It-3 Ħadd tal-Avvent. Sena A. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

X’inhi l-aktar ħaġa li tixtieq fil-ħajja? Naħseb li jekk noħolqu diskussjoni bejnietna, wara ftit ilkoll naqblu li l-aktar ħaġa li nixtiequ hija li nkunu ferħanin. Iżda fil-waqt li forsi naqblu dwar dan, x’aktarx ma naqblux dwar x’jagħmilna ferħanin. Forsi waħda mill-aktar affarijiet diffiċli fil-ħajja hija kif u fejn insibu l-veru ferħ? Żġur li ħafna minna għaddejna mill-esperjenza li nfittxu l-ferħ f’xi ħaġa jew xi ħadd, iżda wara ndunajna li dak il-ferħ ftit dam. Il-ferħ hu wieħed mill-misteri tal-ħajja.

Illum huwa t-tielet Ħadd tal-Avvent, Ħadd verament speċjali li jissejjaħ ‘Gaudete’, kelma mill-Latin li tfisser ‘Ifraħ’. Anke l-kulur tal-lituġija, jiġifieri l-kulur li jilbes is-saċerdot waqt il-quddiesa, jesprimi dan; il-kulur rosa huwa l-kulur tal-awrora, jiġifieri tlugħ ix-xemx, għaliex l-ewwel dawl li jidher kmieni fil-għodu huwa ta’ dan il-kulur. Mela l-Knisja qegħda tgħidilna li l-lejl għoddu għadda u qorob il-Jum tal-Mulej, li fih Hu jiġi biex jiltaqa’ magħna, biex jifdina.

Il-qari wkoll fih nota ta’ ferħ; interessanti li l-ewwel qari huwa stedina ta’ ferħ mill-profeta Iżaija lill-poplu t’Alla li jinsab f’eżilju kiefer. Alla ġej biex jifdih u biex ireġġgħu lura lejn l-art tiegħu.  ‘Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!… Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ, b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.’ San Ġakbu fit-tieni qari tal-lum jgħallimna li wieħed ma jistax jikseb il-veru ferħ mingħajr sabar. Xi jfisser dan? Hu jagħtina l-eżempju tal-bidwi li bil-paċenzja jistenna minn meta jiżra sakemm jaħsad; hekk ukoll l-ferħ veru ma jaqax mis-sema bħal destin għama fuqna, iżda huwa xi ħaġa li wieħed irid jaħdem għaliha. Alla jrid joffrilna aktar mill-ferħ ta’ din id-dinja li żgur li nagħmlu x’nagħmlu ser ikun hemm mumenti li nitilfuh.

Alla jrid joffrilna l-paċi tal-qalb permezz ta’ Ġesù, iżda mhux kulħadd huwa lest li jilqgħha,  l-aktar fi żmienna fejn ħafna minna jridu ferħ bla sagrifiċċju. Il-Mulej joffrilna l-paċi tal-qalb li tibqa’ magħna u li tilħaq il-milja tagħha fil-ġenna. Wieħed ma jistax jippretendi ġenna fuq din l-art fejn ikollu ferħ li ma jitilfu qatt, iżda wieħed jekk jiftaħ qalbu għall-Mulej, jista’ jsib dik il-paċi li ebda bniedem u ebda ħaġa f’din id-dinja ma tista’ tagħtihielu.

Fil-Vanġelu tal-lum għandna l-prova li hu Ġesù li jagħti l-veru ferħ. San Ġwann il-Battista flimkien mal-poplu Lhudi kienu jistennew Messija gwerrier li jġib ħelsien estern billi jsalvahom mir-Rumani, iżda Ġesù joffrilna ħafna aktar minn hekk; Hu joffrilna is-salvazzjoni li hija l-akbar ġid li nistgħu nixtiequ u nirċievu anzi hija ħafna aktar minn dak kollu li nistgħu nixtiequ. Għalhekk naraw lil Ġesù jfejjaq fil-ġisem u fir-ruħ biex hekk il-bnedmin iduqu dik il-paċi li Alla biss jista’ joffrilhom, dik il-paċi li kantaw l-anġli fil-lejl tal-Milied. Nistaqsu lilna nfusna: jien fejn qed infittxu l-ferħ tiegħi? Nemmen li d-dinja ma tistax tagħtini l-ferħ veru? Kemm nafda fil-Mulej u nemmen li hu biss l-għajn tal-vera paċi tal-qalb li aħna tant għandna bżonn?

Mulej Ġesù int ġej toffrilna l-ferħ veru u dik il-paċi tal-qalb li xejn u ħadd f’din id-dinja ma jista’ joffrihielna, iżda aħna ħafna drabi ninħlew infittxu ferħ irħis, li jdum ftit u postu jieħdu l-vojt tal-qalb; għinna Mulej ħalli niftħulek qalbna u nħalluk tgħammar fiha biex hekk induqu il-ħlewwa ta’ mħabbtek u ngħadduha lil xulxin. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading