Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:
“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu. Mt 4:12-23.
- Riflessjoni/talba:
i. Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali …
Diġà kellu jwarrab lejn l-Eġittu,
għax Erodi ried joqtlu;
issa jwarrab lejn il-Galilija
hekk kif arrestaw lil Ġwanni.
Imma mhux iwarrab biex jaħrab:
anzi, jwarrab biex jidħol
fejn hemm il-kumplessità tal-ħajja
fil-post fejn il-poplu sofra t-telfa
fejn hemm ħafna ideat kuntrastanti
fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali.
Irrifletti:
• Tiċċaqlaq? Biex taħrab jew biex tinpenja ruħek?
ii. “Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.
Fl-art ta’ Żebulunu u fl-art ta’ Naftali
fil-post tad-diżappunt
fejn kollox jidher mitluf
Ġesù jiġi bħala dawl
li jissorprendi d-dlam
u l-bniedem jerġa jilmaħ il-marka ta’ Alla fih
u t-triq il-quddiem.
Irrifletti
• Fejn idda dawl fik din il-ġimgħa?
iii. Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”. Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
U d-dawl idda fuq ix-xatt ta’ Pietru u ħuħ Indri:
issa jistgħu joħolmu mill-ġdid:
mhux biżżejjed għalihom li jaqbdu l-ħut
mhux biżżejjed li jimxu mal-kurrent.
anke huma jingħataw il-qawwa li jkunu dawl
magħhom li Alla jinseġ relazzjonijiet li jibdlu d-dinja.
Irrifletti
• X’inhi s-sejħa tiegħek fid-dinja?
- Missierna