UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-PAPA LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 22 ta’ Novembru 2025
Katekeżi. 9. Tittama jfisser tieħu pożizzjoni. Dorothy Day
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Għal ħafna minnkom, il-fatt li llum tinsabu Ruma hu t-twettiq ta’ xewqa kbira. Għal min jgħix pellegrinaġġ u jasal fid-destinazzjoni, importanti jiftakar il-mument tad-deċiżjoni. Xi ħaġa, għall-bidu, iċċaqalqet ġewwa fikom, forsi grazzi għall-kelma jew għall-istedina ta’ xi ħadd ieħor. Hekk, il-Mulej innifsu qabdilkom idejkom: xewqa u mbagħad deċiżjoni. Mingħajr dan, ma kontux tkunu hawn. Importanti tiftakruh dan.
U importanti wkoll dak li għadna kemm smajna ftit ilu mill-Vanġelu: “Lil min tawh ħafna, jistennew minnu ħafna; lil min fdawlu ħafna f’idejh, iktar jistennew minnu”. Ġesù dan jgħidu lid-dixxipli l-aktar qrib tiegħu, lil dawk li miegħu kienu jgħaddu l-aktar ħin. U aħna wkoll irċivejna tant mill-mixja li għamilna sa hawn, konna ma’ Ġesù u mal-Knisja u, anki jekk il-Knisja hija komunità b’limitazzjonijiet umani, irċivejna ħafna. Allura, Ġesù jistenna ħafna minna. Hu sinjal ta’ fiduċja, ta’ ħbiberija. Jistenna ħafna, għax jafna u jaf li nifilħu!
Ġesù ġie biex iġib in-nar: in-nar tal-imħabba ta’ Alla fuq l-art u n-nar tax-xewqa fil-qlub tagħna. F’ċertu sens, Ġesù jeħdilna l-paċi, jekk il-paċi narawha bħala kalma li ma tagħmel xejn. Imma din mhix il-vera paċi. Xi drabi nkunu nixtiequ li “jħalluna fil-paċi”: li ħadd ma jdejjaqna, li l-oħrajn ma jeżistux iktar. Din mhijiex il-paċi ta’ Alla. Il-paċi li jġib Ġesù hi bħal nar u titlob ħafna minna. Titlob minna fuq kollox li nieħdu pożizzjoni. Quddiem l-inġustizzji, in-nuqqas ta’ ugwaljanza, fejn id-dinjità umana hi mżebilħa, fejn id-dgħajfin titteħdilhom il-kelma: nieħdu pożizzjoni. Nittamaw ifisser nieħdu pożizzjoni. Nittamaw ifisser nifhmu fil-qalb tagħna u nuru bil-fatti li l-affarijiet ma għandhomx ikomplu bħal qabel. Anki dan huwa n-nar tajjeb tal-Vanġelu.
Nixtieq infakkar mara ċkejkna imma kbira Amerikana, Dorothy Day, li għexet is-seklu l-ieħor. Kellha n-nar ġewwa fiha. Dorothy Day ħadet pożizzjoni. Rat li l-mudell ta’ żvilupp ta’ pajjiżha ma kienx qed joħloq għal kulħadd l-istess opportunitajiet, fehmet li l-ħolma għal ħafna kienet inkubu, li bħala Nisranija kellha tindiehes mal-ħaddiema, mal-migranti, mal-mormija minn ekonomija li toqtol. Kitbet u qdiet: importanti li norbtu flimkien moħħ, qalb u dirgħajn. Hekk ifisser nieħdu pożizzjoni. Kitbet bħala ġurnalista, jiġifieri ħasbet u ġagħlet lil min jaħseb. Li tikteb hu importanti. U anki li taqra, illum iżjed minn qatt qabel. U mbagħad Dorothy kienet isservi l-ikliet, tqassam il-ħwejjeġ, tilbes u tiekol bħal dawk li kienet taqdi: rabtet flimkien moħħ, qalb u dirgħajn. B’dan il-mod, li tittama jfisser tieħu pożizzjoni.
Dorothy Day involviet eluf ta’ persuni. Fetħu djar f’tant bliet, f’tant inħawi: mhux ċentri kbar ta’ servizzi, imma punti ta’ karità u ta’ ġustizzja fejn in-nies jissejħu b’isimhom, jafu lil xulxin, u jibdlu l-istmerrija f’komunjoni u f’azzjoni. Hekk ikunu l-operaturi tal-paċi: jieħdu pożizzjoni u jerfgħu l-konsegwenzi ta’ dan, imma jimxu ’l quddiem. Tittama jfisser tieħu pożizzjoni, bħal Ġesù, ma’ Ġesù. In-nar tiegħu hu n-nar tagħna. Jalla l-Ġublew ikebbsu fina u fil-Knisja kollha!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard