It-Tnejn, 1 ta’ Diċembru 2025: Monsinjur Arċisqof ġie intervistat fuq RTK103, bl-intervista sħiħa tinsab f’dan l-artiklu.
Monsinjur Arċisqof, Charles Scicluna nsista li hemm interess partikolari fejn tidħol l-umanità, b’ħarsa lejn dak li hu tajjeb u dak li mhuwiex. “Is-soċjetà tieħu ħsieb tagħha nnifisha u mhux teqred lilha nnifisha,” qal Monsinjur Scicluna.
Waqt il-programm speċjali ta’ Għal Kulħadd fuq RTK103 bi preżentazzjoni ta’ Christine Delicata, l-Arċisqof qal li l-vuċi tal-Knisja għandha tkun vuċi ta’ ħabiba. Insista li l-Knisja qatt ma tista’ toqgħod lura milli twassal leħinha u twassal kelma ta’ ġid, anke jekk l-għażla finali ma tkunx tagħha. Fakkar kif kelma ta’ ġid m’għadhiex tkun ta’ għażla iżda għandha dejjem tasal għax wieħed ikun iħobb lil dak li jkun.
“Aħna għandna bżonn il-gwida ta’ min ħalaqna”
Monsinjur Arċisqof qal li meta tixtri xi ħaġa għandek dejjem tafda lil dak li ħoloq il-prodott biex itih il-gwida biex tużah bla ebda telf ta’ ħin. U bl-istess mod wieħed għandu jisma’ lill-ħallieq tiegħu, lil Alla, biex jigwidah fil-ħajja. “Isma l-vuċi tiegħu u tgħix ta’ nies,” qal Monsinjur Scicluna.
Monsinjur Arċisqof spjega l-ħidma tal-Knisja Kattolika f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur, inkluż il-magħmudija ta’ 20 adult fil-Vġili tal-Għid. Semma’ l-mument importanti ħafna fejn id-dinja selmet Papa u laqgħu Papa ġdid fil-Knisja Kattolika, propju fis-sena tal-Ġublew. Huwa qal kemm huwa kuntent għall-ammont ta’ żgħażagħ, mijiet ta’ Maltin u Għawdxin, li attendew attivitajiet tal-Ġublew.
B’rabta mal-midja tal-Knisja, Newsbook Malta u RTK103, Monsinjur Arċisqof enfasizza dwar id-diversità ta’ opinjonijiet u l-valuri li jagħmluna tassew nies, b’dawn il-pjattaformi huma għodda qawwija ta’ sors ta’ aħbar li wieħed jista’ jafda. Dan meta ndirizza partikolarment il-vuċi ta’ min m’għandux vuċi, fejn bħal tarbija fil-ġuf, wieħed għandu l-ewwel jisma’ lil min għaddej minn żmien diffiċli u wara nsiru l-vuċi tagħhom.
Fakkar li meta niffaċilitaw li wieħed jiftaħ qalbu nkunu wkoll qed niffaċilitaw il-prevenzjoni lil min għamel il-ħsara quddiem l-abbuż. Insista li kulħadd għandu jinvolvi ruħu biex is-soċjetà tkun waħda sigura.
“L-iktar ambjent perikoluż huwa l-ambjent diġitali”
Monsinjur Scicluna qal li l-iktar ambjent perikoluż huwa l-ambjent diġitali għaliex qed naraw għadd ta’ vittmi ta’ cyberbullying u sfruttament tal-fotografija, fost oħrajn. Ġibed l-attenzjoni kif il-vittmi qed jitneżżgħu mid-dinjità permezz ta’ strumenti diġitali.
Qal li l-midja soċjali u pjattaformi diġitali mhumiex ħżiena iżda wieħed irid jagħraf kif jużahom bl-aħjar mod possibbli. Insista li ż-żgħażagħ irid ikollhom atteġġjament kritiku, ‘il bogħod mill-għażż. Dan biex iwassal wieħed jaħseb b’mod kritiku fil-ħajja ta’ kuljum.
Indirizza wkoll kumment ta’ persuna fejn qalet li sirna lanqas għandna ċans nisimgħu lilna nfusna, aħseb u ara lil ħaddieħor. Monsinjur Arċisqof irrikonoxxa li l-ħajja saret verament mgħaġġla iżda jeħtieġ li nibdew niddedikaw ftit ħin għalina nfusna, anke jekk ftit minuti qalb il-kampanja.
“Rigal li nistgħu nagħtu lilna nfusna għall-Milied li ġej huwa ħin għalina nfusna”
Dwar il-Maratona Ġbir ta’ Fondi fi tmiem il-ġimgħa, l-Arċisqof ta’ Malta qal li kulħadd jaf kif id-Dar tal-Providenza huwa monument ta’ solidarjetà u ħeġġeġ biex kull persuna tgħin mill-ftit li wieħed ikollu.
Artiklu miktub minn Christine Mamo
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti