Kitba ta’ Daniel Borg
IL-KNISJA KOLLHA HI MISSJUNARJA
Illum il-Papa iċċelebra l-Ġublew tal-Missjunarji u l-Migranti. U llum Papa Ljun XIV ifakkarna fl-omelija tiegħu f’vers importanti mill-Ittra Appostolika ta’ Papa Franġisku Evangelii Gaudium: “hu essenzjali li llum il-Knisja toħroġ biex tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd, kullimkien, f’kull okkażjoni, bla tnikkir, bla qatt tiċħadha u bla biża’ ” (EG 23).
Hu jirrimarka kif l-Ispirtu ħafna drabi jibgħatna fil-periferiji tad-dinja fejn niltaqgħu mal-gwerer u l-inġustizzja, u f’dawn il-mumenti ngħidu bħal profeta Ħabakuk fil-qari tal-lum: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax . . . Għaliex turini l-ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?” (Ħab 1,2-3). F’dawn il-mumenti Alla jidher il-bogħod. Madanakollu hija l-fidi li tgħinna nipperseveraw fit-tajjeb. Kif nisimgħu fil-Vanġelu ta’ Luqa li nqara llum, il-fidi hi li torbot kollox: ” “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom” ” (Lq 17, 6). U kif tista’ din il-fidi ssir waħda konkreta? Il-Papa jgħid li l-missjoni llum mhux biss waħda fejn titlaq lejn pajjiżi mbiegħda, imma hija wkoll dik li tilqa’ lil dawk il-migranti li jaqsmu lejn l-artijiet tagħna minn pajjiżi mifnijin mill-gwerer u l-faqar, u li jiġu hawn b’tama ta’ dinja aħjar. F’dan il-kuntest il-Papa jsejħilna biex bħala Knisja nerġgħu niskopru l-vokazzjoni tagħna missjunarja ta’ akkoljenza u mħabba lejn min hu batut.
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0SF4LyVT5ifHMAXm5J8Qpmz6mmJkrDax6FBL179baRyV16xYiW9v6GZEFTbS6MmcAl