Żgur li mhux l-ewwel darba li lmentajna minn xi ħaġa li tkun iddejjaqna u fil-font ta’ qalbna jew anke fuq fommna għedna, ‘imma jien x’għamilt ħażin, għaliex Alla qiegħed jittrattani b’dan il-mod?’ Jekk ninżlu fil-fond ta’ dak li nkunu ngħidu u l-mentalità li jkun hemm warajh nindunaw li fil-fond ta’ qalbna fadal l-idea antika li ‘Alla lil min hu tajjeb jagħtih it-tajjeb u lil min hu ħażin jagħtih l-ħażin’. Jekk jien inkun għaddej minn mument ta’ tbatija faċli naħseb li jew Alla ma jħobbnix jew Alla qiegħed jikkastigani ta’ xi ħażen li għamilt.
Hekk kienet il-mentalità tal-poplu Lhudi qabel Ġesù u fi żmienu; is-sinjur kien jemmen li hu sinjur għax Alla kien qiegħed ipattilu tat-tajjeb li għamel hu jew l-antenati tiegħu, u l-fqir u l-batut kien iħoss li huwa hekk għax Alla qiegħed jikkastigah tal-ħażen tiegħu. Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, jitla’ fuq il-muntanja biex jgħallimna dak li hu l-qofol tal-Kelma tiegħu. Kif Mosè telgħa fuq il-muntanja u rċieva minn idejn Alla l-għaxar kmandamenti, Ġesù jitla fuq muntanja u jwassal l-liġi l-qadima għall-perfezzjoni permezz tal-Beatitudni. Huwa jaqleb ta’ taħt fuq il-mentalità antika li semmejna fil-bidu, u jgħallimna li f’għajnejn Alla l-foqra, id-dgħajfa u l-imwarrba huma l-privileġġjati.
Il-mentalità tal-Beatitudni, mxandra minn Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, ma hijiex għal kollox ġdida; fl-ewwel qari tal-lum, mill-ktieb tal-profeta Sofonija, nistimgħu, ‘Fittxu lill-Mulej ilkoll, intom, l-umli tal-art, li tagħmlu ordnijietu, fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà;…’ Il-bniedem sinjur ħafna drabi jħossu superjuri għal ħaddieħor, u allura ma tantx huwa assoċjat mal-umiltà u l-ġustizzja. Bil-Malti ngħidu ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’, u allura min għandu ħafna flus faċli jħossu li jista’ jagħmel li jrid u jgħaddi mnejn irid. Dan ma jfissirx li min hu fqir jew min ma jikklassifikax ruħu bħala sinjur huwa meħlus mit-tentazzjoni tal-poter. Ġesù, fl-evanġelju tal-lum, aktar milli qiegħed ikellemna dwar dak li hemm f’butna, qiegħed ikellemna dwar dak li hemm f’qalbna; “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.”
Ninnutaw li ħafna mill-Beatitudnijiet jirreferu għas-sentimenti, jew dak li nħossu ġewwa fina, ġo qalbna kif ngħidu. Il-Mulej llum qed jistedinna biex neżaminaw x’qalb għandna, jekk hix qalb tixbaħ lil tiegħu, jiġifieri qalb li taf tagħder u tħenn, jew qalb magħluqa, mimlija b’dak li hu ta’ din id-dinja, mimlija bl-eġoiżmu, qalb li ngħalqet għal dak li qed iħoss ħaddieħor. Il-Beatitudni huwa attwali llum aktar minn qatt qabel. Qalb umli, kif qed jistedinna nkunu llum il-Mulej, hija qalb li taf li ma hijiex perfetta, u għalhekk qalb li taf tagħder u tħenn.
Il-qofol tal-Beatitudni huwa l-Kmandament tal-Imħabba, li huwa fil-qalba tal-predikazzjoni ta’ Ġesù. L-imħabba vera hija l-isbaħ ħaġa tal-ħajja u l-aktar diffiċli biex naslu għaliha wkoll. Min irid verament iħobb jeħtieġlu li jirrifletti fil-fond u ta’ spiss fuq il-Beatitudni, għax faċli nispiċċaw b’qalbna vojta mill-aktar ħaġa importanti tal-ħajja. Qalb vojta mbagħad tipprova timtela b’dak li qatt ma jista’ jimliha, jiġifieri dak li hu materjali jew ta’ din id-dinja biss.
Mulej Ġesù, inti llum tgħallimna li mingħajr umiltà vera ma jistax ikun hemm imħabba. Għenna Mulej, għax qed ngħixu f’dinja li ħafna drabi tfittex dak li hu bil-maqlub tal-Evanġelju tiegħek, u int biss tista’ tiftħilna għajnejna u qalbna biex nilqgħu il-Kelma tiegħek li tista’ ssalvana.