Il-Mirakli Ewkaristiċi (87)
minn Manwel Cutajar
L-Allegat Miraklu Ewkaristiku f’Connecticut, fl-Istati Uniti, fl-2023
Bħalma tkellimna f’artikli preċedenti dwar iż-żewġ allegati Mirakli Ewkaristiċi li seħħew f’Stich fil-Ġermanja tal-Punent fl-1970, u dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku ieħor li seħħ fil-Honduras fid-9 ta’ Ġunju 2022, li dawn fil-preżent qed jiġu investigati teoloġikament u xjentifikament mill-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan, hekk ukoll illum se nitkellmu dwar allegat Miraklu Ewkaristiku ieħor li wkoll fil-preżent qed jiġi investigat mill-istess Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi.
Dal-allegat Miraklu Ewkaristiku seħħ fil-Knisja ta’ San Tumas f’Thomaston, fl-Arċidjoċesi ta’ Hartford, f’Connecticut, li huwa Stat li jinsab fir-reġjun ta’ New England fil-Grigal tal-Istati Uniti.
Dettalji tal-Ġrajja:
Waqt il-Quddiesa tal-Ħadd tal-5 ta’ Marzu 2023 f’dil-Knisja ta’ San Tumas f’Thomaston, fl-Arċidjoċesi ta’ Hartford, ministru straordinarju tat-Tqarbin innota li waqt it-tqassim tal-Ostji Kkonsagrati li dawn bil-mod il-mod bit-tqassim tagħhom ovvjament bdew jonqsu fin-numru u kienu se jispiċċaw fil-pissidi, dawn l-Ostji Kkonsagrati b’mod tabilħaqq misterjuż u mhux mistenni mmultiplikaw u l-pissidi intela’ mill-ġdid b’aktar Ostji kkonsagrati waqt it-Tqarbin, b’ tali mod li kull min resaq għat-Tqarbin seta’ jirċievi l-Ewkaristija, mingħajr ebda problema, anzi fit-tmien it-tqassim u d-distribuzzjoni deher li kien hemm l-istess għadd jew saħansitra aktar Ostji kkonsagrati fil-pissidi milli minn meta nbdiet dakinhar il-Liturġija tat-Tqarbin Imqaddes.
Ir-Reazzjoni tas-saċerdot
Dun Joseph Crowley, is-saċerdot li dakinhar kien qiegħed jiċċelebra dil-quddies, iddeskriva l-ġrajja b’emozzjoni qawwija ħafna.
Huwa esprima “stagħġib u gratitudni” u sejjaħ dil-Ġrajja Mirakoluża tal-Multiplikazzjoni tal-Ostji Kkonsagrati bħala “Sinjal l-aktar qawwi u ċert tal-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina”
Dun Crowley fl-omelija tiegħu tal-quddies tal-Ħadd ta’ wara tat-12 ta’ Marzu 2023 qal: “Dak li ġara dakinhar hu li Sidna Ġesù Kristu mmultiplika Lilu Nnifsu. … M’għandi l-ebda dubju! Naf x’tajt lill-ministru tat-Tqarbin. Naf x’ġie rritornat lura minnu lejn it-tabernaklu. Kien ovvju ħafna u ċar għalija dak li ġara!”
Ir-Reazzjoni tal-Ministru straordinarju
Wara li l-Ministru straordinarju tat-Tqarbin qassam l-Ostji Kkonsagrati lil madwar 150 persuna fil-kongregazzjoni, ra li wara kien hemm l-istess għadd, jekk mhux aktar Ostji Kkonsagrati fil-pissidi.
Il-ministru baqa’ sorpriż li sab li Ostji minflok tnaqqsu fil-pissidi żdiedu b’mod mirakoluż.
Dil-esperjenza ħalliet lill-Ministru straordinarju tat-Tqarbin “xxukkjat,” u ddeskrivieha bħala “qawwija ħafna, tal-għaġeb ħafna, imma reali ħafna.”
Ir-Reazzjoni tal-kongregazzjoni Nisranija
Filwaqt li l-kongregazzjoni tal-fidili nsara preżenti dak il-ħin għall-quddiesa rreaġixxiet b’taħlita ta’ stagħġib, xokk, u biża’ meta ndunaw bl-allegat Miraklu Ewkaristiku, l-aħbar tal-ġrajja nfirxet malajr kemm f’dik il-belt kif ukoll fl-Arċidjoċesi kollha ta’ Hartford.
L-Istqarrija tal-Arċidjoċesi ta’ Hartford:
Stqarrija mill-Arċidjoċesi nnotat li, bħala bnedmin ta’ fidi, nafu li l-Mirakli Ewkaristiċi jistgħu jseħħu tabilħaqq, u li ġrajjiet bħal dawn mis-Smewwiet, għalkemm mhux ġrajjiet ta’ kuljum, għandhom jitqiesu bħala Sinjali Divini biex isejħu u jressqu lill-bnedmin kollha lejn Alla bil-Fidi tagħhom, jew biex japprofondixxu l-Fidi eżistenti tagħhom.
Proċess ta’ Investigazzjonijiet:
Investigazzjoni Lokali:
L-Arċisqof Leonard Blair tal-Arċidjoċesi ta’ Hartford beda l-investigazzjoni kanonika dwar dal-allegat Miraklu Ewkaristiku. Huwa bagħat saċerdot b’għarfien tal-Liġi Kanonika biex jinvestiga l-inċident u jsegwi l-proċeduri mitluba u meħtieġa mill-Knisja Kattolika.
Hekk, l-Arċidjoċesi ta’ Hartford, uffiċjalment u kanonikament nediet investigazzjoni metokuza ħafna billi ġabret l-evidenzi kollha u segwiet il-protokolli tal-Knisja, biex l-investigazzjonijiet kollha tagħha aktar tard jintbagħtu lid-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi tal-Vatikan għal studju, reviżjoni u deċizjoni formali tad-Dikasteru Ekklesjastiku.
Dak iż-żmien il-Vigarju Ġudizzjarju Arċidjoċesan, Dun George S. Mukuka, kien qed “jikkunsidra l-possibbiltà ta’ Miraklu Ewkaristiku” fil-parroċċa ta’ Hartford.
Eventwalment, f’Mejju 2023, l-Arċidjoċesi bagħtet uffiċjalment ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha lid-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan, f’Ruma għall-investigazzjoni tiegħu stess u biex jiddetermina jekk l-inċident għandux jiġi rikonoxxut bħala Miraklu Ewkaristiku, jiġifieri Sinjal veru ta’ Qawwa Divina, maħsub dejjem biex japprofondixxi u jsaħħaħ it-twemmin tal-umanità kollha fil-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.
S’issa dil-Ġrajja ta’ dal-allegat Miraklu Ewkaristiku għadha qed tiġi rriveduta u investigata b’reqqa u kawtela kbira, proċess li huwa magħruf li jieħu ż-żmien biex jiżgura li l-fatti kollha huma preċiżi u li ma jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ spjegazzjoni naturali imma biss Sopranaturali.
Involviment tal-Vatikan:
Id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi tal-Vatikan huwa responsabbli biex jeżamina rapporti bħal dawn biex jiddetermina jekk humiex avvenimenti sopranaturali ġenwini li jistgħu jiġu kkonfermati bħala mirakoluż
Il-Knisja tittratta dawn ir-rapporti b’kawtela kbira,
Ir-riżultat tal-investigazzjoni, kemm jekk pożittiv kif ukoll negattiv, jiġu kkomunikat permezz tal-sorsi uffiċjali tal-Knisja Kattolika.
Tagħrif Informattiv:
Id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi huwa l-eqdem Dipartiment tal-Kurja Rumana, imwaqqaf fl-1542 mill-Papa Pawlu III bħala l-Kongregazzjoni Sagra Suprema tal-Inkwiżizzjoni Rumana u Universali biex tiddefendi l-Fidi Nisranija kontra l-ereżiji, jew tagħlim u fehmiet mhux eżatti jew qarrieqa tal-Tagħlim tal-Knisja Kattolika Latina.
Aktar tard ingħatat l-isem ġdid ta’ Sant’Uffizzju mbagħad tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi (CDF) qabel ma sar id-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi fl-2022. li huwa responsabbli fost ħwejjeġ oħra biex jeżamina l-allegati Mirakli Ewkaristiċi billi jgħarbel sew it-tagħrif u l-provi kollha mill-aspett teoloġiku, duttrinali u xjentifiku.
B’hekk id-Dikasteru jkun jista’ jagħti l-ġudizzju u d-deċizjoni finali tiegħu dwar l-awtentiċità tal-allegati Mirakli Ewkarisiċi mressqa quddiemu
Fi kliem ieħor, il-Knisja teżamina jekk il-Mirakli Ewkaristiċi humiex fenomenu perċettibbli mingħajr spjegazzjoni naturali u f’konformità mad-Duttrina tal-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija l-Aktar Qaddisa.
Jekk jiġu awtentikati, kif għidna fuq, dan ikompli dejjem iżjed jafferma t-twemmin Kattoliku fil-Preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina..
Nota Addizzjonali:
Hawnhekk tajjeb ngħidu li dal-allegat Miraklu Ewkaristiku f’Hartford, f’Connecticut, ifakkarna ħafna fil-Miraklu Ewkaristiku simili ħafna approvat mill-Knisja Kattolika li seħħ fl-Oratorju tal-Kongregazzjoni Reliġjuża Salesjana f’Turin, l-Italja, f’Jum il-Milied tal-1848, meta San Ġwann Bosco kien qed iqassam it-Tqarbin Mqaddsa u nduna li kien fadal biss 8 Ostji kkonsagrati fil-pissidi għat-tqarbin ta’ madwar 360 tifel. Wara li waqaf u talab lil Alla fis-skiet l-Ostji kkonsagrati ġew immultiplikati Mirakolożament.
B’hekk San Ġwann Bosco, seta’ jkompli jqarben lit-tfal u l-ġuvintur kollha.
Dal-Miraklu Ewkaristiku, li dwaru konna tkellimna fl-artiklu preċedenti ( Artiklu Nru 54 ) f’din is-sensiela ta’ Mirakli Ewkaristiċi, esperjenzat u kkonfermat minn San Ġwann Bosco nnifsu, wera Multiplikazzjoni Mirakoluża tal-Ostji kkonsagrati, u b’hekk juri l-Apprezzament ta’ Alla għar-riċeviment frekwenti u devot tal-Ewkaristija Divina mill-Insara u l-Kattoliċi kollha fid-dinja.