IL-MULEJ MAGĦNA…GĦANDNA GĦAX NIFIRĦU!
F’Settembru tas-sena 2009, l-istazzjon televiżiv Taljan, ir-Rai Uno, ittrasmetta f’żewġ puntati l-film: “Preferisco il Paradiso” (bil-Malti “Nippreferi l-Ġenna). Jikkalkulaw li dal-film kienu rawh iktar minn seba’ miljun telespettatur. Huwa film li jirrakkonta l-ħajja ta’ San Filippo Neri b’mod sabiħ u jħajrek tarah. Se nibda l-omelija tal-lum billi nsemmielkom xi dettalji minn ħajtu. Filippo Neri twieled fil-belt ta’ Firenze fil-21 ta’ Lulju 1515. Ftit wara li ġie ordnat saċerdot, dan Filippo Neri niżel Ruma u miet f’ din il-belt eterna fis-26 ta’ Mejju tas-sena 1595. Meta wasal Ruma, fehem li l-missjoni tiegħu bħala saċerdot kellha tkun dik li jiġbor it-tfal u żgħażagħ mit-triq u beda jwaqqaf għalihom ambjenti nsara li sejħilhom oratorji. Kellu karattru ferrieħi ħafna: tfal u żgħażagħ kienu malajr jinġibdu lejh u f’dawn l-oratorji kien jingħaqad magħhom fil-logħob, fil-kant u f’divertiment onest. Filippo Neri kien juża t-talent allegru tiegħu biex jagħtihom edukazzjoni nisranija, iressaqhom lejn il-Knisja, u lejn is-sagramenti, b’mod speċjali għall-qrar u għall-Ewkaristija. Lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ kien iħobb jgħidilhom: “Ħbieb, kunu ferħanin, idħqu wkoll u ċċajtaw kemm tridu, imma tagħmlux dnub.” Ġieli qalgħuhielu: “il-qaddis tal-ferħ” jew “il-buffu t’Alla.”
Apparti dan kollu, bħall-qaddisin kollha, Filippo Neri kellu devozzjoni kbira lejn is-sagrament tal-Ewkaristija. Kien kapaċi jgħaddi siegħat twal f’adorazzjoni profonda. Il-quddiesa tiegħu kien iqaddisha bl-akbar ġabra u b’għaqda m’Alla. Jirrakkuntaw li sena minnhom, San Filippo Neri kien qed iqaddes fil-lejl tal-Milied u l-ostja li kien għadu kif ikkonsagra, inbidlet f’tarbija l-ġmiel tagħha. Did-dehra damet għal ftit ħin u reġa’ sab f’idejh l-ostja ikkonsagrata. Din tal-aħħar tista’ temminha u tista’ ma temminiex, imma li waqt il-quddiesa u wara l-quddiesa fl-ostja ikkonsagrata jinsab Ġesu’ ħaj bil-ġisem, bid-demm, bir-ruħ u bid-divinita’ taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid, ma tistax ma temminhiex. Hija verita’ tal-fidi tagħna!
Wara din il-bijografija kemm xejn twila imma interessanti ta’ min kien San Filippo Neri, ħa niġu għal-liturġija tal-lum. Fil-liturġija kollha tat-tielet Ħadd tal-avvent tinħass il-ħin kollu nota ta’ ferħ. Għaliex? Għaliex ninsabu fuq l-għatba tal-Milied. Ftit tal-ġranet oħra u nfakkru dak li ġara f’Betlem ftit iktar minn elfejn sena ilu. Għalhekk qegħdin tarawni liebes pjaneta roża, ix-xemgħa fil-girlanda tal-Milied li qegħda tinħall hawnhekk fuq il-presbiterju hija roża, id-drapp tal-vintartal huwa roża u anki d-drapp li jgħatti t-tabernaklu huwa roża wkoll…Nerġa’ ntenni: illum huwa l-Ħadd tal-ferħ: ftit tal-ġranet oħra u nkunu qegħdin niċċelebraw it-tifkira tat-twelid ta’ Ġesu’, l-Iben t’Alla magħmul bniedem: Alla li libes in-natura tagħna l-bnedmin. Il-Papa Ġwanni Pawlu II (illum qaddis) isejjaħ il-Milied bħala “l-Ġrajja tal-isbaħ imħabba.” (ara Ittra lill-Familji, n.20) Għalhekk, verament, għandna għax nifirħu! Nibdew bil-mod il-mod nispjegaw id-dettalji ta’ din il-liturġija…
Intennielkom l-antifona li biha bdejt din il-quddiesa. Għedtilkom hekk: “Ifirħu dejjem fil-Mulej, nerġa’ ngħidilkom ifirħu. Il-Mulej qorob”.
Ngħaddu mbagħad għall-ewwel qari, meħud mill-ktieb tal-Profeta Iżaija…M’inhiex se nirrepeti dak li smajna…ngħid biss li dal-Profeta qed iħabbar lill-Poplu Lhudi, li għalih, żmiem il-jasar dalwaqt se jasal fi tmiemu u b’mod ferrieħi jħabbarlu dan it-tmiem. Jekk kontu attenti żgur smajtu li fost l-oħrajn, Iżaija isemmi li n-natura se terġa’ tixxettel u tieħu r-ruħ. Żgur smajtu wkoll li min hu marid se jerġa’ jieħu saħħtu.
Niġu issa għall-vanġelu. Ġwanni l-Battista jew il-prekursur ta’ Ġesu’ m’għadux jipprietka u jgħammed fid-deżert ħdejn ix-xmara Ġordan. Dan Ġwanni jinsab fil-ħabs…Kien Erodi li qaflu fuq insistenza ta’ Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiha hu. Ġwanni kien iċanfru pubblikament u jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.” (Mark 6,17-19) Biex inkun iktar prattiku: l-adulterju Alla ma jridux. Huwa dnub kontra s-sitt u d-disa’ kmandament. U nkompli nistaqsi: “Id-divorzju li daħal anki f’pajjiżna mhux adulterju ta’ natura kontinwa?” Iva, id-divorzju huwa adulterju ta’ natura kontinwa; għalhekk Alla ma jridux!
Nirriflettu iktar fuq il-vanġelu li qrajna: “Ġwanni li kien il-ħabs, sema’ bl-għemejjel tal-Messija u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu biex jistaqsu lil Ġesu’ u jgħidulu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesu’ weġibhom u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, z-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiequ, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu u l-Evanġelju jixxandar lill-foqra”…Kif kont qed nipprepara din l-omelija ltqajt ma’ daqsxejn ta’ diffikulta’…staqsejt lili nnifsi u għedt: “Ġwanni suppost kien jaf li Ġesu’ kien il-Messija għax kien hu stess li għammdu fl-ilma tax-xmara Ġordan. Kien hu li qal għalih: ‘hemm wieħed f’nofskom li jien ma jistħoqqlix inħoll l-qfieli tal-qorq tiegħu’.” Kien hu li lil żewġ dixxipli tiegħu qalilhom: “Ħarsu lejn dak ir-raġel għaddej…Dak hu l-Ħaruf t’Alla!” Araw kif solvejtha din id-diffikulta…Xi ħadd qalli: “Il-mibgħuta minn Ġwanni kellhom bżonn jemmnu li dak li qed jagħmel daqstant mirakli kien il-Messija, kif soltu ngħid: Alla u Bniedem fl-istess ħin.” Xi ħadd ieħor qalli: “Ġwanni kellu bżonn jifhem li Ġesu’ ma kienx se jkun Messija aħrax, jippriedka u jgħajjat qisu selvaġġ, imma Messija li jgħallem u jressaq lejh lil kull min hu ta’ rieda tajba bil-ħlewwa u bil-ġentilezza.”
Nispiċċa: darba, wieħed kittieb ateu sfida lill-insara u qalilhom: “Jekk triduni nemmen fi Kristu, uru ruħkom iżjed ferħanin u fil-knejjes tagħkom kantaw innijiet inqas monotoni u ta’ swied il-qalb!”