Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn mumenti ta’ kriżi fil-ħajja tagħna. Min dawn il-mumenti flok ma jaffrontahom bħala problema jew piż li jkissru, jaffrontahom bħala sfida li tibnieh, il-mumenti ta’ kriżi jinbidlu fi grazzja. Il-poplu t’Alla wkoll għadda minn kriżi kbira fis-sena 587 Q.K. għaliex kien attakkat mir-Re tal-Babilonja li mhux biss rebħilhom u qatel ħafna minnhom, iżda ġab fi tmiemha darba għal dejjem il-monarkija tagħhom u kaxkar il-fdal fl-eżilju.
Huwa interessanti ħafna li l-profeta Iżaija wassal il-messaġġ li qrajna fl-ewwel qari tal-lum ftit żmien qabel l-eżilju: huwa b’xi mod qiegħed iħejji lill-poplu t’Alla għall-eżilju billi jgħidilhom li għad li ser jgħaddu minn esperjenza tassew diffiċli li ser iġġib fi tmiemha l-monarkija li tant kienet importanti għalihom, Alla ma kienx ser jabbandunahom, infatti ‘Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse…: fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej’. Huwa jagħti lilhom u lilna immaġni tassew sabiħa ta’ żmien il-Messija fejn, ‘Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom… t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi…’. Għaliex il-profeta Iżaija qed joffrilna din ix-xena tassew sabiħa? Għaliex huwa mir-razza rjali ta’ David is-Sultan, infatti Ġesse huwa missier David, li Alla ser jibgħat mhux sultan iżda Salvatur għad-dinja kollha li hu Ġesù. L-għodda li juża l-Messija biex jibdel id-dinja hija, ‘Isawwat il-kiefra bix-xettru ta’ fommu, u b’nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.’ Huwa bil-qawwa tal-Kelma tiegħu li l-Messija jibdel id-dinja; ma jsawwatx biex ikisser jew jeqred iżda biex jibdel u jfejjaq.
San Pawl ikompli ma din it-tema fit-tieni qari: ‘kulma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura aħna jkollna t-tama.’ Żmien l-Avvent huwa żmien il-Kelma għaliex qed iħejjina biex nilqgħu fina l-Kelma li saret laħam. Hija l-Kelma ta’ Alla li turina t-triq mhux biss għall-ġenna iżda għal vera umanità; huwa biss Alla bil-qawwa tal-Kelma tiegħu li joħloq il-veru bniedem: il-bniedem ma huwiex bniedem għaliex tnissel minn raġel u mara biss, kull wieħed u waħda minna, b’kull deċiżjoni li nagħmlu nsiru iżjed jew anqas bniedem. Meta ngħixu l-Kelma nkunu qegħdin nsiru dejjem aktar il-bniedem kif maħluq minn Alla. Għalhekk San Pawl ikompli; Alla… jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skont Kristu Ġesù… Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom…’. Il-Kelma ta’ Alla twassalna biex ngħixu f’armonija flimkien bħal aħwa li, għad li ma jaqblux f’kollox ma xulxin, xorta waħda jirrispettaw u jħobbu lil xulxin.
L-Evanġeju tal-lum joffrilna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista. Hu, minkejja li kien tifel uniku ta’ familja ta’ ċertu status minħabba li missieru kien qassis, għażel it-triq tad-deżert u tas-sagrifiċċju. Hemm huwa ltaqa ma’ Alla u sar vuċi tgħajjat fid-deżert: ‘Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu’. Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent il-Mulej qalilna ‘Ishru’, illum jgħidilna ‘INDMU’. Int u jien kemm inħossu l-bżonn tal-indiema, kemm inħossu l-bżonn li ħajjitna tinbidel, li nsiru dejjem aktar nixbħu lil Ġesù, dejjem aktar bniedem? Dak li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u n-nar ġej biex inaddafna mid-dnub u jimliena bl-imħabba tiegħu: kemm aħna lesti biex nilqgħuh?
Mulej Ġesù nitolbuk għinna ħalli, bħal Ġwanni l-Battista, f’dan iż-żmien tal-Avvent nfittxu ftit tad-deżert f’ħajjitna, biex hemm nintebħu b’dak il-ħażen li jkun beda dieħel fin fin f’ħajjitna, nindmu minnu u nħallu lilek tnaddafna bin-nar tal-Ispirtu tiegħek. Ammen.