BĦALA NSARA GĦANDNA NKUNU NIES ATTENTI U LI QEGĦDIN NISTENNEW BIT-TAMA!
Kien il-Ħadd 30 ta’ Ġunju tas-sena 1974. Mal-mitt ġuvni u tfajla kienu qegħdin jiżfnu bħal mitlufin mal-mużika rock ġo disco f’ Port Chestor, belt li tinsab bejn New York u l-istat ta’ Connecticut. F’kemm ilni ngħidilkom il-post imtela’ bin-nar u bid-duħħan. Fi ftit minuti, 24 żagħżugħ u żagħżugħa mietu maħruqa, fgati bid-duħħan u aħrajn spiċċaw mgħaffġa fuq xulxin fl-entratura tad-disco. Skont is-sindku ta’ Port Chestor, malli ra l-ewwel sinjal tan-nar, dak li kien qed imexxi l-mużika beda jgħajjat kemm jiflaħ biex kulħadd joħroġ malajr mis-sala. Fi kliem ieħor, ħadd minn dawk iż-żgħażagħ ma kien attent u jistenna dit-traġedja li seħħet f’kemm ilni ngħidilkom.
Illum qegħdin nagħtu bidu għaż-żmien tal-avvent, żmien qasir ta’ erbat iħdud li se jwassalna għas-solennita’ tal-Milied. Verament, illum il-ġurnata, dil-festa ġiet banalizzata u kommerċjalizzata ħafna: parties, ikliet, bejgħ u xiri ta’ rigali, tiżjin ta’ toroq u ta’ twieqi…Min jaf aħniex nitilfu s-sens veru tal-Milied, jiġifieri t-tifkira ta’ dak li ġara ftit iktar minn elfejn sena ilu ġewwa Betlem? Allura, it-twelid ta Ġesu’ tarbija, Alla li neża’ n-natura tiegħu ta’ Alla u libes il-libsa fqira u dgħajfa tagħna l-bnedmin? Jirrakkuntaw (ma nafx hux minnu jew le) li darba twieldet tarbija u l-ġenituri tagħha organizzaw party biex jikkommeraw din l-okkażjoni. It-tarbija kienet rieqda fuq is-sodda ċkejkna tagħha. Kien il-bard, u l-mistednin ġew bi ħġarhom lebsin ilbies tqil biex jilqgħu lilhom infushom minn dan il-ksieħ. Ġewwa kien hemm il-fireplace mixgħul, id-dar kienet sħuna…allura dawn il-mistednin bdew jinżgħu dan l-ilbies sinjur tagħhom ‘l hawn u ‘l hinn. Bdew jitkellmu bejniethom fuq elf ħaġa, jieklu u jixorbu…Ix-xorb tela’ għal rashom u kollha kemm huma nsew it-tarbija, il-protagonista ta’ din il-festa. Xi ħadd ftakar u mar jittawwal lit-tarbija. X’ġara? Sabha mejta, fgata taħt dan l-ilbies oħxon mitfuh ‘l hawn u ‘hemm. Tgħid hux hekk qed jiġrielna fi żmien il-Milied? Tgħid aħniex naħsbu f’kollox
u ninsew l-iskop ta’ din il-festa tant għażiża? Kieku hekk, imsieken aħna! Għalhekk tagħmel ħafna sens saying li kien hemm fuq kartolina li darba irċivejt… “Keep Jesus in Christmas”. Ħa niġu għall-vanġelu li għadna kemm smajna…
Nibdew…Ġesu’ jibda billi jitkellem miż-żmien ta’ Noe’. Fi żmien Noe’, in-nies kienet tħassret għal kollox: dak li kien tajjeb sar ħażin u dak li kien ħażin sar tajjeb. Fil-kitba ta’ San Mattew, Ġesu’ jgħidilna li n-nies ta’ żmien Noe’ kienu tassew aljenati: jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu…forsi nistgħu nxebbħuhom ma’ dawk il-mitt żagħżugħ u tfajla tal-istorja vera li bdejt biha fil-bidu: għandi x’jgħidli li anki llum il-ġurnata, ninsabu fl-istess sitwazzjoni. X’sar minnhom il-kmandamenti t’Alla? X’sar minnhom il-preċetti tal-Knisja? M’ilhux wisq, waħda mara tal-affari tagħha qaltli li ltaqgħet ma’ persuna li anqas biss kienet taf li almenu darba f’sena, in-nisrani għandu jqerr, jieħu sehem fil-quddiesa u jitqarben! U fejn huma l-kotra taż-żgħażagħ tagħna? Huma xejn midħla ta’ xi ambjent nisrani? Dan l-aħħar kont qed naqra l-editorjal ta’ l-aħħar ħarġa tar- Ħajja f’Għawdex” u qrajt hekk: “Għawdex hu invażat bid-droga, waqt li qegħdin ikomplu jisplodu każijiet ta’ saħħa mentali u s-solitudni fost iż-żgħażagħ. Minn fejn ġej dan kollu rivista “, meta qed ingawdu minn daqshekk progress ekonomiku u hawn tant opportunitajiet ta’ divertiment? Tajjeb nistaqsu u naraw is-soċjeta’ Għawdxija x’valuri qed tgħaddi liż-żgħażagħ tagħha, u jħossuhomx tassew f’ambjent fejn huma mifhuma.”
Inkomplu nispjegaw…Id-dulluvju wasal bla ma ħadd kien qed jistennieh. Noe’ u l-familjari tiegħu biss kellhom ix-xorti li jsalvaw għaliex stennew. Il-verb “stennew” huwa importanti ħafna. Aħna qegħdin nistennew jew le? X’aħna nistennew? Il-milied superfiċjali, kif għedt diġa’ tal-parties, tal-ikliet, tal-bejgħ u tax-xiri, tat-tiżjin u ma nafx ta’ xiex iżjed jew lil Ġesu’ tarbija Alla u bniedem fl-istess ħin?
Għandna nkunu nies li nistennew tassew il-miġja ta’ Ġesu’, mhux tant dak li ġie ftit iktar minn elfejn sena ilu, mhux tant dak li għad jiġi fl-aħħar taż-żmenijiet imma dak li kuljum, kull siegħa, anzi l-ħin kollu jħokk magħna: il-proxxmu tagħna fil-bżonn għax fuq hekk se nkunu iġġudikati.
Nota għalik li qed taqra: nawguralek avvent qaddis u nixtieqek tkompli titlob għalija biex jekk Alla jrid ma ndumx ma nfieq. Grazzi u nitolbu għal xulxin.