Żewġ allegati Mirakli Ewkaristiċi fi Guadalajara fil-Messiku,fl-2013 u fl-2022 (It-Tieni Parti)

Il-Mirakli Ewkaristiċi (90)
minn Manwel Cutajar

Il-Miraklu Ewkaristiku f’Zapotlanejo, Jalisco, Il-Messiku fl-2022

Wara li fl-artiklu preċedenti tkellimna dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku li seħħ fl-24 ta’ Lulju 2013 fil-Parroċċa ta’ Marija Omm il-Knisja f’Colonia Jardines de la Paz,fi Guadalajara il-Messiku,issa nitkellmu dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku ieħor fi seħħ f’Zapotlanejo, wkoll fi Guadalajara.

Il-Ġrajja: Fit-22 ta’ Lulju 2022, waqt  l-Adorazzjoni Ewkaristika fil-Parroċċa tal-Madonna tar-Rużarju, f’Zapotlanejo, ġew irrekordjati xi vidjows li juru l-Ewkaristija  fl-Ostensorju tidher qed tagħmel movimenti jixbħu “qalb qed tħabbat”. bħal qalb ta’ bniedem.

Skont is-saċerdot Arġentin Dun Carlos Spahn,  li ċċelebra l-Quddies ta’ qabel u mexxa t-talb għall-Adorazzjoni Ewkaristika, xi nies fil-knisja nnutaw dal-fenomenu u malajr iffilmjawh bil-mowbajls tagħhom.

Dun Carlos  sostna li l-filmati kienu awtentiċi u mhux mibdula.

Il-filmati,li ġew ippubblikati wkoll fuq il-midja soċjali,juru l-Ewkaristija esposta f’Ostensorju għall-Adorazzjoni Ewkaristika, “tħabbat” daqslikieku kienet qalb umana ħajja.

Dun Carlos Spahn, fis-26 ta’ Lulju 2022 qal lil ACI Prensa,l-Aġenzija Messikana tal-Aħbarijiet li l-fenomenu seħħ wara li spiċċat il-Quddiesa: “Esponejt is-Sagrament Qaddis;għidt it-talb għall-Espożizzjoni,u meta qomt biex immur fis-sagristija,dal fenomenu misterjuż beda jseħħ. Xi nies rawh, u ma setgħux jemmnu dak li kienu qed jaraw.”

” Xi nies malajr ħarġu l-mowbajls tagħhom,iffilmjaw il-ġrajja u għaddewili immedjatament, peress li jiena tlabthom  dak il-materjal sabiex ma jbiddluhx jew iħassruh.Għalhekk nixhed li dan huwa awtentikut.”

Dun Spahn  qal li “mhux li qalu b’leħen għoli ‘ara !, iżda li n-nies li kienu qed jaduraw is-Sagrament Imqaddes bdew jaraw x’kien qed jiġri, azzjoni li damet  madwar 20 sekonda, jew l-aktar 30 sekonda. ”

Reazzjonijiet inizjali: Il-filmati ġew murija wkoll fuq il-midja lokali, b’xi wħud jiddeskrivuhom  bħala allegat Miraklu Ewkaristiku. Dun Spahn stqarr li t-tabib Dr. Frederick Zugibe, patologu forensiku u kardjologu li ra mill-ġdid il-filmati u studjahom sew qal li l-palpitazzjonijiet jixbħu taħbit reali tal-qalb umana .

Ir-rispons tal-Knisja

Pożizzjoni uffiċjali: L-Arċidjoċesi ta’ Guadalajara,immexxija mill-Arċisqof il-Kardinal José Francisco Robles Ortega,  ħarġet stqarrija li tħeġġeġ il-kawtela fl-istħarriġ u x-xandir ta’ dil-ġrajja mhux komuni. L-Arċidjoċesi  enfasizzat li għadha ma rċeviet l-ebda rapport uffiċjali mill-Parroċċa, mis-saċerdot, jew mill-fidili nsara.

Ħtieġa ta’ investigazzjoni: L-Arċidjoċesi ddikjarat li tkun meħtieġa investigazzjoni bir-reqqa qabel ma jkunu jistgħu jsiru xi dikjarazzjonijiet. L-Arċidjoċesi toqgħod lura milli tasal għal konklużjonijiet malajr, u tenfasizza li l-Knisja Kattolika temmen bis-sħiħ li Sidna  Ġesù Kristu huwa tabilħaqq Preżenti fl-Ewkaristija Divina f’kull Quddiesa,irrispettivament minn kwalunkwe ġrajja mhux tas-soltu.

Silta mill-istqarrija tal-Arċisqof

Il-Kardinal José Francisco Robles Ortega, l-Arċisqof ta’ Guadalajara, fil-31 ta’ Lulju, 2022 tkellem dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku li tpoġġa fuq il-midja soċjali.  Huwa qal li l-każ huwa “serju ħafna,għax hija kwistjoni tal-Akbar Sagrament tal-Fidi tagħna,fejn aħna ċerti, żguri mill-Preżenza reali u ħajja ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija.”

“Hija kwistjoni sensittiva ħafna li xi element straordinarju jiġi rreġistrat jew uffiċjalizzat mingħajr ma l-Awtorità Ekkleżjastika tkun taf x’ġara sew,  u li d-dettalji kollha jiġu rrveduti u studjati  mis-Santa Sede sabiex jingħad li tabilħaqq huwa att Sopranaturali, Prodiġjuż, Mirakuluż.”

Il-Kardinal Robles Ortega innota u stqarr li “s’issa għadni ma rċevejt l-ebda rapport la mingħand il-kappillan ta’ dik il-Parroċċa, la mingħand il-qassis li mexxa t-talb, u lanqas mingħand il-fidili nfushom li esperjenzaw dak li raw.”

LArċisqof qal li “hemm vidjows ta’ tant affarijiet, u tant affarijiet jistgħu jinħolqu li jidhru reali u mhumiex.”

Il-Kardinal  enfasizza wkoll li “għall-Knisja Kattolika, f’kull Ewkaristija li tiġi ċċelebrata, Ġesù Kristu  jkun  realment preżenti dejjem  fil-ħobż ikkonsagrat u fl-inbid ikkonsagrat, irrispettivament minn jekk joħroġx id-Demm mill-Ewkaristija Divina, jew jekk fl-Ewkaristija l-Aktar Qaddisa   jidhrux jew le  xi  palpitazzjonijiet  tal-qalb.”

“ Madankollu, dak li jiġi ppreżentat bħala Miraklu Ewkaristiku,” qal,“irid jiġi vverifikat bis-serjetà kollha u bil-formalitajiet  kollha mitluba mill-Knisja Kattolika.”

Punti ewlenin mid-dikjarazzjoni tal-Kardinal Robles:

L-ebda dikjarazzjoni uffiċjali:

Għadu ma sar l-ebda ġudizzju uffiċjali dwar l-awtentiċità jew il-falzità tal-allegat Miraklu Ewkaristiku.

Ħtieġa ta’ investigazzjoni:

il-Kardinal  stqarr li hija meħtieġa “investigazzjoni bir-reqqa” biex jiġu ddeterminati l-fatti.

Xettiċiżmu dwar il-midja: Huwa esprima tħassib li l-vidjows jistgħu jiġu mmanipulati faċilment u jistgħu ma jirrappreżentawx ir-realtà b’mod preċiż.

It-twemmin ewlieni jibqa’: Huwa fakkar li għall-Knisja Kattolika, il-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina  hija kostanti, li sseħħ f’kull Ewkaristija, kemm jekk tidher li qed tnixxi d-Demm kif ukoll jekk le.

Fil-qosor, il-Kardinal  Robles Ortega stqarr li m’hemm l-ebda dikjarazzjoni uffiċjali dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku f’Zapotlanejo,u li hija meħtieġa investigazzjoni bir-reqqa qabel ma tintlaħaq xi konklużjoni.

Finalment, huwa wissa kontra dikjarazzjonijiet prematuri, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa għall-awtorità  tal-Knisja Kattolika, speċjalment minħabba s-sensittività tas-suġġett u l-potenzjal ta’ vidjows foloz. Huwa enfasizza wkoll li l-Knisja Kattolika dejjem emmnet  u għallmet fil-Preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Divina, irrispettivament mill-fenomeni viżibbli, u hekk tibqa’ tagħmel dejjem.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading