Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dawk il-jiem, deher Ġwanni l-Battista jipprietka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet”. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema, u taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom: ‘Għandna b’missier lil Abraham’. Ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.
Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. Mt 3:1-12.
- Riflessjoni/talba:
i. F’dawk il-jiem, deher Ġwanni l-Battista jipprietka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet”.
F’kuntest ta’ bruda
u superfiċjalità
in-nies jersqu lejn xi ħadd
fid-deżert,
fil-post fejn jaqgħu il-maskri,
fejn wieħed jiskopri l-essenzjal
attirati minn kelma
li tistieden għal responsabbiltà
għal bidla fil-mod kif wieħed jaħseb
ftuħ għal Alla.
Irrifletti:
• X’inhi l-istedina li għandek dan l-Avvent?
ii. Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
L-istil ta’ ħajja tiegħu
immarkat minn sens ta’ qies, sobrjetà, sempliċità
distint mill-kultura tal-madwar:
u għalhekk jattira.
Kif qal Papa Ljun fuq San Charbel:
“L-Ispirtu s-Santu ffurmah biex jgħallem
lil dawk li jgħixu mingħajr Alla kif jitolbu;
lil dawk mgħaddsa fl-istorbju kif jistennew fis-skiet;
lil dawk li jiffanfraw kif jgħixu bil-qies;
u lil dawk li jfittxu l-għana kif ikunu foqra.
Dawn l-atteġġjamenti kollha huma kontra l-kultura ta’ madwarna,
iżda proprju għalhekk jiġbduna:
bħalma ilma frisk u pur jiġbed lil min miexi fid-deżert.”
Irrifletti
• X’qiegħed jattirak bħalissa?
iii. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”.
Quddiem forzi li jimbuttawna
lejn dispersjoni, distrazzjoni, frammentazzjoni,
il-Vanġelu jistedinna nitgħallmu
l-arti tal-qies, ta’ kif tiġbor dak li jiswa, l-essenzjal.
Irrifletti
• X’inhuma d-distrazzjonijiet tiegħek? X’jgħinek tinnota dak li jiswa?
- Missierna