DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI TAT-II KUNGRESS INTERNAZZJONALI
GĦALL-PASTORALI TAL-ANZJANI
Sala Clementina
Il-Ġimgħa, 3 ta’ Ottubru, 2025
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-paċi magħkom!
Il-jum it-tajjeb lil kulħadd u merħba!
Eminenza, Eċċellenzi, għeżież saċerdoti, ħuti!
Intikom merħba u hieni li qed niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni tat-Tieni Kungress Internazzjonali għall-Pastorali tal-Anzjani mniedi mid-Dikasteru għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja.

It-tema tal-Kungress – “ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm!” (Ġoel 3.1) – ifakkruna kliem il-profeta tant għal qalb il-Papa Franġisku, li spiss tkellem dwar il-ħtieġa ta’ allejanza bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, ispirata “mill-ħolm” ta’ min għex fit-tul u mżejna “mill-viżjonijiet” ta’ min qed jibda l-avventura sabiħa tal-ħajja (1). Fil-kwotazzjoni l-profeta jħabbar li l-Ispirtu jsawwab id-dawl universali tiegħu, dawl li joħloq għaqda bejn il-ġenerazzjonijiet u jqassam lil kulħadd id-diversi doni tiegħu.
Sfortunatament, fi żmienna, ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet spiss naraw fihom firdiet u kuntrasti li jiġbu kunflitti bejniethom. Per eżempju, l-anzjani jkunu akkużati li liż-żgħażagħ jagħlqulhom il-bibien fid-dinja tax-xogħol, inkella li jeħtieġu wisq riżorsi ekonomiċi soċjali a skapitu ta’ ġenerazzjonijiet oħra, qiesu li l-ħajja twila hi xi ħtija.
Huma ideat li jikxfu viżjoni pessimistika u konflittwali tal-eżistenza. L-anzjani huma don, barka li għandna nilqugħa, u t-tul tal-ħajja hu fattur pożittiv, anzi, hu wieħed mis-sinjali li jagħtu tama lil żmienna f’kull rokna tad-dinja. Ċertament din hi sfida għax l-għadd tal-anzjani dejjem jiżdied hu fenomenu storiku bla preċedent li jitlob minna li niddixxernu u nifhmu r-realtà mod ieħor.
L-età anzjana qabel kollox tfakkarna fis-sejħa benefika universali tad-dinamika tal-ħajja. It-tendenza tal-mentalità dominanti tal-lum hi li l-valur tal-eżistenza jitkejjel minn kemm tipproduċi rikkezza jew tkun suċċess, jekk għandhiex setgħa jew awtorità, u tinsa li l-bniedem dejjem jibqa’ ħlejqa limitata u fil-bżonn. Il-fraġilità li tidher fl-anzjani tfakkarna f’din l-evidenza ġenerika: għalhekk tinħeba jew tisfa mwarrba minn min maħkum mill-illużjonijiet mondani, biex ineħħi minn quddiem għajnejh l-immaġni ta’ dak li inevitabbilment għad irid ikun. Iżda jkun benefiċċju għalina nagħrfu li x-xjuħija “hi parti mill-meravilja tagħna bħala ħlejjaq” (2). Kieku kellna ħila nagħtu valur li din il-fraġilità, inħaddnuha u nieħdu ħsiebha, konna nindunaw li din “hi pont li jgħaqqadna mas-sema” (3). Minflok nistħu mid-dgħufija umana, konna nduru għall-għajnuna ta’ ħutna u ta’ Alla, li jishar bħal Missier fuq il-ħlejjaq tiegħu kollha. L-anzjani jgħallmuna li “s-salvazzjoni ma tinsabx fl-awtonomija, imma filli bl-umiltà nagħrfu li aħna fil-bżonn u nistqarru dan liberament”, hekk “il-qies tal-umanità tagħna ma jitkejjilx fuq kemm għandna ħila nakkwistaw, imma fuq il-ħila li nħallu min iħobbna u, meta jkun hemm bżonn, jgħinna” (4).
Għalkemm tidher ħaġa stramba, sfortunatament, ix-xjuħija qed issir dejjem aktar fażi li tasal fuqna għal għarrieda bla ma nkunu lesti għaliha. Imnebbħa mill-Iskrittura, mill-għerf tal-Missirijiet u mill-esperjenza tal-qaddisin, il-Knisja għandha sejħa biex toffri ħin u mezzi sabiex nifhmu xhini x-xjuħija, ħalli ngħejxuha kristjanament bla ma nippretendu li se nibqgħu żgħażagħ għal dejjem jew ninħakmu mill-iskuraġġiment. Kemm huma prezzjużi f’das-sens, il-katekeżijiet li l-Papa Franġisku kien iddedika lil das-suġġett fl-2022, li fihom żviluppa spiritwalità propja tal-anzjani: dawn jistgħu jkunu sors biex minnu jitfassal xogħol pastorali siewi.
Illum, ħafna nies li jispiċċaw mix-xogħol għandhom opportunità li jgħixu żmien dejjem aktar estiz f’sikkithom, komdi ekonomikament u b’aktar ħin liberu f’idejhom. Jissejħu “anzjani żgħażagħ”: spiss huma jieħdu sehem sħiħ fil-liturġija, imexxu attivitajiet fil-parroċċa, bħalma hu l-katekiżmu, u jagħtu diversi servizzi pastorali oħra. Importanti nsibu l-lingwaġġ adattat u niftħulhom opportunitajiet, ninvolvuhom mhux bħala riċevituri passivi tal-evanġelizzazzjoni, iżda bħala suġġetti attivi, biex flimkien magħhom, mhux minflokhom, nagħtu tweġibiet għall-mistoqsijiet li jqiegħdu quddiema l-ħajja u l-Evanġelju.
Niltaqgħu ma diversi sitwazzjonijiet: xi wħud jirċievu l-ewwel tħabbira tal-fidi f’età avvanzata; oħrajn kellhom esperjenza ta’ Alla u tal-Knisja fiż-żgħożija, imma mbagħad tbiegħdu; oħrajn ipperseveraw fil-ħajja nisranija. Għalihom kollha l-pastorali tal-anzjani għandha tkun evanġelizzatriċi u missjunarja, għax is-sejħa tal-Knisja dejjem hi li tħabbar lil Ġesù, il-Kristu Salvatur, lil kull raġel u mara, f’kull età u f’kull staġun tal-ħajja.
Jekk l-anzjani huma minsijin u skartati, jfisser li rridu nwasslulhom l-aħbar it-tajba tat-tenerezza tal-Mulej, biex flimkien magħhom negħlbu d-dlam tas-soliturdni, l-akbar għadu fil-ħajja tal-anzjani. Jalla ħadd ma jisfa abbandunat! Jalla ħadd ma jħossu inutli! Anki talba sempliċi li tingħad bil-fidi fid-dar isservi ta’ ġid għall-Poplu t’Alla u tgħaqqadna lkoll f’komunjoni spiritwali. Din il-missjoni hi sfida għalina lkoll, għall-parroċċi tagħna u b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu xhieda tal-qrubija u tas-smigħ, smigħ reċiproku ma’ min hu akbar minnhom fl-età.
F’ċirkostanzi oħra l-evanġelizzazzjoni missjunarja tgħin lill-persuni anzjani jiltaqgħu mal-Mulej u mal-Kelma tiegħu. Meta ż-żmien jibda’ jagħfas, infatti, f’ħafna tinbet il-mistoqsija dwar is-sens tal-ħajja u hekk joħolqu opportunità biex ifittxu relazzjoni aktar awtentika ma’ Alla u japprofondixxu l-vokazzjoni tagħhom għall-qdusija.
Ħbieb, niftakru dejjem li l-għan ewlieni tal-minsteru pastorali tagħna hu t-tħabbir tal-Evanġelju: meta ninvolvu lill-anzjani f’did-dinamika missjunarja, huma wkoll isiru xhieda tat-tama speċjalment minħabba l-għerf tagħhom, id-devozzjoni u l-esperjenza. Jien għal dan nitlob. Ninvoka fuqkom l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija u nibqa’ magħkom bil-barka tiegħi. Grazzi!
[1] Cfr Franġisku, La saggezza del tempo, Roma 2018, 9.
[2] Omelija fil-Quddiesa tal-Ġublew taż-Żgħażagħ (3 ta’ Awwissu, 2025).
[3] Katekeżi dwar Ġesù tama tagħna III. L-Għid ta’ Ġesù, 5. It-tislib. “Għandi l-għatx” (Ġw 19,28) (3 ta’ Settembru, 2025).
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber