Is-Sibt, 29 ta’ Novembru 2025, fil-vġili tal-ewwel Ħadd tal-Avvent: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-bidu tal-Ministeru Pastorali ta’ Mons. Carmelo Refalo bħala Rettur, Mons. Carmelo Gauci, u s-Sorijiet Ursolini fis-Santwarju Ta’ Pinu. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Il-kelma li nstemgħet mill-kwadru ta’ warajna kienet prinċipalment: “Ejja”. U forsi ħafna minna qegħdin hawn għax nisimgħu u bqajna nobdu din il-kelma: “Ejja”. Forsi ħafna drabi niġu hawn mingħajr lanqas biss nafu għalfejn hawn jiġbidna. Marija minnha nfisha tiġbidna bil-kelma tagħha: “Ejja”. Imma l-Omm tkun kuntenta meta anki l-ulied jgħidu l-istess kliem tagħha, jitgħallmu l-istess atteġġjamenti u sentimenti tagħha… u anki aħna wliedha nibdew ngħidu: “Ejja”.
Lil min ngħidu: “Ejja”? Illum il-Knisja tistedinna biex it-talba fuq fommna sal-ġurnata tal-Milied tkun: “Ejja, Mulej Ġesù”. Biex l-‘Ejja’ ta’ Marija tkun sħiħa hemm bżonn li nkompluha bl-‘Ejja’ tagħna: “Ejja, Mulej Ġesù”, bix-xewqa ta’ qalbna li aħna wkoll niltaqgħu ma’ Ġesù. Mhux biss ix-xewqa tiegħu u ta’ Ommu li jiltaqgħu magħna, imma kull qalb trid oħra. Il-qalb ta’ Marija tixtieq li l-qalb tagħna wkoll tkun tixtieq li tiltaqa’ magħha u ma’ Binha Ġesù.
Forsi dan huwa l-aħjar mument ta’ kif nistgħu nibdew dan iż-żmien għażiż tal-Avvent, billi ngħidu: ‘Ejja, Mulej Ġesù, fil-ħajja tagħna’. Il-Mulej Ġesù ma jiġix biss kull meta niġu l-Knisja, fis-Santwarju Ta’ Pinu, imma jiġi kull ħin u kull mument ta’ ħajjitna. Imma hemm bżonn ta’ karatteristika partikulari biex aħna nindunaw bih: hemm bżonn li nishru, li nibqgħu imqajma, li nkunu attenti.
Li mmorru l-knisja kull nhar ta’ Ħadd tgħinna biex nagħrfu l-miġja ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, f’kull mument ta’ ħajjitna. Allaħares dan il-mument tal-laqgħa tagħna miegħu jieqaf hawn, darba kull nhar ta’ Sibt jew kull nhar ta’ Ħadd. Inkunu ngawdu ftit mill-ħafna doni li jista’ jagħtina Ġesù jekk aħna naqflu l-miġja tiegħu f’ħajjitna f’din in-nofsiegħa jew tliet kwarti li nagħmlu fil-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Din l-‘Ejja, Mulej Ġesù’ li rridu ngħidulu bil-qawwa llejla tistedinna biex nishru, biex inkunu attenti ħalli l-Mulej Ġesù jiġi kull ħin tal-ħajja tagħna.
Issa, minn hawn u ftit ieħor, kulħadd jaqbad il-karrozza u jibda sejjer lura lejn daru. U jekk tridu taqsmu r-Rabat, tridu tistennew ħafna fil-kju tat-traffiku li ssibu hemm, sakemm m’għandkomx karrozza li ttir! Kif ser ngħaddih dak it-traffiku jien? Nista’ ngħaddih bħala bniedem bl-impulsi, l-istinti, l-emozzjonijiet, ir-rabja, il-prepotenza illi naraw ħafna drabi madwarna… jew nista’ dak il-mument ngħaddih bħala mument ta’ talb, ta’ fidi. Mhux billi noqgħod nitlob fil-karrozza, imma billi nieħu paċenzja; billi ninduna li jien ukoll wieħed minn dawk li qegħdin inżommu t-traffiku għax jien ukoll qiegħed insuq karrozza; billi ninduna li jien ukoll bniedem bħall-oħrajn. Bħali l-oħrajn għandhom ħafna x’jagħmlu, bħali jridu jaslu xi mkien, bħali l-oħrajn qegħdin isibu tfixkil biex jaslu fejn għandhom jaslu.
Imbagħad nasal id-dar u niekol. Jien nista’ niekol bħal bniedem li għandu l-fidi, li lill-Mulej jgħidlu: ‘Ejja, Mulej Ġesù’, jew nista’ niekol bħal bniedem li m’għandux fidi, li qiegħed hemm biex sempliċement jimla l-istonku tiegħu. U nista’ mmur norqod bħal bniedem li għandu l-fidi, li jirringrazzja lil Alla għall-ġurnata li tana bis-sabiħ u bl-ikrah tagħha, jew inkella bħal xi ħadd sempliċement għajjien illi ħajtu ddur kollha kemm hi miegħu, jintefa’ fis-sodda qisu kollox jiddependi minnu. Jien nista’ ngħaddi l-lejla billi nara ħwejjeġ li jgħinuni noqrob lejn Alla, billi naqra xi ħaġa sabiħa li lili tressaqni lejn Alla, jew billi nara, fuq il-mowbajl, it-televixin, it-tablet jew kompjuter, affarijiet li jbegħduni minn Alla. U nistgħu nibqgħu sejrin il-ġurnata ta’ għada u ta’ pitgħada.
Hekk tfisser it-talba tiegħi, ‘Ejja, Mulej Ġesù’. Dan ifisser nishar, ma ngħixx bħal wieħed rieqed, imma ngħix bħal f’binhar kif qalilna San Pawl. Għax jiġri bħal fi żmien Noè. Dak li jien norbot u nserraħ fuqu jisparixxi, jgħaddi. Jekk hux xogħol, flus, ħbieb, xi tip ta’ divertiment, kollox jgħaddi u jisparixxi. Imma, jgħaddi kif għaddejtu jien, kif ngħixu.
Bdejna din ir-riflessjoni tagħna billi għidna li s-Santwarju Ta’ Pinu huwa s-sejħa ta’ Marija, “Ejja”. U kull min b’xi mod jaħdem hawn fis-Santwarju, ibda mir-Rettur u spiċċa fl-inqas voluntier li nafu bih, dawn għandhom missjoni waħda biss: illi jkomplu jgħinu lil Marija tlissen din l-“Ejja” li tfisser: “Ejja fid-dar ta’ Ibni. Ejja fid-dar tal-Missier. Ejja għax hawn wisa’ għalik, għal kulħadd”. Hawn ġew hawn wisa’ għal kulħadd. Ħadd mhu eskluż. Fil-Knisja hemm wisa’ għal kull persuna, hi min hi, hi x’inhi, jew anki jekk ma tafx min hi jew x’inhi. Hawn wisa’ għal kull persuna.
Dan hu r-rwol, il-missjoni, is-sejħa tas-Sorijiet li ser jiġu hawn, jew li diġa qegħdin hawn, biex jgħinu lill-Madonna tlissen bil-qawwa: ‘Ejja. Hawn wisa’ għalik. Ejja, hawn qalb li tħobbok u taċċettak. Ejja, hawn widna li tisimgħek’.
Ejjew nitolbu lill-Mulej, ilkoll kemm aħna llejla, biex jagħtina l-qawwa u l-grazzja li nkomplu fuq dak li bdew ta’ qabilna. Kemm l-Isqof Cauchi, l-Isqof Mario Grech illum Kardinal, ir-Rettur ta’ qabel Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur ta’ qablu Dun Mikiel Galea, u jerġa’ dak ta’ qabel Dun Beneditt, l-iskop ewlieni li kellhom kien wieħed: li dan is-Santwarju jkun estensjoni, amplifikazzjoni ta’ din il-Kelma ta’ Marija, “Ejja”.
Ejjew nitolbu lkoll flimkien biex din l-esperjenza li qegħdin nibdew b’mod uffiċjali mas-Sena Liturġika, il-preżenza tas-Sorijiet Ursolini flimkien mar-Rettur Dun Karm Refalo u s-saċerdoti l-oħra li bdew miegħu jew li ilhom hawn jaqdu fis-Santwarju Ta’ Pinu, dawn jirrendu din l-“Ejja” ta’ Marija dejjem aktar sensibbli, tanġibbli u vera.