IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXIX Ħadd taż-Żmien Ordinarju
Il-Ħadd, 19 ta’ Ottubru, 2025
Għeżież ħuti,
Minn qalbi nsellem lilkom ilkoll li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni li kienet festa kbira ta’ qdusija!
Irrodd ħajr lill-Kardinali, lill-Patrijarki u lill-Isqfijiet preżenti; insellem ukoll b’rikonoxxenza lill-President tar-Repubblika tal-Italja u lill-President tal-Libanu kif ukoll lid-Delegazzjonijiet uffiċjali, partikolarment mill-Armenja u mill-Venezwela.
Nilqa’ bil-ferħ lill-ulied spiritwali tal-Fundatriċi li ġew kanonizzati llum u lid-diversi komunitajiet u assoċjazzjonijiet ispirati mill-kariżmi tal-Qaddisin il-ġodda. Grazzi ħafna tal-parteċipazzjoni devota tagħkom!
Inżid insellem lill-pellegrini l-oħra li hawn preżenti, partikolarment lill- Hermandad del Señor de los Milagros, li għamlu l-purċissjoni tradizzjonali.
Illum hija l-Ġurnata Missjunarja Dinjija. Il-Knisja kollha hi missjunarja, imma llum nitolbu speċjalment għal dawk l-irġiel u nisa li ħallew kollox biex imorru jwasslu l-Evanġelju lil min kien għadu ma jafux. Huma missjunarwji tat-tama fost il-ġnus. Il-Mulej iberikom!
Sfortunatament, l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Myanmar huma aħbarijiet ta’ niket: hemm taqbid bl-armi u bumbardamenti mill-ajru, anki fuq persuni u infrastrutturi ċivili. Jien qrib min qed ibati minħabba l-vjolenza, min-nuqqas ta’ sigurtà u tant inkonvenjenzi oħra. Inġedded mill-ġdid minn qigħ qalbi l-appell biex jitwaqqaf il-ġlied minnufih u b’mod effikaċi. Jalla l-istrumenti tal-gwerra jċedu posthom għal dawk tal-paċi permezz ta’ djalogu inkulssiv u kostruttiv!
Nafdaw it-talb bla heda tagħna għall-Art Imqaddsa, għall-Ukrajna u għall-postijiet l-oħra kollha fejn hemm il-gwerra, fl-interċessjoni tal-Verġni Marija u tal-Qaddisin il-ġodda. Jalla ll-Mulej jagħti d-dehen u l-perseveranza lil kull min hu responsabbli biex ifittex paċi ġusta u dejjiema.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber