QUDDIESA U KANONIZZAZZONI TAL-BEATI:
– Ignazio Choukrallah Maloyan
– Peter To Rot
– Vincenza Maria Poloni
– Maria del Monte Carmelo Rendiles Martínez
– Maria Troncatti
– José Gregorio Hernández Cisneros
– Bartolo Longo
KAPPELA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Id-XXIX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 19 ta’ Ottubru 2025
Għeżież ħuti,
Il-mistoqsija li tagħlaq il-Vanġelu li għadu kemm ixxandar tiftaħ ir-riflessjoni tagħna: “Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?” (Lq 18:8). Din il-mistoqsija turina dak li hu l-aktar prezzjuż f’għajnejn il-Mulej: il-fidi, jiġifieri r-rabta ta’ mħabba bejn Alla u l-bniedem. Proprju llum għandna quddiemna seba’ xhieda, il-Qaddisin ġodda, li bil-grazzja ta’ Alla żammew mixgħul il-musbieħ tal-fidi, anzi, saru huma stess imsiebaħ li kapaċi jxerrdu d-dawl ta’ Kristu.
Ħdejn ġid kbir materjali u kulturali, xjentifiku u artistiku, il-fidi teċċella mhux għax dawn ta’ min jiskerrahhom, imma għax mingħajr il-fidi jitilfu s-sens tagħhom. Ir-relazzjoni ma’ Alla hi tal-ogħla importanza għax hu ħalaq kollox mix-xejn, fil-bidu taż-żminijiet, u jsalva mix-xejn dak kollu li jispiċċa maż-żmien. Dinja bla fidi tkun mimlija b’ulied li jgħixu mingħajr Missier, jiġifieri bi ħlejjaq mingħajr salvazzjoni.
Huwa għalhekk li Ġesù, Bin Alla magħmul bniedem, jistaqsi dwar il-fidi: li kellha tgħib mid-dinja, x’jiġri? Is-sema u l-art jibqgħu bħal qabel, imma ma jkunx hemm iżjed it-tama fil-qalb tagħna; il-libertà ta’ kulħadd tispiċċa megħluba mill-mewt; ix-xewqa tagħna ta’ ħajja tispiċċa fix-xejn. Mingħajr fidi f’Alla, ma nistgħux nittamaw fis-salvazzjoni. Allura l-mistoqsija ta’ Ġesù tħassibna, iva, imma biss jekk ninsew li huwa Ġesù nnifsu li qed ilissinha. Fil-fatt, il-kliem tal-Mulej jibqa’ dejjem vanġelu, jiġifieri aħbar hienja ta’ salvazzjoni. Din is-salvazzjoni hija d-don tal-ħajja ta’ dejjem li nirċievu mingħand il-Missier, permezz tal-Iben, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Għeżież, proprju għalhekk Kristu jkellem lid-dixxipli tiegħu dwar il-ħtieġa li “għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu” (Lq 18:1): kif ma negħjew qatt nieħdu n-nifs, hekk ma negħjewx nitolbu! Kif in-nifs iwieżen il-ħajja tal-ġisem, hekk it-talb iwieżen il-ħajja tar-ruħ: fil-fatt, il-fidi tesprimi ruħha fit-talb u t-talb awtentiku jgħix bil-fidi.
Ġesù jurina din ir-rabta b’parabbola: wieħed imħallef jibqa’ trux quddiem it-talbiet pressanti ta’ waħda armla, li l-insistenza tagħha fl-aħħar twasslu biex jaġixxi. Mal-ewwel daqqa t’għajn, din id-determinazzjoni ssir għalina eżempju sabiħ ta’ tama, speċjalment fiż-żmien tal-prova u tat-tiġrib. Imma l-perseveranza tal-mara u l-imġiba tal-imħallef, li jopra kontra r-rieda tiegħu, iħejju għal mistoqsija provokatorja ta’ Ġesù: Alla, il-Missier twajjeb, “lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq?” (Lq 18:7).
Ejjew inħallu dawn il-kelmiet jidwu fil-kuxjenza tagħna: il-Mulej qed jistaqsina nemmnux li Alla huwa mħallef ġust għal kulħadd. L-Iben qed jistaqsina jekk nemmnux li l-Missier irid dejjem il-ġid tagħna u s-salvazzjoni ta’ kull persuna. Dwar hekk, żewġ tentazzjonijiet iġarrbu l-fidi tagħna: l-ewwel waħda ssib saħħitha fl-iskandlu tal-ħażen, u twassalna biex naħsbu li Alla ma jismax il-biki tal-magħkusin jew ma jħennx għat-tbatija tal-innoċenti. It-tieni tentazzjoni hi l-pretensjoni li Alla għandu jaġixxi kif irriduh aħna: it-talb allura jċedi postu għal kmand fuq Alla, biex ngħallmuh kif għandu jagħmel biex ikun ġust u effikaċi.
Ġesù jeħlisna miż-żewġ tentazzjonijiet li huma, hu li hu x-xhud perfett tal-fiduċja filjali. Hu l-innoċenti, li fuq kollox matul il-passjoni tiegħu jitlob hekk: “Missier, ikun li trid int” (ara Lq 22:42). Huma l-istess kelmiet li l-Imgħallem jgħaddilna fit-talba tal-Missierna. Jiġri x’jiġri, Ġesù jafda ruħu ta’ Iben lill-Missier; għalhekk aħna, bħala aħwa f’ismu, inxandru: “Sewwa u xieraq tassew, Mulej, Missier qaddis, Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna li dejjem u kullimkien irroddulek ħajr, bi Kristu Sidna” (Messal Ruman, Talba Ewkaristika II, Prefazju).
It-talba tal-Knisja tfakarna li Alla jagħmel ħaqq ma’ kulħadd, meta jagħti ħajtu għal kulħadd. Hekk, meta lil Alla nitkarrbulu: “fejn inti?”, din l-invokazzjoni nibdluha f’talba u allura nagħrfu li Alla jinsab hemm fejn l-innoċenti qed ibati. Is-salib ta’ Kristu juri l-ġustizzja ta’ Alla. U l-ġustizzja ta’ Alla hija l-maħfra: hu jara l-ħażen u jifdih, billi jieħdu fuqu. Meta aħna msallbin mit-tbatija u mill-vjolenza, mill-mibegħda u mill-gwerra, Kristu jinsab diġà hemm, fuq is-salib għalina u magħna. Ma hemmx biki li Alla ma jfarraġx; ma hemmx demgħa li hi mbiegħda mill-qalb tiegħu. Il-Mulej jismagħna, jgħannaqna miegħu kif aħna, biex jibdilna kif inhu hu. Imma min ma jilqax il-ħniena ta’ Alla, jibqa’ mingħajr il-ħila li jħenn għall-proxxmu. Min ma jilqax il-paċi bħala don, ma jistax jagħti l-paċi.
Għeżież, issa nifhmu li l-mistoqsijiet ta’ Ġesù huma stedina qawwija għat-tama u għall-azzjoni: meta Bin il-bniedem jiġi, se jsib il-fidi fil-providenza ta’ Alla? Fil-fatt, hija din il-fidi li twieżen l-impenn tagħna għall-ġustizzja, proprju għax nemmnu li Alla jsalva lid-dinja bl-imħabba, u jeħlisna mill-fataliżmu. Mela nistaqsu: meta nisimgħu s-sejħa ta’ min jinsab f’diffikultà, aħna qed inkunu xhieda tal-imħabba tal-Missier, bħalma kien Kristu ma’ kulħadd? Huwa l-umli li jsejjaħ lill-prepotenti għall-konverżjoni, il-ġust li jagħmilna ġusti, kif juruna l-Qaddisin ġodda tal-lum: mhux eroj, jew paladini ta’ xi ideal, imma bnedmin awtentiċi.
Dawn il-ħbieb fidili ta’ Kristu huma martri tal-fidi tagħhom, bħall-Isqof Injazju Choukrallah Maloyan u l-katekista Pietru To Rot; huma evanġelizzaturi u missjunarji, bħal Swor Maria Troncatti; huma fundatriċi kariżmatiċi, bħal Swor Vincenza Maria Poloni u Swor Carmen Rendiles Martínez; bil-qalb imħeġġa tagħhom ta’ devozzjoni, huma benefatturi tal-umanità, bħal Bartolo Longo u José Gregorio Hernández Cisneros. L-interċessjoni tagħhom tgħinna fit-tiġrib u l-eżempju tagħhom inebbaħna fis-sejħa komuni għall-qdusija. Waqt li aħna pellegrini lejn din id-destinazzjoni, nitolbu bla heda, sħaħ f’dak li tgħallimna u nemmnu bil-qawwa (ara 2 Tim 3:14). Hekk il-fidi fuq l-art twieżen it-tama fis-Sema.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard