Il-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fis-27 Ħadd matul is-Sena Ċ

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXVII Ħadd taż-Żmien Ordinarju
Il-Ħadd, 5 ta’ Ottubru, 2025

Għeżież ħuti,

Qabel ma nitolbu l-Angelus flimkien, nixtieq insellem u rrodd ħajr lilkom ilkoll li ħadtu sehem f’diċ-ċelebrazzjoni ġjubulari dedikata lill-missjunarji u lill-migranti.  Intom missjunarji tajbin għax ġejtu minkejja x-xita!  Grazzi!  Il-Knisja hi missjunarja kollha kemm hi u hi wkoll poplu kbir f’mixja lejn is-Saltna t’Alla.  Illum iffakkruna dan ħutna l-missjunarji rġiel u nisa u l-migranti.  Imma ħadd m’għandu jkun imġiegħel jitlaq minn daru jew pajjiżu, u lanqas jisfa sfruttat jew ittrattat ħażin minħabba l-kundizzjoni tiegħu ta’ persuna fil-bżonn jew għax frustier!  Quddiem nett dejjem hemm id-dinjità umana!

Insellem lill-pellegrini kollha, partikolarment li dawk mid-Djoċesi ta’ Pavia mmexxijin mill-Isqof; kif ukoll lill-fidili, fosthom xi żgħażagħ minn Betlehem, li qed iġorru l-istatwa tal-Verġni tar-Rivelazzjoni.

Nhar it-Tlieta 30 ta’ Settembru, terremot kbir laqat ir-reġjun ċentrali tal-Gżejjer Filippini, partikolarment il-provinċja ta’ Cebu u l-provinċji tal-madwar.  Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-għażiż poplu filippin, u nitlob għal dawk li għaddejjin minn prova iebsa minħabba l-konsegwenzi tat-terremot.  Ejjew nibqgħu magħqudin u solidali bil-fiduċja f’Alla u bl-interċessjoni tal-Omm tiegħu, f’kull periklu.

Nesprimi t-tħassib kbir tiegħi minħabba li fid-dinja qed terġa’ terfa’ rasha l-mibegħda anti-semita kif, sfortunatament, rajna ftit jiem ilu bl-attentat terroristiku f’Manchester.  Għadni nħoss qalbi tingħafas bla qies minħabba t-tbatija terribbli li għaddej minnha l-poplu palestinjan f’Gaża.

Dan l-aħħar siegħat, fis-sitwazzjoni drammatika fil-Lvant Nofsani, saru passi importanti ‘l quddiem fit-trattattivi għall-paċi, u nawgura li r-riżultati li qed nittamaw ma jdumux ma jaslu. Nitlob lil kull min hu responsabbli biex jibqa’ impenjat f’dit-triq, biex iwaqqaf l-armi u jeħles lill-ostaġġi, filwaqt li neżorta lil kulħadd biex nibqgħu magħqudin bit-talb, ħalli dawn l-isforzi jwasslu għat-tmiem dil-gwerra u jmexxuna lejn paċi ġusta u dejjiema.

Ningħaqdu spiritwalment ma’ kulmin hu miġbur fis-Santwarju ta’ Pompej għas-Supplika lill-Verġni Marija tar-Rużarju Mqaddes.  Matul dax-xahar ta’ Ottubru, aħna u nikkuntemplaw flimkien ma’ Marija l-misteri ta’ Kristu Salvatur, ejjew inżidu sfiq it-talb tagħna għall-paċi: talb li jsir solidarjetà konkreta mal-popolazzjonijiet imkissrin mill-gwerra.  Grazzi lill-bosta tfal li, madwar id-dinja kollha, huma impenjati fir-reċita tar-Rużarju għal din l-intenzjoni.  Grazzi mill-qalb!

Angelus Domini …

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading