Il-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fit-28 Ħadd matul is-Sena Ċ

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXVIII Ħadd taż-Żmien Ordinarju
Il-Ħadd, 12 ta’ Ottubru, 2025

Għeżież ħuti,

qabel tintemm din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellemilkom ilkoll minn qalbi, intom miġburin hawn biex titolbu “f’daċ-ċenaklu” kbir, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù. Intom tirrappreżentaw ir-realtà multipla tal-assoċjazzjonijiet, movimenti u komunitajiet, animati mid-devozzjoni marjana, li hi propja ta’ kull nisrani.  Irroddilkom ħajr u nħeġġiġkom biex l-ispiritwalità tagħkom twaħħduha dejjem mal-Iskrittura Mqaddsa u mat-Tradizzjoni tal-Knisja.

Insellem lill-gruppi kollha ta’ pellegrini, partikolarment lill-lajċi agostinjani tal-Italja u l-Ordni Sekulari tal-Karmelitani Skalzi.

Dawn l-aħħar jiem, il-ftehim li jagħti bidu għal proċess ta’ paċi xegħel xrara ta’ tama fl-Art Imqaddsa.  Inħeġġeġ lill-partijiet kollha biex bil-kuraġġ ikomplu t-triq li qabdu lejn paċi ġusta, dejjiema, li tirrispetta l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-polpu iżraeljan u tal-poplu tal-Palestina.  Sentejn ta’ kunflitt ħallew warajhom kullimkien, imwiet u tifrik, speċjalment fil-qlub ta’ min brutalment tilef lil uliedu, il-ġenituri, il-ħbieb, kollox.  Flimkien mal-Knisja kollha jien qrib in-niket bla qies tagħkom.  Illum, it-tħaddina tal-Mulej hi għalikom, iċ-ċertezza li anki fid-dlam l-aktar sewdieni Hu jibqa’ dejjem magħna: “Dilexi te – Ħabbejtek”.  Lil Alla, il-paċi waħdanija tal-umanità, nitolbuh ifejjaq il-feriti kollha u bil-grazzja tiegħu jgħin biex iseħħ dak li bħalissa jidher impossibbli: li niskopru li l-ieħor mhux għadu, imma ħija/oħti li nħarsu lejh, naħfrulu, noffrulu it-tama tar-rikonċiljazzjoni.

Iżda b’niket qed insegwi l-aħbarijiet ta’ attakki vjolenti ġodda li laqtu diversi bliet u infrastrutturi ċivili fl-Ukrajna li ħallew ħafna persuni innoċenti mejta, fosthom tfal u fejn bosta familji spiċċaw bla dawl u fil-kesħa.  Qalbi tingħaqad mat-tbatija tal-popolazzjoni li ilha snin tgħix fl-ansjetà, minbarra l-ħafna nuqqasijiet.  Inġedded l-appell biex tieqaf il-vjolenza, titwaqqaf id-distruzzjoni u kulħadd jinfetaħ għad-djalogu u l-paċi!

Jien qrib l-għażiż poplu peruvjan f’dal-waqt ta’ tranżizzjoni politika.  Nitlob sabiex il-Perù jkompli miexi fit-triq tar-rikonċiljazzjoni, tad-djalogu u tal-għaqda nazzjonali.

Illum, l-Italja tfakkar il-vittmi fuq il-lantijiet tax-xogħol: nitolbu għalihom u għall-ħarsien tal-ħaddiema kollha.

U issa bil-fiduċja nduru lejn Marija b’fiduċja filjali.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading