-Knisja? Illum ukoll din hija grazzja li għandna nitolbu: li nsiru Nsara aħna u ngħixu s-sejħa li rċivejna! Int omm, int missier? Kun Nisrani bħala omm u missier. Int negozjant, ħaddiem, għalliema, saċerdot, reliġjuża? Kun Nisrani fit-triq tiegħek. Il-poplu għandu din ix-“xamma”: jifhem jekk aħniex ngħixu ta’ Nsara jew le. U jista’ jikkoreġina, jista’ jurina d-direzzjoni ta’ Ġesù.
Sant’Ambroġ, matul is-snin, imbagħad radd lura ħafna lill-poplu tiegħu. Ngħidu aħna, ħareġ b’modi ġodda ta’ kif jitkantaw salmi u innijiet, ta’ kif wieħed jiċċelebra, jipprietka. Hu stess kien jaf jintuwixxi, u hekk it-tama kotrot. Wistin ikkonverta grazzi għall-predikazzjoni tiegħu u ġie mgħammed minnu. Li tintuwixxi hu mod kif tittama, ma ninsewhx dan!
Hekk ukoll Alla jmexxi l-Knisja tiegħu, u juriha toroq ġodda. L-intuwizzjoni hija x-xamma li għandhom iċ-ċkejknin tas-Saltna li ġejja. Ħa jgħinna l-Ġublew insiru ċkejknin skont il-Vanġelu biex nintuwixxu u biex naqdu l-ħolmiet ta’ Alla!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard