Ir-rivista ‘Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin’

Tawgura li l-Assemblea Djoċesana twassal biex il-Knisja ssir aktar ħajja     

Kitba ta’ Michael Caruana

Ġiet ippubblikata l-ħarġa ta’ Novembru-Diċembru tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, ippubblikata kull xaharejn mill-Provinċja Maltija tal-Franġiskani Konventwali. L-editorjal ta’ din il-ħarġa jitratta l-Assemblea Djoċesana li ltaqgħet matul il-ġimgħa li wasslet għas-solennità tal-festa ta’ Kristu Re.

L-editorjal isejjaħ l-Assemblea Djoċesana attività importanti għall-Knisja f’Malta għax matulha hi tevalwa kif qed twettaq il-missjoni tagħha fil-pajjiż. Hi waħda mill-aħjar opportunitajiet ta’ evalwazzjoni komunitarja u miftuħa. Kienet ukoll parti importanti mill-proċess li beda biex is-sena d-dieħla jkollna Pjan Pastorali ġdid għall-Arċidjoċesi ta’ Malta li mistenni jkompli jibni fuq dak li sar tul dawn l-aħħar snin b’ispirazzjoni tad-dokument impenjattiv għal tiġdid ekkleżjali ta’ Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.

L-editorjal awgura li din l-Assemblea Djoċesana kienet frott ta’ smiegħ u diskussjoni komunitarja li se twassal għal missjoni komuni. Għal direzzjoni pastorali li tispira l-ħidma djoċesana kollha. Għal ħidma komunitarja li tkompli twassal biex il-Knisja ssir aktar ħajja.      

Fil-paġni ta’ aħbarijiet dwar il-Franġiskani Konventwali wieħed jaqra, fost oħrajn, tagħrif dwar il-presepju ta’ San Franġisk ta’ Putirjal: attrazzjoni li dawk li jżuru l-Belt Valletta f’dawn il-ġranet m’għandhomx jitilfu li jżuru; artiklu dwar Sant’Antnin ta’ Padova; tkompli s-sensiela ta’ artikli dwar knejjes u kappelli li jieħdu ħsieb il-Franġiskani Konventwali mtella’ mill-Għaqda Ħbieb il-Kappelli Maltin; l-aħħar artiklu mis-sensiela ta’ ħsibijiet dwar is-Sena tat-Tama; intervista ma’ Myra Baldacchino dwar is-sehem li tagħti biex ikunu mgħejjuna missjonijiet fil-Kenja, il-Gwatemala, l-Indja u l-Filippini; żewġ paġni dwar l-ambjent, din id-darba Professur Paul Pace, il-Viċi Chairperson tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, jikteb dwar presepju jitkellem; artiklu speċjali dwar ir-rwol ta’ Marija fl-istorja tas-salvazzjoni; aħbarijiet mid-Dinja Kattolika; l-opinjoni Tlifna l-boxxla ta’ Klaus Vella Bardon; tagħrif dwar iż-żewġ kotba ġodda Il-ġiżimin ta’ Ġona u stejjer oħra u L-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u paġni ta’ tagħrif minn Għawdex, dwar il-kwalifikazzjonijiet għat-Tazza tad-Dinja 2026; ir-riċetta ta’ kif tagħmel il-muffins tal-qargħa aħmar u kompetizzjoni bi premju dwar Sant’Antnin.

Ir-rivista tinbiegħ mill-ħwienet Emmaus il-Belt Valletta, Birkirkara u Victoria Għawdex.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading