Il-Mirakli Ewkaristiċi (89)
minn Manwel Cutajar
Dawn iż-żewġ allegati Mirakli Ewkaristiċi seħħew fl-Arċidjoċesi ta’ Guadalajara li tinsab fil-parti ċentrali tal-Punent tal-Messiku, u hi l-Belt Kapitali tal-Istat ta’Jalisco. Tinsab fil-Wied ta’ Atemajad, ħdejn ir-Rio Grande de Santiago, f’għoli ta’ madwar 5,100 pied.
L-Ewwel allegat Miraklu huwa dak li seħħ fl-24 ta’ Lulju, 2013 fi knisja fejn saċerdot sostna li Ostja Kkonsagrata tgħattiet bid-Demm.
L-Allegat Miraklu Ewkaristiku l-ieħor seħħ f’Lulju 2022 fil-parroċċa tal-Madonna tar-Rużarju f’Zapotlanejo, u li jidher fuq filmat li juri Ostja Kkonsagrata “tħabbat” bħal qalb ta’ bniedem.
Iż-żewġ allegati Mirakli Ewkaristiċi preżentament qed jiġu investigati mill-Arċidjoċesi ta’ Guadalajara.
Il-Ġrajja tal-Ewwel allegat Miraklu Ewkaristiku
Kien Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Lulju 2013 fil-knisja tal-Parroċċa ta’ Marija Omm il-Knisja li tinsab f’Colonia Jardines de la Paz (Guadlajara, Jalisco, il-Messiku) fejn allegament seħħ dal-Miraklu Ewkaristiku.
“Dan huwa żmien ta’ barka kbira għal din il-komunità u għad-dinja kollha” Hekk stqarr il-Kappillan ta’ dil-Parroċċa s-saċerdot Messikan Dun Jose Dolores Castellanos Gudino magħruf aħjar mill-parruċċjani tiegħu bħala Dun Lolo.
Dal-Kappillan qal li waqt li kien għarkupptejh fil-kappella privata tiegħu jitlob quddiem is-Sagrament l-aktar Qaddis tal-Ewkaristija, ra sajjetta u sema’ leħen qawwi li qallu.
“Idoqqu l-qniepen biex iferrgħu l-barkiet fuq dawk kollha preżenti. Inti ħu t-tabernaklu żgħir tiegħek għal Adorazzjoni privata tiegħek fuq l-artal tal-knisja Parrokkjali u poġġih ħdejn it-tabernaklu tal-knisja. Tiftaħx it-tabernaklu qabel it-3 ta’ wara nofsinhar, mhux qabel.”
“Se nwettaq Miraklu tal-Ewkaristija,” kompla l-leħen “Il-Miraklu se jissejjaħ ‘Miraklu tal-Ewkaristija fl-Inkarnazzjoni tal-Imħabba flimkien ma’ Ommna u s-Sinjura tagħna.’
Il-leħen mbagħad kompla jgħidlu biex jaqsam dan mas-saċerdoti kollha tiegħu biex jgħinhom u li kien se jimla l-erwieħ kollha bil-barkiet.
Dun Gudino qal li wara li sema’ dal-leħen huwa seta’ jgħid biss, “Mulej tiegħi, jiena l-qaddej tiegħek, ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek.”
Leħnu miksur bl-emozzjoni, il-kappillan kompla jirrakkonta x’ġara:
“Għamilt kif ġejt ordnat mil-leħen, tlabt lin-nies biex fl-24 ta’ Lulju 2013 jiftħu l-bibien tal-knisja, kien għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar, ordnat ukoll biex idoqqu l-qniepel tal-knisja. Fil-Kappella żgħira tas-Sagrament, fuq l-artal hemm it-tabernaklu umli tal-injam. Għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofsinhar in-nies kienu miġbura hemm fil-kappella jitolbu. Dak in-nhar kemm insara Kattoliċi kif ukoll dawk li ma jemmnux attendew il-knisja tal-Parroċċa ta’ Marija Omm il-Knisja biex jixhdu dil-ġrajja jew Miraklu Divin”.
Bin-nies tal-lokal miġbura hemmhekk il-kappillan irrakkonta li fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, huwa resaq lejn it-tabernaklu żgħir u mallifetħu sab “li l-Ostja Kkonsagrata kienet mgħottija bid-Demm.”
Il-Kappillan qal li l-leħen kien qallu wkoll biex jistabbilixxi Kappella tal-Adorazzjoni, u jippermetti kwalunkwe studju xjentifiku meħtieġ biex jikkonferma l-Miraklu Ewkaristiku.
Wara din il-ġrajja, Mons. Ramiro Valdes Sanchez, Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Guadalajara,il-Messiku, qal li rċieva struzzjonijiet mill-Arċisqof ta’ Guadalajara, il-Kardinal Jose Francisco Robles Ortega, biex jibda u jmexxi l-investigazzjoni dwar dal-Allegat Miraklu Ewkaristiku.
Hekk minnufih Mons. Valdes Sanchez, ħabbar li l-Arċidjoċesi se tibda tinvestiga dal-allegat Miraklu Ewkaristiku.
L-Arċidjoċesi ta’ Guadalajara tinvestiga l-allegat Miraklu Ewkaristiku:
Mons. Sanchez qal li se jinġabar tim ta’ esperti biex jinvestigaw jekk hemmx spjegazzjoni xjentifika għall-fenomenu, u li kampjuni mill-Ostja se jiġu studjati f’Guadalajara.
“L-ewwel nett ix-xhieda trid tinġabar mingħand tliet persuni li kienu preżenti, ovvjament f’dan il-każ l-ewwel mingħand il-Kappillan” spjega Mons. Sanchez
Waqt li dan kien qed iseħħ, il-Knisja f’Guadalajara, permezz tal-Kardinal Arċisqof, qalet li “l-Ostja Imqaddsa m’għandhiex tiġi esposta għall-pubbliku u li tinżamm f’post sigur, f’it-tabernaklu,” .
Meta tkellem mal-istampa fil-31 ta’ Lulju 2013 il-Kardinal Robles qal li “il-każ huwa serju ħafna, għax hija kwistjoni tal-Akbar Sagrament tal-Fidi tagħna, fejn aħna ċerti,u żguri mill-Preżenza reali u ħajja ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.
Mons. Sanchez spjega l-Kanoni tal-Knisja Kattolika:
“Id-duttrina legali tal-Knisja Kattolika tgħid li meta jseħħ ġrajja straordinarja u mhux komuni, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jiġi determinat jekk l-ġrajja tistax tiġi spjegata minn kawżi naturali jew jekk hijiex meħtieġa investigazzjoni aktar serja biex jiġi determinat jekk imurx lil hinn min-naturali u jekk għandux titqies bħala ġrajja mirakoluż jew le,”
Din l-ġrajja Mirakoluża hija simili għal Mirakli Ewkaristiċi oħra fejn Ostja kkonsagrata jingħad li bdiet tnixxi d-demm, xi kultant turi proprjetajiet bħal tessut tal-qalb ħaj wara testijiet xjentifiċi. Madanakollu, l-ebda stqarrija uffiċjali tal-Knisja dwar dil-Ġrajja ta’ Guadalajara li seħħet fis-sena 2013 mhi disponibbli s’issa.
It-Tieni Parti dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku l-ieħor li seħħ f’Lulju 2022 fil-Parroċċa tal-Madonna tar-Rużarju f’Zapotlanejo, fil-Messiku, inkomplu nitkellmu dwaru f’artiklu li jmiss f’din is-sensiela fil-paġna tal-LAIKOS.