Indawru l-vojt ta’ qalbna f’talba: “Ejja, Mulej Ġesù”. Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Il-Ħadd, 30 ta’ Novembru 2025, l-ewwel Ħadd tal-Avvent: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat lis-seminaristi Anthony Joe Borg u Fabio Cini. Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija, Xagħra.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Il-Qari li għadna kif smajna (Iż 2:1-5; Rum 13:11-14a; Mt 24:37-44) ma tantx jitkellem tajjeb fuqna għax iqabbel lin-nies, jiġifieri lilna, ma’ dawk li huma storduti, reqdin, aljenati, li jgħixu fis-sakra, li jiġru affarijiet madwarhom bla ma jindunaw. Qisu m’aħniex ngħixu f’dinja. Dan seħħ kemm fl-Ewwel Qari mill-ktieb tal-Profeta Iżaija, kemm f’San Pawl, kif ukoll ma’ Ġesù fil-Vanġelu. Imma tgħid veru aħna daqshekk storduti, fis-sakra, reqdin?

San Pawl qalilna nqumu min-ngħas, ngħixu bħal binhar mhux bħal billejl, aljenati, ma nafux fejn aħna, moħħna mhux hemm. Imma tgħid veru hekk, jew inkella l-Qari tal-lum qiegħed jesaġera?

Ġesù jgħidilna: “Fi żmien Noè… fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju, kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka. U b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd… Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom”.

Imma mhux fi żmien Noè biss jagħmlu dan… anki aħna.

L-Avvent tagħna huwa x-xewqa li nimlew il-vojt ta’ qalbna

Hawnhekk Ġesù jsemmi żewġ bżonnijiet importanti ħafna għalina li ngħixuhom kontinwament fil-ħajja tagħna. Nieklu u nixorbu huwa l-bżonn li nimlew l-istonku tagħna. Imma kultant nimlew il-qalb tagħna wkoll bl-ikel. Kultant tgħid: ‘Kemm għandi aptit ta’ biċċa ċikkulata! Kemm għandi aptit ta’ xi ħaġa tajba!’, anki jekk tkun kilt u sodisfatt, u forsi qed tgerger li qed tiddendel żaqqek, li qed teħxien, imma xorta waħda tispiċċa tiekol iċ-ċikkulata. Dan għax int mhux biss qed tipprova timla l-istonku tiegħek u tissodisfa l-ġuħ, imma qed tipprova timla xi ħaġa oħra.

U l-istess, fil-Vanġelu Ġesù qalilna: “jiżżewġu u jżewġu”. Fi kliem ieħor, infittxu li nissodisfaw il-bżonn tal-affettività, tal-imħabba. Kif jużaha Ġesù, mhux tiżżewweġ darba, imma tiżżewweġ lill-mara tiegħek u forsi ma tkunx kuntent biha, u mbagħad tipprova tiżżewweġ oħra jew ikollok relazzjoni ma’ xi ħadd ieħor. Fil-fatt huwa qed jikxef xi ħaġa li kollha kemm aħna nġorru fil-qalb tagħna: illi hemm qisu vojt illi, tħobbok kemm tħobbok il-mara tiegħek, iħobbok kemm iħobbok ir-raġel tiegħek, int xorta m’intix għalkollox sodisfatt jew sodisfatta. Ikollok kemm ikollok x’tiekol, tiekol kemm tiekol tajjeb, inti xorta waħda ma tħossokx sew, mimli għalkollox.

Dejjem tonqos xi ħaġa fil-ħajja. Ħafna drabi nippruvaw nimlewha b’iktar ikel, b’iktar relazzjonijiet. Taqla’ kemm taqla’ flus, inti xorta waħda m’intix kuntent bil-flus li għandek. Dejjem hemm kantuniera vojta li donnha ma tistax timtela. Aktar ma tipprova timla, din il-kantuniera donnha aktar tikber, għax ġo kull wieħed u waħda minna hemm dan l-‘avvent’. L-Avvent mhux qegħdin nibdewh u ngħixuh fil-Knisja u fis-Sena Liturġika biss, imma nġorruh fina. L-Avvent huwa x-xewqa li nimlew qalbna, dik il-parti fina li, nagħmlu x’nagħmlu fil-ħajja, dejjem tibqa’ mhix sodisfatta għalkollox.

Nishru għax Ġesù biss jimla l-vojt ta’ qalbna

L-Avvent jgħinna niċċelebrawha u nagħtuha importanza lil din il-parti fina, u mhux nippruvaw nifgawha b’iktar ikel, xorb, xogħol, flus u divertiment. L-Avvent jgħidilna: ‘Ħares f’wiċċ dak il-vojt li hemm fik u aċċettah, għax dak il-vojt huwa x-xewqa li hemm ġo fik li Ġesù jiġi għandek’. Jekk dak il-vojt ma timlihx b’Ġesù, l-ebda ikel, relazzjoni, flus, xogħol, divertiment jew safar mhu ser jimlieh. Xejn u ħadd mhu ser jimlieh.

Allura l-għajta “Ejja, Mulej Ġesù”, it-talba tal-Avvent, qiegħda l-ewwel u qabel kollox ġo fija u ġo fik. U din l-għajta tħossha kull meta, wara li tagħmel ikla tajba, xorta waħda tħossok m’intix sew; kull meta, wara li jkollok relazzjoni tajba, xorta waħda tħoss vojt li mhux qiegħed jimtela. Għax ġo fina hemm din l-għajta: “Ejja, Mulej Ġesù”. Allura meta aħna noqogħdu ma’ dan il-vojt, inkunu qegħdin nagħmlu dak li l-Vanġelu tal-lum jitlobna, il-kelma waħda li qal Ġesù: “Ishru”. Inkunu qegħdin ngħixu bħal binhar jekk aħna noqogħdu ma’ dan il-vojt, ma nimlewhx, ma nifgawhx b’ħafna affarijiet oħra u nistordu u niskru.

Illum qed ngħixu f’dinja li kapaċi ssakkarna f’tebqa t’għajn. Biżżejjed toħroġ il-mowbajl u timla, mingħalik, dak il-vojt li għandek f’qalbek billi toqgħod tqalleb fih. Imma qed tisker, tistordi, tgħix bħal billejl mhux binhar, m’intix tishar. Tishar ifisser li toqgħod mar-realtà tiegħek, li ma tiddejjaqx anki bil-vojt u bid-dwejjaq li tħoss ġo fik, għax dak il-vojt u dak id-dwejjaq mhux għajr dik il-karba, it-talba “Ejja, Mulej Ġesù”.

Ir-Rit tal-Ministeru tal-Akkolitat – akkumpanjament ta’ Ġesù fl-Ewkaristija

Dalgħodu ser nagħmlu din l-għotja tar-Rit tal-Ministeru tal-Akkolitat. Dawn iż-żewġ żgħażagħ li qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju, fil-mixja tagħhom għandhom tappa li tissejjaħ it-tappa tal-Akkolitat. Il-kelma ‘akkolitu’ tfisser tagħmel kumpanija lil, tkun kumpan ta’, timxi ma’. Jekk hawn xi ħadd minnkom li kien abbati jew jifhem xi ftit, fost l-oġġetti li nġorru fil-purċissjoni tad-dħul li għadna kif rajna ftit ilu, hemm ix-xemgħa, ngħidulhom l-akkolti. L-akkolti huma dawk li kienu jakkumpanjaw bid-dawl lis-saċerdot jew lid-djaknu meta ma kienx hemm id-dawl tal-elettriku bħal-lum. Jakkumpanjaw is-salib bid-dawl, bix-xemgħa.

Kemm hi kelma sabiħa! Fiż-żmien li qed ngħixu fih, kemm għandna bżonn li ngħixu fil-kumpanija ta’, li nakkumpanjaw b’mod speċjali lil persuni li huma fil-bżonn. L-ewwel u qabel kollox, Anthony Joe u Fabio huma msejħin biex jakkumpanjaw lis-saċerdot u d-djaknu fuq l-altar, biex jakkumpanjaw lil Ġesù fl-Ewkaristija.

Il-persuni fil-bżonn huma Ġesù tad-demm u l-laħam

Imma Ġesù ħaj tad-demm u l-laħam huma l-persuni fil-bżonn li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dik hija Ewkaristija daqskemm din [il-quddiesa] hija Ewkaristija, jekk mhux aktar. Kemm għandna bżonn nies li jakkumpanjaw, mhux sempliċement b’xogħol u bi ħlas, għax minn dawn għandna ħafna… perit, avukat, nutar, counseller, psikologu, tabib u oħrajn, kollha jakkumpanjaw. Imma għandna bżonn nies li jakkumpanjaw b’vokazzjoni tal-qalb billi jagħtu l-imħabba u l-ħajja kollha tagħhom lil persuni li jiltaqgħu magħhom, b’mod speċjali lil dawk li huma fid-diffikultà.

Illum nixtieq li nagħmlu talba għal Anthony Joe u għal Fabio. Nixtieq li din l-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw tkun talba għalihom, imma mhux biss, imma wkoll għal żgħażagħ oħrajn. L-idea tal-vokazzjoni tas-saċerdozju kulma jmur qed issir xi ħaġa kważi outdated. Imma din hija sfortuna, mhux għall-Knisja, imma għas-soċjetà, għall-bniedem, għax dak ifisser li hemm inqas nies mogħtijin b’ħajjithom u l-persuna kollha tagħhom, mingħajr interessi ta’ flus (għalkemm xi drabi aħna niżbaljaw), biex jgħinu lill-bniedem, b’mod speċjali fid-dgħufija tiegħu. Il-Mulej jagħtina li lkoll kemm aħna nkunu kapaċi noqgħodu mal-vojt ta’ qalbna u ngħidulu: ‘Mulej, għinni biex ma nimliex il-vojt bil-mowbajl, bix-xorb, bil-ħaxixa, bid-droga. Għinni biex ma nistordix. Għinni biex ma nimliex il-vojt bl-irqad jew bil-mediċina. Għinni ndawwar dan il-vojt f’talba: “Ejja, Mulej Ġesù”’.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading