ALLA TAGĦNA HU ALLA MAGĦNA!
F’kull presepju, kartolina jew xena tal-Milied, l-attenzjoni prinċipali ma tistax ma taqax fuq Marija u ħdejha lil Ġesu’ tarbija mimdud f’maxtura mimlija bit-tiben, l-ikel tal-annimali. Pero’ fl-istess ħin ma nistgħux ma nsemmux ukoll lil San Ġużepp: hu l-protettur kemm ta’ Marija kif ukoll missier putattiv ta’ Ġesu’; ngħidulu “putattiv” għax ma kienx hu li minnu tnissel u twieled Ġesu’… Ġesu’ tnissel bħala bniedem fil-ġuf ta’ Marija u twieled minnha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Lil San Ġużepp nistgħu niddeskrivuh bħala bniedem mill-iktar twajjeb, bniedem ta’ fidi kbira u bniedem ta’ fiduċja u li tista’ torbot fuqu! Fil-kotba sinottiċi, jiġifieri f’dak ta’ San Mattew, dak ta’ San Mark u dak ta’ San Luqa, ismu jissemma’ ħmistax-il-darba, naturalment fil-vanġeli marbuta mat-tfulija ta’ Ġesu’. L-artisti pinġewh isuq xi ħmara, iħabbat il-bibien tal-lukandi u bil-wieqfa ħdejn il-maxtura ta’ Ġesu’.
Ħa ngħidilkom daqsxejn ta’ storja jirrakkuntaha l-kapuċċin Father Francis Maple. Mela darba ġuvni u tfajla Amerikani kienu fuq l-għatba taż-żwieġ tagħhom. Kien għad baqgħalhom ftit xhur biex jgħidu “iva” lil xulxin quddiem is-saċerdot u jibdew l-avventura tal-ħajja miżżewġa flimkien. Ir-raġel kellu inċident tat-traffiku u tilef siequ x-xellugija. Beda jfieq bil-mod il-mod u tant kienu jħobbu lil xulxin li xorta baqgħu bil-ħsieb li jiżżewġu. Ma kellhomx xi żwieġ kbir bħal dak li jagħmlu l-għarajjes tal-lum, pero’ żgur li mhux dak kien l-aktar importanti għalihom! Sabu daqsxejn ta’ flat, krewh, marru joqogħdu fih u b’dak li kienu jaqilgħu t-tnejn (għax ir-raġel sab fejn jaħdem ukoll) irnexxielhom jgħixu ħajja hienja u kuntenta flimkien. Għal din l-istorja, Francis Maple jgħid: “Ta’ sikwit, Alla jaħdem b’modi mhux mistennija; Huwa jfixkel il-pjanijiet tagħna u jaħdem magħna skont pjanijiet oħra, li jinvolvu nies u sitwazzjonijiet li aħna ma nkunux ħsibna dwarhom.” Min kien jgħidilhom lil dan il-ġuvni u lil din it-tfajla minn xiex kellhom jgħaddu. Pero rridu ngħidu li għalkemm differenti minn tagħna, il-pjanijiet t’Alla għalina huma l-isbaħ pjanijiet. Bil-Malti għandna idjoma ma nafx qattx smajtuha…L-idjoma: “Alla kapaċi jikteb dritt fuq versi mgħawġin!” Pero’ ħa niġu għall-vanġelu li għadna kemm qrajna….Qabel xejn nibda mill-kuntest li fih ningastaw il-qari tal-lum.
Il-kuntest: San Mattew jibda l-vanġelu tiegħu bl-arblu tar-razza ta’ Ġesu’. Jgħid San Mattew: “…Ġakobb nissel lil Ġużeppi r-raġel ta’ Mariija, li minnha twieled Ġesu’ li jsejħulu l-Messija. Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.” Mhux il-każ u l-mument li nispjegaw dan l-arblu tar-razza għax żgur konna niltaqgħu ma’ ħwejjeġ tassew sbieħ…Ħa nkomplu:
Marija hija mgħarrsa ma’ raġel jismu’ Ġużeppi…Hawnhekk niltaqgħu ma’ xi ħaġa stramba għax jgħidilna San Mattew hija mgħarrsa ma’ Ġużeppi li kien raġel ġust…Xi ħaġa stramba għax Marija kienet wegħdet lil Alla li ma tiżżewwidx: xtaqet tibqa’ verġni. Ħa naraw x’jgħidulna l-fissiera tal-Iskrittura. Il-fissiera tal-Iskrittura jgħidulna li fi żmien Ġesu’, mara li tiżżewweġ raġel ma kinetx tkun għażla tat-tfajla imma għażla tal-ġenituri tagħha u Marija kienet tfajla ubbidjenti. Ikomplu jgħidulna l-fissiera tal-Iskrittura li probabbilment, Marija ma kienet qalet xejn lill-ġenituri tagħha dwar din il-wegħda li kienet għamlet lil Alla mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu.
Fi żmien li fih inkitbet l-Iskrittura, l-għerusija li kienet isseħħ sena qabel iż-żwieġ propju, kienet xi ħaġa serja ħafna. Infatti nistgħu nsemmu żewġ affarijiet…l-ewwel ħaġa jekk imut l-għarus, l-għarusa kienet titqies bħala armla. L-istess: jekk tmut l-għarusa, l-għarus kien jitqies bħala armel. It-tieninett: jekk għarusa tmur tpoġġi ma’ raġel tkun qisha għamlet adulterju, allura kien każ li għandha tiġi mħaġġra, għax hekk kienet tgħid il-liġi ta’ Mose’.
U hawn inkompli nispjega l-vanġelu tal-lum. Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. X’imkien qrajt li Ġużeppi seta’ ħaseb ħażin fl-għarusija tiegħu Marija, imma dan ma jistax ikun għax lil Marija kien jafha tajjeb, kien iħobbha u kien jaf li ma kinetx se tasal biex tagħmel att ta’ adulterju. X’kien mela l-biża’ ta’ Ġużeppi? Il-biża’ tiegħu kien jikkonsisti f’dan li se ngħid: “Meta Marija għarrfitu bil-misteru li kien seħħ fiha, bħalha jitħawwad, jinfixel u jinkwieta…forsi għax ma ħassus den ikollu x’jaqsam ma’ dan il-Misteru; forsi wkoll għax raha bi tqila jkun il-ħarsien ta’ Marija u ta’ Dak li kienet se ġġib fid-dinja. Imma bħalma ġara fil-każ ta’ Marija, did-darba f’ħolma, l-Anġlu jassigurah li qed imexxi kollox l-Ispirtu s-Santu u jħeġġu jilqa’ lil Marija bħala Martu. Jgħidilna San Mattew, meta qam, Ġużeppi għamel kif ordnalu l-Anġlu.
Nispiċċa bil-kolletta li aħna s-saċerdoti nitolbu fis-solennita’ ta’ San Ġużepp: “Nitolbu. O Alla li tista’ kollox, inti afdajt il-misteru tas-salvazzjoni, sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu, taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp; agħmel li bit-talb tiegħu, il-Knisja tiegħek taqdi dejjem dan il-misteru, sa ma jseħħ għalkollox. Ammen.