(Fl-okkażjoni tal-Ħadd il-Kelma, fl-adorazzjoni ta’ din id-darba, lejn l-aħħar, żidna biċċa żgħira: jiġu preparati kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Mqaddsa ġo ċestin ħdejn l-artal. U fl-aħħar parti, jitilgħu, jieħdu karta u tkun il-Kelma ta’ Alla li tkellem il-qalb. Din dejjem hija libera, u tista’ ma ssirx)
“Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti
Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
Ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil ħaj”. (Salm 84:2-3) (3 sek pawsa)
Ġesù, Int għoġbok tiġi u tgħammar fostna fis-Sagrament Imqaddes. Huwa minn hawnhekk, l’Inti x-xerred il-grazzji tiegħek, l-imħabba tiegħek.
U għalhekk, Mulej, li llejla ġejna hawn, għax ir-ruħ tagħna imxenqa għalik, u tfittex li tkunu qribek…. Ġejna hawn ukoll, biex infaħħruk, biex nadurawk….. imma fuq kollox biex insibu s-serħan tagħna. Iva, o Ġesù, huwa f’dan il-mument ta’ adorazzjoni, li qalbna tistrieħ fil-preżenza tiegħek; li tkun fl-imħabba tiegħek. (5 sek pawsa)
“Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom”. Dal-kliem jimliena bit-tama u bil-kuraġġ. Inti qiegħed hawn f’nofsna, qiegħed tismagħna, tarana, u tħoss kulma qed inħossu aħna. U għalhekk aħna nixxenqu biex nibqgħu miegħek, għax “Int biss għandek il-Kliem tal-ħajja ta’ dejjem”.
Silenzju 3 min Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 4:12-23
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:
“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Ħsieb:
L-Evanġelista Mattew jiddeskrivi l-bidu tal-ministeru pubbliku ta’ Ġesù bħala dawl, li jdawwal il-popli:
“Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom” (Is 9:2).
Mulej Ġesù, Inti d-dawl tad-dinja, u fil-ministeru pubbliku tiegħek, min fejn kont tgħaddi, kont iddawwal popli sħaħ. Kull min kien jiltaqa’ miegħek, kien iħoss fik il-preżenza qawwija ta’ Alla. (2 sek pawsa)
U aħna lkoll, O Ġesù, jekk inħalluk tiġi verament tgħammar fina; Inti tneħħi minna d-dlam tad-dnub, id-dell tal-jasar, il-mewt tad-disperazzjoni; u tibdlu f’dawl tal-ħajja, f’dawl tal-libertà, dawl li jimla’ l-ħajjitna b’ferħ li ma jista’ jeħodulna ħadd. (5 sek pawsa)
U int, u jien, qed inħalluh lil Ġesù jneħħi minn ħajjitna kull dlam u dell tal-mewt?
Qed nersqu lejh ħalli jdawwlilna ħajjitna permezz tas-Sagramenti Mqaddsa tal-Qrar u l-Ewkaristija? (10 sek pawsa)
X’qed nistennew? ejjew illum nieħdu deċiżjoni, u nħalluh jiġi u jdawwal lil ħajjitna.
Silenzju 2 min
Fit-tieni parti ta’ din is-siltà, San Mattew jurina s-sejħa li Ġesù għamel lill-ewwel 4 appostli: Pietru u ħuħ Indri, Ġakbu u ħuħ Ġwanni, fejn l-4 li huma kienu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom. Pietru u Indri kienu qed jistadu, ikallaw ix-xbiek; filwaqt li Ġakbu u Ġwanni kienu ma’ missierhom fuq id-dagħjsa jsewwu x-xbiek tas-sajd. (3 sek pawsa)
Probabbilment, dawn kienu diġa’ semgħu b’Ġesù, u ssaħħru wara l-qawwa tremenda tal-Kelma tiegħu. Tant li meta Hu sejjħilhom biex jimxu warajh, huma minnufih telqu kollox: telqu x-xbiek, telqu l-familja tagħhom, u marru warajh. Hallewh iddawwlilhom ħajjithom.
Ejjew aħna wkoll, fuq l-eżempju ta’ dawn l-4 appostli, ma nitnikkrux, imma minnufih nilqgħu l-istedina ta’ Ġesù, u nħalluh iddawwal lil ħajjitna. (5 sek pawsa)
Għalhekk, fuq tħeġġiġa tal-mibki Papa Franġisku, li ried lit-3 Ħadd ta’ matul is-sena, jkun iddedikat kompletament lill-Kelma ta’ Alla. U proprju f’din is-silta’ li għadna kemm smajna, għandna eżempju sabiħ tal-Kelma ta’ Ġesù: dan id-dawl qawwi li jdawwal id-dlamijiet tal-ħajja; mess, u dawwal il-moħħ u l-qalb tal-ewwel Appostli tiegħu. Ejjew nagħmlu bħalhom, u nkomplu niftħu qalbna għad-dawl li kontinwament tagħtina l-Kelma ta’ Ġesù. Ejjew ma nħallux ġurnata tgħaddi, mingħajr ma ninxteħtu fid-dawl tal-Kelma tiegħu, li kapaċi mhux biss tmexxina, imma kapaċi tfejjaqna, teħlisna, tilliberana, u tqaddisna wkoll. (10 sek pawsa)
(Din il-parti ssir jekk ikun se jsir l-eżerċizzju tal-kwotazzjoni mill-Iskrittura Mqaddsa)
Il-Mulej għandu kelma għal kull wieħed u kull waħda minna. Fin-nofs ħa jkun hemm ċestin b’diversi karti b’kwotazzjoni mill-Bibbja. Ejjew nersqu u nieħdu waħda u mmorru f’postna naqrawha bil-kwiet, u naraw Alla x’inhu jgħidli permezz tal-Kelma Tiegħu. Dik il-kwotazzjoni mill-Bibbja, tajjeb li nżommuha, ħalli tkun il-Kelma t’Alla li ddawwalna.
Kant: ________________(Waqt li jkunu qed jitilgħu jieħdu l-kwotazzjoni)
Ejjew f’dan il-ħin, inħallu lil Ġesù jkellimna u jdawwalna permezz tal-Kelma Tiegħu.
Silenzju 4 min
Talbiet tal-Komunitá
Hekk kif ninsabu f’din il-Ġimgħa ta’ talba għall-għaqda fost l-Insara, ejjew nduru lejn il-Missier, li hu l-Missier tagħna kollha, u nressqulhu t-talbiet tagħna b’fiduċja kbira fl-imħabba tiegħu għalina.
Nitolbuk Missier Qaddis, biex l-Insara, membri ta’ Knejjes mifrudin minn xulxin, jersqu aktar lejn xulxin biex jaħdmu għall-għaqda li Int trid tara bejnietna. Nitolbu.
Nitolbuk Missier Qaddis, għal dawk kollha li tajthom missjoni fost il-poplu tiegħek, biex jikkordinaw il-ħafna ħidmiet biex jinġiebu ‘l quddiem tant sforzi biex il-Knejjes mifrudin ifittxu dak li jgħaqqadhom. Nitolbu.
Nitolbuk, Mulej, għall-grazzja li naħdmu flimkien ma’ ħutna Nsara ta’ Knejjes oħra, biex inwasslu l-paċi kulfejn inkunu. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, biex bħala Nsara, naħdmu flimkien, ħa noħoġu u nersqu lejn dawk li huma ‘l bogħod minnek. Nitolbu.
Nitolbu Mulej, f’din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara biex flimkien nagħrfu ngħinu lil ħutna li qed ibatu f’żoni ta’ kunflitt. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kwotazzjonijiet mill-Iskrittura Mqaddsa
Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, l-iktar ma’ qrabatna fil-fidi.
GALATIN 6:10
Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi; Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem.
SALMI 73:26
Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.
PROVERBJI 19:17
aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi.
SALMI 100:2
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu, tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu lill-Mulej.
1 KRONAKI 16:10
Popli kollha, ċapċpu idejkom, għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
SALMI 47:2
Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi u t-tarka tiegħi, fih ittamat qalbi; ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi; irroddlu ħajr bil-għana tiegħi.
SALMI 28:7
U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
RUMANI 15:13
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
SALMI 95:6
“Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies?
MATTEW 6:25
Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”
ĠWANNI 13:35
Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
KOLOSSIN 3:17
Jitgħaxxaq il-Mulej b’min għandu l-biża’ tiegħu, u b’min jittama fit-tjieba tiegħu.
SALMI 147:11
Leħen jgħajjat: “Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
ISAIJA 40:3
Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.
1 KORINTIN 13:13
Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”
ĠWANNI 14:21
Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla.
1 ĠWANNI 4:15
Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, l-iktar ma’ qrabatna fil-fidi.
GALATIN 6:10
Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.
LHUD 10:23
Lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom;
1 PIETRU 3:15
Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom; tibżgħux u titregħdux quddiemhom; għax hu, il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; mhux se jħallik, u anqas jitilqek.”
DEWTERONOMJU 31:6
Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama.
SALMI 130:5
Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.
ISAIJA 40:31
U Ġesù qalilhom:
“Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.”
Mt 19:14
“U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”
Mt 28:20
“La l-Mulej miegħi, m’għandix għax nibża’.”
Salm 118:6
“Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew.”
1 Ġw 3:1
“Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni: tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.”
Salm 139:13-14
“Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.”
Ef 2:10
“Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.”
Salm 107:1
Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”
Ġw 14:6
“Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.”
1 Tim 4:12
“Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.”
Fil 4:4
“Għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”
Lq 1:37
“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbħu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”
Mt 22:37-39
“Qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.”
Salm 37:4
“Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek.”
Prov 3:5
“Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.”
Fil 4:13
“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”
Mt 5:16
“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama.”
Ġer 29:11
“La tibżax, għax miegħek jien!
La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jiena ngħinek; inwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!”
Is 41:10
“Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.”
Ef 4:32
“Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.”
Lq 6:31
“Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”
Mk 10:27
“Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.”
1 Ġw 4:19
“L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi.
Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.”
Is 60:22
“Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej u Alla tiegħek ikun miegħek” (Ġożwe 1,9)
“Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta aktar minn xabla b’żewġt ixfar” (Lh 4,12)
“Naqqaxtlek ismek fuq il-pala ta’ idejja” (Is 49,16)
“Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesu'” (Fil 3,8)
“Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umilta’, ħlewwa u sabar…. aħfru lil xulxin bħalma l-Mulej ħafer lilkom” (Kol 3,12-13)
“La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-leminija tiegħi” (Is 41,10)
“Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma'” (1Sam 3,10)
“Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu” (1Kor 11,1)
“F’Alla s-salvazzjoni tiegħi u l-ġieħ tiegħi, hu l-blata qawwija tiegħi, u l-kenn tiegħi f’Alla” (Salm 62,8)
“Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: isma’, Sidi, il-leħen tiegħi” (Salm 130,1)
“Musbieħ għal riġelejja l-kelma tiegħek u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119,105)
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok ikkonsagrajtek” (Ġer 1,5)
“Ċarrtu qlubkom, u mhux ilbieskom, u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom, għax hu twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba” (Ġoel 2,13)
“Jien sibt kliemek, u kiltu; u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta’ qalbi” (Ġer 15,16)
“Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” (Mk 6:50)
“Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa’ mmur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej” (Ġob 1,21)
“Erġa’ lejn Alla, agħmel ħbieb miegħu, u mbagħad ikollok riżq tajjeb” (Ġob 22,21)
“Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1,38)
“Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu” (Lq 8,21)
“Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6,35)
“Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rom 8,31)
“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13)
“Mulej, għand min imorru? Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6,68)
“Kunu qaddisin, għax qaddis jien” (1Pt 1,16)
“Jien sibt kliemek, u kiltu; u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta’ qalbi” (Ġer 15,16)
“Għax hemm ħajja għalik għaż-żmien li ġej,
u t-tama tiegħek ma tkunx fiergħa.” (Prov 23:18)
“Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa’ mmur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej” (Ġob 1,21)
“Erġa’ lejn Alla, agħmel ħbieb miegħu, u mbagħad ikollok riżq tajjeb” (Ġob 22,21)
“Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2Kor 5,20)
“Ixbħu lil Alla, bħala wlied maħbuba” (Ef 5,1)
“Inħafrulha ħafna, għax ħabbet ħafna” (Lq 7,47)
“Il-fidi tiegħek salvatek, mur bis-sliem” (Lq 7,50)
“Erġgħu duru lejja, u jien nerġa’ ndur lejkom” (Żak 1,3)
“Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm hu qrib” (Iż 55,6)
“Tarmux il-fiduċja tagħkom, għax din iġġib magħha ħlas kbir. Tassew li teħtieġu s-sabar biex tagħmlu r-rieda ta’ Alla” (Lh 10,35-36)
“Minn fost il-popli kollha, lilek għażel il-Mulej Alla tiegħek biex tkun il-poplu miksub tiegħu, għax ħabbkom” (Dewt 7,6)
“Erġa’ dur lejja, għax jiena fdejtek” (Iż 44,22)
“Kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda inxteħet fuq għonqu u biesu”. (Lq 15,20)
“Mulej, int tħenn għal kulħadd, għax inti tista’ kollox” (Għerf 11,23)
“Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, iddum biex tagħdab, kollok ħniena u fedelta” (Salm 86,15)
“Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu” (Ef 2,4-5).
“Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u daħħal f’darek l-imsejken bla saqaf” (Iż 58,6)
“Agħmek kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tħassib” (Fil 2,14)
“La ssewdux qalbkom, għax ferħ il-Mulej hu l-qawwa tagħna” (Neħ 8,10)
“Biegħdu minnkom il-ħtijiet kollha li waqajtu fihom, u ġeddu qalbkom u ruħkom” (Eżek 18,31)
“Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.” (Salm 33:22)
“U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”
Mt 28:20
Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama.
SALMI 130:5
“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama.”
Ġer 29:11
“Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi,
u titħawwad ġewwa fija?
Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru;
Hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!” (Salm 43:5)
“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mt 11:28-30)
“Jitgħaxxaq il-Mulej b’min għandu l-biża’ tiegħu,
u b’min jittama fit-tjieba tiegħu” (Salm 148:11)
“Dan jien nhewden f’qalbi, biex b’hekk nittama. Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem, tjubitu ma tonqos qatt.” (Lam 3:21-22)
“Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu. (Is 40:31)
“Mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.” (Ġer 17:7)
“Imma jien nittama fil-Mulej, nistenna ‘l Alla tas-salvazzjoni tiegħi, Alla tiegħi jismagħni” (Mik 7:7)
“Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu lis-sofferena ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, l-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rum 5:2-5)
“Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wiet li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef” (1Pt 1:3)