Darba wieħed teologu għaref qal li l-akbar domanda li rridu nħabbtu wiċċna magħha hija jekk kienx Alla li ħalaq il-bniedem jew jekk kienx il-bniedem li ħalaq ’l Alla. Ħafna llum jagħżlu li ma jemmnux fl-eżistenza ta’ Alla, u għalhekk lanqas jemmnu fil-ħajja wara l-mewt, għaliex l-idea ta’ Alla hija fundamentalment marbuta mal-ħajja wara l-mewt.
Il-qari tal-lum, ikellemna fuq is-sens veru tal-ħajja u l-fidi tagħna fil-ħajja bla tmiem ma’ Alla għal dejjem fis-sema. Fl-ewwel qari naraw il-fidi tal-aħwa Makkabej u ta’ ommhom; kien żmien diffiċli ħafna għall-poplu ta’ Iżrael. Ħafna Lhud, biex jevitaw inkwiet u tbatija, għamlu li riedu l-awtoritajiet barranin. Iżda xi wħud qalbiena, kif kienet din il-familja, għażlu li jibqgħu fidili lejn il-Fidi tagħhom anke jekk dan swielhom ħajjithom. B’dan huma taw xhieda li ma tmut qatt tal-Fidi tagħhom mhux biss f’Alla iżda wkoll fil-ħajja ta’ dejjem. ‘Int se ċċaħħadna mill-ħajja ta’ issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu’.
Fis-Salm tal-lum irrepetejna, ‘Meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek’ u smajna, ‘Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek’. Kif nista’ jien nżomm ‘il-mixi’ tiegħi fit-triq tal-Mulej jekk nemmen biss f’din il-ħajja, u li wara jispiċċa kollox? Kif nista’ jien ngħix ħajja nisranija awtentika li titlob minni għażliet diffiċli kuljum, jekk ma nemminx li Alla għad iħallasni fil-ħajja ta’ dejjem?
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jidħol f’diskussjoni mas-Sadduċej li kienu grupp li ma jemminx fil-qawmien mill-imwiet. Biex mingħalihom jippruvaw dan ġabulu l-eżempju ta’ armla li skont il-liġi kellha tiżżewweġ lil ħu żewġha mejjet biex l-ewwel wild tagħhom ikun meqjus tal-mejjet. Ġesù jweġibhom, ‘dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.’
Int temmen fil-ħajja ta’ dejjem? Il-qaddej ta’ Alla, D. Mikiel Attard, meta konna s-Seminarju u hu kien id-direttur spiritwali tagħna kien jgħidlna hekk, ‘Fil-ħajja trid tieħu riskju; issa jew tirriskja fuq dak li jgħid xi ħadd ieħor hu min hu, kittieb etc…, jew tirriskja fuq dak li jgħidlek moħħok, jew tirriskja fuq il-Kelma ta’ Ġesù u dik hija l-Fidi’. Int fuq min lest li tieħu risku?
Mulej Ġesù, jien inkun l-akbar iblaħ jekk nieħu riskju fuq il-kelma ta’ xi ħadd ieħor jew fuq dak li jgħidli moħħi meta naf li aħna lkoll nistgħu niżbaljaw u bil-kbir. Għalhekk illum irrid ngħidlek li jien ser nieħu riskju fuq Kelmtek, u rrid nemmen fil-ħajja ta’ dejjem li int offrejtilna bil-mewt u l-qawmien tiegħek. Ammen.