Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
Kemm nixtieq li ninvistak,
o Ġesù Sagramentat,
f’kull artal fejn tinsab waħdek
minn kulħadd abbandunat.
Missierna, Sliema, Glorja
Kemm nixtieq li tant qlub kelli
ta’ kemm huma lejk ingrati,
u ta’ dawk li ma jagħrfukx,
biex tant qlub lilek kont nagħti.
Missierna, Sliema, Glorja
Imma għaliex qalb waħda tajtni,
kollha lilek jien nagħtiha,
bħala vittma tal-imħabba
tant għalihom, kemm għalija.
Missierna, Sliema, Glorja
Mill-Imqaddes Tabernaklu
deh, Ġesù, qatt la tinsieni
fidi u tama kattar fija
u bin-nar ta’ mħabbtek imlieni.
Missierna, Sliema, Glorja
O Ġesù fuq ħsibijieti,
fuq kull xewqa tal-qalb tiegħi,
xerred, deh, il-barka tiegħek,
b’mod li tibqa’ dejjem miegħi.
Missierna, Sliema, Glorja
Silenzju 3min
Innu: ____________
Din is-silta hija l-introduzzjoni tal-hekk imsejjaħ ‘diskors tal-muntanja’. San Mattew jippreżenta lil Ġesù bħala Mosè l-ġdid, li jitla’ fuq muntanja, joqgħod bilqegħda u jgħallem lid-dixxipli tiegħu. Ġesù huwa Mosè l-ġdid, li jagħtina l-liġi l-ġdida għal dawk kollha li jixtiequ jimxu warajh. Dawn it-tmien beatudnijiet, huma indikazzjonijiet ta’ kif għandu jgħix in-nisrani. (10 sekonda)
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 5:1-12
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
O Ġesù, f’dan it-tagħlim li tajtna, nindunaw kif il-valuri l’Inti tqanqal fina bħala dixxipli tiegħek, huma kompletamant kuntrarji għal-valuri tad-dinja. Int qed issejħilna għall-qdusija. U li dawn it-tmien beatudnijiet iridu jkunu l-bażi, li fuqu aħna għandna nibnu ħajjitna.
O Sinjur, Inti għidtilna: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet”. (3 sek pawsa)
Huwa faċli, o Mulej, li npoġġu l-fiduċja tagħna fi bnedmin oħra, fl-ideat tagħna, fl-ideoloġiji tagħna, fil-karriera tagħna, fil-flus, fil-ħwejjeġ li jgħaddu. Imma Int, qiegħed issejħilna biex inpoġġu l-fiduċja tagħna f’Alla biss; li nintelqu kompletament fir-rieda mqaddsa tiegħu. Meta nagħmel hekk inkun nista’ nissejjaħ ‘hieni’.
Iċ-ċertezza tiegħi huwa f’Alla jew f’din id-dinja u dak kollu li tagħti?
Silenzju 2 min
Henjin dawk li jibku: “Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”. (3 sek pawsa)
Din hija sejħa li qed tagħmlilna, o Ġesù, li aħna nibku ma’ min jibki; nagħtu spalli lil min qiegħed ibati; li nkunu qrib ma’ dawk li jgħixu f’solitudni, li huma weħidhom.
Dan ifisser, li mhux biss nagħtu xi donazzjoni, meta jsiru l-kampanji għal min hu fil-bżonn; imma li jien inkun miftuħ li nisma’ u nagħti l-ħin tiegħi lil dik il-persuna li hi weħidha, kemm jekk tgħix f’darha, jew tinsab rikoverata l-isptar, jew f’xi home tal-anzjani. Li nkun hemm għal min jixtieq jiftaħ qalbu għax hu nkwetat, għaddej minn żmien diffiċli.
Mulej, Int qiegħed titlob minna, li ninsew ftit lilna nfusna, u li naħsbu iktar fl-oħrajn u fil-bżonnijiet tagħhom. (5 sek pawsa)
Jalla d-dawl tal-beatudnijiet idawwalna, u verament jkabbarna fil-qdusija personali, u bħala knisja.
Silenzju 3 min
Salm Responsorjali
Issa li smajna l-Kelma tal-Mulej u rrifletejna dwarha, ejjew nistqarru, li hu hieni minn tassew hu fqir fl-ispirtu. Ngħidu flimkien: Henjin il-foqra fl-ispirtu.
Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. Ngħidu flimkien
Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. Ngħidu flimkien
Hu jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. Ngħidu flimkien
Tingħata l-Barka Sagramentali: