UDJENZA ĠUBILARI
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 20 ta’ Diċembru 2025
Katekeżi. 11. Nittamaw ifisser innisslu. Marija, tama tagħna
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Meta l-Milied ikun wara l-bieb, nistgħu ngħidu: il-Mulej hu fil-qrib! Mingħajr Ġesù, din l-affermazzjoni – il-Mulej hu fil-qrib – tista’ tinstema’ kważi bħal theddida! F’Ġesù, imma, aħna niskopru li, kif kienu ħassew il-profeti, Alla hu ġuf ta’ ħniena. Ġesù Tarbija jurina li Alla għandu ġewwieni ta’ ħniena, li permezz tiegħu hu dejjem inissel. Fih ma hemmx theddida, imma maħfra.
Għeżież, din tal-lum hi l-aħħar waħda fost l-udjenzi ġubilari ta’ nhar ta’ Sibt, li beda f’Jannar li għadda l-Papa Franġisku. Il-Ġublew riesaq lejn tmiemu, imma ma tintemmx it-tama li tatna din is-Sena: se nibqgħu pellegrini tat-tama! Smajnieh lil San Pawl: “Aħna salvi bit-tama” (Rum 8:24). Mingħajr tama, aħna mejtin; bit-tama, niġu għad-dawl. It-tama tnissel. Fil-fatt hija virtù teologali, jiġifieri qawwa ta’ Alla, u bħala tali hija tnissel, ma toqtolx imma twelled u terġa’ twelled. Din hi qawwa vera. Dik li thedded u toqtol mhijiex qawwa: hi prepotenza, hi biża’ aggressiv, hi ħażen li ma jnissel xejn. Il-qawwa ta’ Alla twelled. Għalhekk fl-aħħar nett nixtieq ngħidilkom: li tittama jfisser tnissel.
San Pawl jikteb lill-Insara ta’ Ruma xi ħaġa li ġġagħalna naħsbu: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22). Din hi xbieha b’saħħitha ħafna. Tgħinna nisimgħu u nġorru fit-talb tagħna l-karba tal-art u l-karba tal-foqra. Il-ħolqien “kollu” hu karba. Imma ħafna setgħanin ma jisimgħuhiex din il-karba: il-ġid tal-art jinsab f’idejn il-ftit, ftit ħafna, dejjem ikkonċentrat iżjed – inġustament – f’idejn min spiss ma jridx jagħti widen għall-karba tal-art u tal-foqra. Alla ħaseb li l-ġid tal-ħolqien ikun għal kulħadd, biex kulħadd ikollu sehem minnu. Il-ħidma tagħna hi li nnisslu, u mhux nisirqu. Imma, fil-fidi l-uġigħ tal-art u tal-foqra hu dak tal-ħlas. Alla jnissel dejjem, Alla għadu joħloq, u aħna nistgħu nnisslu miegħu, fit-tama. L-istorja tinsab f’idejn Alla u f’idejn min jittama fih. Ma hemmx biss min jisraq, imma hemm fuq kollox min inissel.
Ħuti, jekk it-talb Nisrani hu hekk profondament Marjan, dan għaliex f’Marija ta’ Nazaret nilmħu waħda minna li tnissel. Alla għamilha għammiela u ġie għandna bil-karatteristiċi tagħha, bħalma kull iben jixbah lil ommu. Hi Omm ta’ Alla u tagħna. “Tama tagħna”, ngħidu fis-Salve Regina. Tixbah lil Binha u Binha jixbahha. U aħna nixbhu lil din l-Omm li tat wiċċ, ġisem, leħen lill-Kelma ta’ Alla. Nixbhuha, biex nistgħu nnisslu l-Kelma ta’ Alla hawn isfel, nibdlu l-karba li nisimgħu fi ħlas. Ġesù jrid jitwieled mill-ġdid: aħna nistgħu nagħtuh ġisem u leħen. Dan hu l-ħlas li l-ħolqien qed jistenna.
Li nittamaw ifisser innisslu. Li nittamaw ifisser naraw li din id-dinja ssir id-dinja ta’ Alla: id-dinja li fiha Alla, il-bnedmin u l-ħlejjaq kollha jippassiġġaw mill-ġdid flimkien, fil-belt-ġnien, Ġerusalemm il-ġdida. Marija, tama tagħna, issieħeb dejjem il-pellegrinaġġ tagħna ta’ fidi u ta’ tama.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard