L-Isqof Nikol G. Cauchi. Ktieb ġdid dwar kif jiftakruh kollaboraturi tiegħu u oħrajn

Kitba ta’ Michael Caruana

Il-Fondazzjoni Il-Ħajja f’Għawdex u Lumen Christi Publications għadhom kif ippubblikaw il-ktieb L-Isqof Nikol Ġ. Cauchi: kif niftakruh. L-editur tal-ktieb, Francsco Pio Attard, fil-kelmtejn ta’ qabel jikteb li din il-pubblikazzjoni għandha sservi bħala pass sinifikattiv lejn il-pubblikazzjoni ta’ bijografija vera u proprja tal-Isqof Cauchi.

Hu jgħid li l-Isqof Cauchi kien benefattur kbir t’Għawdex u mhux biss ragħaj spiritwali. B’ħidmietu, b’kitbietu u bil-predikazzjoni tiegħu ppromova l-identità Għawdxija u mexxa ’l quddiem l-aspett soċjali, kulturali u reliġjuż tal-poplu t’Għawdex. Francesco Pio Attard isostni li għad li ġa nkiteb ħafna, l-opri pastorali u soċjali tal-Isqof Cauchi għad ’il quddiem jiġu mistħarrġa fid-dettal bit-tama li jasal ukoll il-mument li tinkiteb il-bijografija uffiċjali tiegħu.

L-Editur iżid li meta fl-1972 Monsinjur Cauchi ħa f’idejh it-treġija sħiħa tad-djoċesi, sab minnufih ma’ wiċċu l-isfida mhux żgħira li jirriforma l-Knisja lokali skont id-digrieti tal-Konċilju Vatikan II. Bl-għajnuna tal-istrutturi ġodda li ħoloq, li fihom fittex il-parteċipazzjoni mhux biss ta’ saċerdoti, iżda wkoll ta’ lajċi impenjati fil-Knisja, l-Isqof Cauchi rnexxielu jibda jwettaq il-viżjoni tal-Konċilju fuq livell lokali. Hekk hu għen lill-Knisja tagħmel il-qabża importanti minn dik ta’ qabel il-Konċilju għal waħda b’lingwaġġ u għodod li jkellmu aħjar lill-bniedem.

“Dan ma kienx process faċli u l-istorja turi li l-Isqof Cauchi kellu jaffaċċja ħafna oppożizzjoni. Hu, iżda, irnxxielu jwettqu b’determinazzjoni u ħlewwa fl-istess ħin.”

F’dan il-ktieb wieħed l-ewwel isib ġabra ta’ artikli bijografiċi dwar il-persuna u l-ħidma tal-Isqof Cauchi minn kollaboraturi tiegħu u mbagħad artikli ta’ kontributuri oħra importanti biex ikkompletaw aħjar din il-pubblikazzjoni. Dan hu l-ewwel kontribut bijografiku voluminuż fi lsienna dwar l-Isqof Nikol Cauchi.

Fid-daħla tal-ktieb hemm tliet artikli: wieħed mill-Kardinal Mario Grech, ieħor minn Nunzju Appostoliku fil-Marokk l-Arċisqof Alfred Xuereb, artiklu mill-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u fl-aħħar minn Monsinjur Dr Joseph Bezzina.

Il-Kardinal Grech jikkonferma dak li kiteb fid-daħla tiegħu l-editur meta qal li fid-djoċesi t’Għawdex tibqa’ reġistrata l-ħidma ta’ dan ir-ragħaj li kellu episkopat twil u tqil anki għaliex qeda fi żmien ta’ tiġdid Konċiljari u bidliet soċjali kbar. Jgħid li l-Isqof Cauchi ħalla marka fl-istorja ta’ ħafna, ħa ħsieb bil-karità lill-poplu ta’ Alla, fittex li jitimgħu bil-kelma u bil-kitbiet tiegħu u sostnieh bis-sagramenti. Kien sod fit-tagħlim, ma kienx qasba tixxejjer mar-riħ, imma kien ukoll ħelu u twajjeb fl-attitudni u kien jaf jistenna.

Il-Kardinal Grech jgħid li fi żmien l-episkopat tiegħu ħa miżuri u ta inkarigi biex tibda tinkiteb l-istorja tal-Isqof Cauchi u wera x-xewqa tiegħu li xi darba din l-għanja ekkleżjali tintiseġ.

Hemm imbagħad artikli minn 23 kollaboratur tal-Isqof Cauchi u oħrajn dwar kif jiftakruh.   

Il-ktieb qed jinbiegħ mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading