It-33 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Kull bniedem jaf li l-ħajja tiegħu fuq din l-art trid tiġi fi tmiemha; iżda mhux kull bniedem jirreaġixxi bl-istess mod għal din l-akbar verità dwar il-futur tagħna lkoll. Minn naħa hemm min jibda jgħid, ‘Kul u tpaxxa għax illum jew għada għal ġol-kaxxa’, u jgħix ħajtu jaljena ruħu mill-verità li llum jew għada jrid iħabbat wiċċu magħha. Minn naħa l-oħra hemm min isir negattiv, u jibda jara li l-ħajja hija inutli, niġu għal ftit f’din id-dinja biex inbatu u nispiċċaw fix-xejn. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ atitudnijiet ma hija ġejja minn Alla u dawn  jindikaw bniedem li ma jemminx f’Alla u allura lanqas jemmen fil-ħajja ta’ dejjem. Iżda mhux hekk jagħmel il-bniedem għaqli li jħalli l-Kelma t’Alla tmexxieh u ddawwallu triqatu.

Fl-ewwel qari tal-lum smajna Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom, jgħid il-Mulej’. Din tkun ix-xorti tal-kburin, dawk li jħossuhom aħjar minn ħaddieħor, li ma jafux iħennu, dawk li dejjem ifittxu raġuni biex ma jgħinux lil min hu fil-bżonn. Iżda mbagħad hemm dawk li jkunu fuq in-naħa l-oħra, in-naħa tal-lemin tal-Mulej, Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha.

Is-salm ikompli jgħidilna; ‘Għax il-Mulej ġej biex jagħmel ħaqq mill-art; hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja u mill-popli bis-sewwa.Ta min nistaqsu lilna nfusna; kemm inżomm f’moħħi jien li l-Mulej għad jagħmel ħaqq minni? Kemm niftakar li l-aktar mument importanti tal-eżistenza kollha tiegħi, dak il-mument li minnu tiddependi l-eternità għalija, huwa dak il-mument li nidher quddiem Alla? Kemm qed nitħejja biex meta nidher quddiem Alla nkun kemm jista’ jkun ippreparat?

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jinqeda bil-qerda tat-tempju ta’ Ġerusalemm li sseħħet fis-sena 70 W.K., biex jitkellem dwar il-fatt li dak kollu li huwa ta’ din id-dinja għad jgħaddi u jispiċċa fix-xejn, u aħna wkoll irridu nħallu kollox warajna. Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx’. Huwa jkompli jwissina wkoll dwar il-profeti foloz, li ma ġewx biss fl-antikità, iżda huma preżenti f’kull żmien, anke fi żmienna; Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: Jien hu, u: Iż-żmien wasal. Tmorrux warajhom’. Dan iwassalna biex nistaqsu lilna nfusna: min hu, jew min huma l-profeti li nisma minnhom jien? Dan jista’ jkun xi ħadd ieħor jew nista’ nkun jien stess jekk nagħmel lili nnifsi alla tiegħi. Ħaġa waħda hija żgura li l-profeti foloz, qatt ma jwasslulna l-verità dwarna nfusna u dwar Alla. Ġesù biss hu l-Profeta l-veru, u jekk jien għaqli lilu għandi nisma’ qabel kullħadd.

Ġesù jkompli jgħidilna li l-komunità tiegħu hija destinata li tkun ippersegwitata, iżda dan qatt ma għandu jġib qtigħ ta’ qalb, għaliex huwa dejjem magħha, u fuq kollox Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom! Min ma jaqtax qalbu, min jippersevera fl-aħħar minn l-aħħar joħroġ rebbieħ ma’ Ġesù.

Mulej Ġesù kemm tassew għandna għax ngħidulek grazzi għaliex tridna nkunu miegħek fit-tgawdija dejjiema fil-ħajja li ma tintemm qatt u fejn int tixxotta kull demgħa minn għajnejna. Nitolbuk għinna ħalli qatt ma naqilgħu għajnejna minn dan l-ideal waħdieni tagħna, u jekk jiġri li xi darba naqgħu, għinna ħalli malajr kemm jista’ jkun inqumu ħalli nkomplu l-mixja li trid twassalna fi ħdan il-Missier. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading