IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Ir-IV Ħadd tal-Avvent, 21 ta’ Diċembru, 2025
Għeżież ħuti, il-Jum it-tajjeb!
Illum, ir-raba’ Ħadd tal-Avvent, il-Liturġija tistedinna nimmeditaw il-figura ta’ San Ġużepp. Tippreżentahulna, b’mod partikolari, fil-waqt li f’ħolma Alla jurih x’kellha tkun il-missjoni tiegħu (cfr Mt 1,18-24). B’hekk qed ittina paġna mill-isbaħ tal-istorja tas-salvazzjoni, li l-protagonista tagħha hu bniedem fraġli u li jista’ jiżbalja, bħalna, imma fl-istess ħin, kuraġġuz u qawwi fil-fidi.
L-evanġelista Mattew isejjaħlu “bniedem ġust” (cfrMt 1,19), u dan jurina li hu iżraeljan devot li josserva l-Liġi u jiffrekwenta s-sinagoga. Lil hinn minn dan, però, lil Ġużeppi ta’ Nazaret naraw fih persuna sensibbli għall-aħħar u umana.
Narawh fil-waqt fejn qabel ma’ l-Anġlu jikxiflu l-misteru li qed iseħħ f’Marija, quddiem sitwazzjoni iebsa biex tifhimha u taċċettaha, fil-konfront ta’ dik li kellha tkun martu, ma jagħżilx it-triq tal-iskandlu u tal-kundanna pubblika, imma t-triq tad-diskrezzjoni u ġeneruża li jibgħatha bil-moħbi (cfr Mt 1,19). B’dan juri li jifhem is-sens l-aktar profond tal-osservanza reliġjuża tiegħu: dak tal-ħniena.
Is-safa u n-nobbiltà tas-sentimenti tiegħu, però, joħorġu aktar għad-dawl meta l-Mulej, fil-ħolm, jurih il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu, jindikalu r-rwol li kien se jkollu bla mistenni: isir l-għarus tal-Verġni Omm il-Messija. Hawnhekk, infatti, b’att ta’ fedeltà kbira, jitfa’ wara spallejh l-aħħar port ta’ kenn ta’ sigurezzi tiegħu u jaqdef ‘il barra lejn ġejjieni li issa hu kompletament f’idejn Alla. Santu Wistin jiddeskrivi din l-iva tiegħu b’dal-mod: “Permezz tal-ħniena u l-karità ta’ Ġużeppi twieled iben minn Marija li kien propju Iben t’Alla” (Sermo 51 20.30).
Pjetà u karità, ħniena u abbandun: dawn huma l-virtuwijiet tal-bniedem ta’ Nazaret li ttina l-Liturġija tal-lum, biex ikunu kumpanija għalina f’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent, aħna u noqorbu lejn il-Milied Imqaddes. Huma atteġġjamenti importanti li jedukaw il-qalb għal-laqgħa ma’ Kristu u ma’ ħutna, u li jistgħu ikunu għajnuna, biex inkunu għal xulxin presepju akkoljenti, dar ospitali, sinjal tal-preżenza t’Alla.
F’daż-żmiem ta’ grazzja, m’għandna nitilfu ebda okkażjoni biex inħaddmuhom: naħfru, ninkoraġġixxu, innisslu ftit tama fil-persuni li ngħixu magħhom u f’dawk li niltaqgħu magħhom; u permezz tat-talb inġeddu l-abbandun filjali tagħna fil-Mulej u fil-Providenza tiegħu u bil-fiduċja kollha tagħna nħallu kollox f’idejh.
Jgħinuna f’dan il-Verġni Marija u San Ġużepp, li bil-fidi u b’imħabba kbira, kienu l-ewwel li laqgħu lil Ġesù, is-Salvatur tad-dinja.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lil dawk minn Jumilla, fi Spanja, u lill-grupp ta’ għalliema minn Our Lady College minn Hong Kong. Insellem ukoll lill-fidili minn Chieti Scalo u Voghera, lill-għalliema u l-istudenti tal-Liceo Xjentifiku “Banzi Bazoli” minn Lecce u lill-membri tal-“Fundazzjoni Agostinjani fid-Dinja”, fl-okkażjoni tal-anniversarju.
Illum għandi tislima speċjali għat-tfal u l-adoloxxenti ta’ Ruma! Għeżież, intom ġejtu flimkien mal-famljari tagħkom u l-katekisti biex tbierku l-istatwi ta’ Ġesù Bambin, li se tqiegħdu fi-presepju li għandkom id-dar, fl-iskejjel u fl-ortatorji. Irrodd ħajr liċ-Centro Oratori Romani li organizza dan l-avveniment u minn qalbi nbierek il-Bambinelli kollha. Għeżież tfal, quddiem il-presepju, itolbu wkoll lil Ġesù skont l-intenzjoni tal-Papa. Nitolbu partikolarment ilkoll flimkien sabiex it-tfal kollha tad-dinja jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi. Iroddilkom ħajr minn qalbi!
U flimkien mal-Bambini u l-espressjonijiet kollha tal-fidi tagħna f’Ġesù Bambin iberikkom dejjem il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u Milied hieni u qaddis!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber