Kitba ta’ Joe Galea
Pittura kummissjunata fil-Ġermanja
Fl-2018, il-pittur Ġermaniż Michael Triegel talab lil raġel bla dar f’Ruma biex joqogħdlu għal pittura li kien kummissjunat biex jagħmel, għax innota li dan ir-raġel ikun xebh ideali għal San Pietru, jekk ikollu bżonn ipitter l-ewwel Papa. Issa, seba’ snin wara, il-wiċċ tar-raġel jidher f’pittura, ftit passi ’l bogħod mill-qabar fejn hu midfun. Din hi storja li wieħed ftit kien jistenna, storja ta’ arti, ta’ fidi u ta’ traġedja umana li bdiet bl-attenzjoni tal-Papa Franġisku. Ir-raġel Ġermaniż bla dar, li kien jismu Burkhard Scheffler, miet mill-kesħa u ll-mewt tiegħu kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Papa Franġisku.

Kollox beda fil-Ġermanjafl-2019, meta l-pittur Michael Triegel ingħata kummissjoni mill-katidral Protestant fil-belt ta’ Naumburg, il-Ġermanja, biex joħloq panew ċentrali għal artal f’Ruma, xogħol tal-imgħallem ta’ żmien ir-Rinaxximent, Lucas Cranach. Il-panew kellu jieħu post dak oriġinali, li nqered fl-1541 matul ir-Riforma Protestanta fit-taqlib li ħakem partijiet mill-Ewropa hekk kif beda l-Protestantiżmu fis-seklu 16.
Iż-żewġ panewijiet tal-ġenb tal-altar tal-imgħallem Lucas Cranach ma kienux inqerdu. Il-pittur Michael Triegel, konvertit Kattoliku, feraħ li se jkun sehem ma’ Lucas Cranach u qal li dan hu ġest sabiħ, mhux biex jitfejqu l-ġrieħi li jwasslu sas-seklu 16, iżda biex dawn jittaffew u jitfejqu.
San Pietru jsib postu
Ir-raġel bla dar, Burkhard Scheffler, sab postu bħala San Pietru. Il-pittur Michael Triegel fassal il-pittura kif ftakar fil-laqgħa li kellu fl-2018 ma’ dan ir-raġel f’Ruma. Fil-pittura Scheffler ħa postu bħala San Pietru fost il-qaddisin miġbura madwar Marija u t-tarbija Ġesù. Triegel qal li kien importanti li s-suġġetti tiegħu ma jkunux xi ħaġa tal-imgħddi iżda figuri li min jarahom iqishom bħala nies ta’ hawn u issa u li mhumiex biss storiċi. San Pawl ġie mpitter fuq Rabbi li penġa Triegel f’Ġerusalemm, filwaqt li Marija kienet mudellata fuq bint l-istess pittur. Fin-naħa ta’ wara kien hemm it-teologu Protestant Dietrich Bonhoeffer, li ħadha kontra tan-Nazi fil-Gwerra Dinjija u ġie maqtul minnhom fl-1945. San Pietru ta’ Triegel għandu l-leħja, liebes kappell aħmar tal-baseball u qed jżomm f’idu muftieħ żgħir, referenza għall-imfietaħ bibliċi tas-sema, li huma assoċjati ma’ San Pietru.
Michael Triegel kien sab lir-raġel bilqiegħda fid-daħla ta’ knisja Rumana, jittallab. Hekk kif kien se jagħti l-flus lir-raġel, jgħid: “Ħares lejja u f’dak il-mument ħassejt li, jekk qatt ikolli bżonn San Pietru għal pittura, ikun dan, bid-daqna twila u b’dawk l-għajnejn attenti.” Triegel staqsa lir-raġel bit-Taljan jekk setax joħodlu ritratt u jpenġeh, u r-raġel għamel sinjal ta’ iva b’rasu. B’hekk Triegel ma kellu l-ebda idea minn fejn kien dar-raġel.”
Traġedja f’Ruma
Mingħajr ma Triegel kien jaf, il-‘qaddis’ tiegħu kellu żmien diffiċli wara l-laqgħa tagħhom tal-2018. Burkhard Scheffler, kien sofra matul il-pandemija tal-COVID-19. Taħt il-lockdowns ħorox tal-Italja, inqas u inqas nies ħarġu jipprovdu għotjiet u ikel lil dawk fil-bżonn. Scheffler ġie arrestat f’Mejju 2020 wara li hedded lil xi ħadd b’sikkina talli rrifjuta li jagħtih il-bqija. Huwa ngħata sentenza ta’ tliet snin ħabs u nħeles fl-aħħar tal-2022. Magħruf minn ħafna fil-Vatikan, Scheffler kien dgħajjef fil-ħabs. Idejh, li kienu dejjem sħan, kienu kesħu. Dik is-sena, Scheffler miet bil-kesħa.

Il-Papa jonora lin-nies bla dar
Il-mewt tiegħu ġibdet l-attenzjoni ta’ Franġisku, li kien għamel bħala prijorità l-kura tan-nies bla dar madwar il-Vatikan. Taħt it-tmexxija ta’ Franġisku, il-Vatikan installa doċċi, ħanut ta’ barbiera u klinika, fil-kolonnat ta’ San Pietru. Il-voluntieri kienu joħorġu fl-iljieli kesħin biex iqassmu s-sleeping bags.
Sigħat wara li miet Scheffler, il-Vatikan ħareġ stqarrija fejn qal li kien ġie kkurat mill-uffiċċju tal-karità tal-Vatikan iżda sfortunatament, ix-xita u l-kesħa tal-lejl li għadda kkontribwew biex jaggravaw il-kundizzjoni fraġli tiegħu. Il-Papa Franġisku talab għal Burkhard u għal dawk kollha li huma mġiegħla jgħixu mingħajr dar, f’Ruma u fid-dinja.”
Il-Papa Franġisku, fit-talba tiegħu tal-Angelus, kien qal: “Niftakar f’Burkhard Scheffler, li miet tlett ijiem ilu taħt il-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru. Miet bil-kesħa.” U l-Papa reġa’ lura għas-suġġett fl-omelija ta’ Ħadd il-Palm f’April 2023. “Naħseb dwar il-Ġermaniża, raġel tat-triq, li miet taħt il-kolonnat, waħdu u abbandunata. Huwa Ġesù għal kull wieħed u waħda minna. Tant nies għandhom bżonn il-qrubija tagħna, tant nies huma abbandunati.”
Franġisku talab li Scheffler jindifen fiċ-ċimiterju Ġermaniż fuq l-art tal-Vatikan, flimkien ma’ ħafna saċeroti, pellegrini u nies li jitkellmu bil-Ġermaniż. Il-qabar sempliċi tiegħu jinsab fit-taqsima żgħira tal-pellegrini, fid-dell tal-Bażilika ta’ San Pietru u ftit metri biss mill-qabar tal-veru San Pietru.