Ħolqien imġedded. Niċċelebraw l-Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu. Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Sejrin ferħana f’dar il-Mulej.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. Lq 23:35-43.

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”

Fil-mument l-aktar drammatiku
tal-istorja tad-dinja:

il-poplu waqaf hemm iħares
jippersevera, jara u jirrifletti
jistenna bla ma jifhem

filwaqt li Ġesù jirċievi l-aħħar tentazzjoni:
“jekk inti …”
“agħti prova”, “impressjoni”,
salva lilek innifsek!

Irrifletti:
• Fejn tara lilek innifsek f’din ix-xena?

ii. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Jistgħu ikunu l-kliem tal-akbar disprezz
l-aħħar inkejja lejn lider fallut

imma fil-fatt dawk l-erba’ kelmiet (INRI)
xterrdu madwar id-dinja
u l-bniedem isib lilu nnifsu
quddiem is-siġra taqbad
Alla preżenti biex jeħles.

Irrifletti
• Min hu Kristu fuq is-salib għalik?

iii. : “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”

L-aħħar kelma ta’ Ġesù
fl-Evanġelju skont San Luqa
fis-sena liturġika (C):
“Miegħi”!
“tkun fil-ġenna miegħi”.

Mhux biss jiftaħ il-bieb li kien ilu magħluq –
il-bieb tal-hena, iż-żmien tal-ġenna –
mhux biss ma jidħolx waħdu fis-Saltna
imma talli jdaħħal miegħu ħalliel! (San Ġwann Krisostmu).

Is-Sultan tal-Ħolqien kollu
ma ġiex biex jimpressjona, biex juri xi jsarraf:
ġie pjuttost biex jinseġ relazzjonijiet
u hekk il-Ħolqien jiġġedded.

Irrifletti

• Kif mistieden tara l-ħolqien b’mod ġdid?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading