Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Epifanija. Il-vjaġġ tal-Maġi.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Sant

Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.


Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.
Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra. Mt 2, 1-12.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”.

Niltaqgħu mal-Maġi

nies li żviluppaw il-ħiliet tagħhom
li jaqraw il-ktieb tan-natura
l-istilel u l-kwiekeb

nies li lesti jiċċaqalqu
għax ifittxu dak li hu tajjeb, sabiħ u veru
is-sultan tal-Lhud

nies li mhux mimlijin bihom infushom:
ġew biex iqimu!

Irrifletti:
• X’inhuma l-kwalitajiet tiegħek? Fejn għamilt vjaġġ biex tiskopri aktar milli taf diġà?

ii. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija.

Niltaqgħu ma’ Erodi:

u n-nies ta’ madwaru
b’ħiliet u għerf
qassisin kbar u kittieba

bniedem li mhux lest li jiċċaqlaq
marbut mas-sigurtà
jitħawwad quddiem min qed ifittex, isaqsi

lest li jqim biss lilu nnifsu
u Ġerusalemm timmoffa.

Irrifletti
• Fejn tħoss ir-riskju li tingħalaq?

iii. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Nerġgħu niltaqgħu mal-Maġi

li ma jaqtgħux qalbhom
meta l-frott jieħu l-ħin biex isir

li jirrikonoxxu f’qalbhom
il-ferħ marbut ma’ Dak li jiswa
anke jekk fiċ-ċokon ta’ tifel f’id ommu

li għandhom il-kuraġġ
li jipproteġu minn min irid joqtol
anke jekk ifisser is-sogru ta’ triq ġdida.

Irrifletti

• B’liema mod tixtieq tesprimi l-qima lejn Ġesù li twieled?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading